MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
27.8.2008
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Hélène Flautre, Margrete Auken, Caroline Lucas, David Hammerstein, Jill Evans u Daniel Cohn-Bendit
f'isem il-Grupp Verts/ALE
dwar is-sitwazzjoni tal-priġunieri Palestinjani f'ħabsijiet Iżraeljani
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0343/2008
B6‑0382/2008
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-priġunieri Palestinjani f'ħabsijiet Iżraeljani
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani,
– wara li sema’ d-dikjarazzjoni li saritlu mill-Kummissarju Ferrero-Waldner fid-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-sitwazzjoni tal-priġunieri Palestinjani f’ħabsijiet Iżraeljani,
– wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael, b'mod partikulari l-Artikolu 2 tagħha li jirrigwarda d-drittijiet umani,
– wara li kkunsidra r-riżultati tat-tmien laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael, li saret fil-Lussemburgu fis-16 ta' Ġunju 2008,
– wara li kkunsidra r-rapport imħejji mid-Delegazzjoni ad hoc lill-Iżrael u t-Territorji Palestinjani (30 ta' Mejju-2 ta' Ġunju 2008) u l-konklużjonijiet tiegħu,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-NU dwar il-konflitt tal-Lvant Nofsani,
– wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Ċivili fi Żmien ta' Gwerra tat-12 ta' Awwissu 1949, b'mod partikulari l-Artikoli 1 sa 12, 27, 29 sa 34, 47, 49, 51, 52, 53, 59, 61 sa 77 u 143 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti ta' l-20 ta' Novembru 1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal (UNHCR), u b'mod partikulari l-Artikoli 9 u 37 tagħha,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' l-1948,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali tan-NU ta' l-1966 dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,
– wara li kkunsidra r-Rapport Annwali (2007) tal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, b'mod partikulari t-taqsima li tittratta dwar it-Territorji Palestinjani Okkupati,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra liema Konvenzjoni ġiet adottata permezz tar-Riżoluzzjoni 39/46 ta’ l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ta' l-10 ta' Diċembru 1984,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi llum il-ġurnata iktar minn 11,000 Palestinjan, inklużi 118-il mara u 376 tifel u tifla, huma miżmuma f'ċentri ta' detenzjoni u f’ħabsijiet Iżraeljani,
B. billi l-Iżrael ħelset 198 priġunier Palestinjan fil-25 ta’ Awissu 2008,
C. billi, skond il-UNHCR, li tagħha l-Iżrael huwa firmatarju, tifel jew tifla huma ddefiniti bħala kwalunkwe bniedem jew bniedma taħt l-età ta’ 18-il sena; billi, madankollu, it-tfal Palestinjani mill-età ta' 16 huma meqjusa bħala adulti skond ir-regolamenti militari ta' l-Iżrael li jirregolaw it-Territorji Palestinjani Okkupati,
D. billi l-maġġoranza l-kbira tal-priġunieri Palestinjani mix-Xatt tal-Lvant u minn Gaża qed jinżammu f’ħabsijiet li jinsabu ġewwa territorju Iżraeljan, ħalli l-familji tagħhom ma jkunux jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jżuruhom; billi l-liġi umanitarja internazzjonali tipprojbixxi t-trasferiment ta' persuni ċivili, inklużi detenuti u priġunieri, minn territorju okkupat għat-territorju ta' l-istat li jkun qed iwettaq l-okkupazzjoni; billi madwar 1,240 priġunier Palestinjan, inklużi 840 li qed jinżammu f’iżolament totali, qed ikunu mċaħħda milli jkollhom żjarat mill-familji diretti bi ksur tal-Artikolu 116 tar-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra,
E. billi l-Iżrael qed iżżomm madwar 800 priġunier Palestinjan f’ “detenzjoni amministrattiva” mingħajr akkuża jew proċess tal-qorti, awtorizzata minn ordni amministrattiva u mhux minn digriet tal-qorti; billi l-Iżrael tinjora r-restrizzjonijiet imposti mil-liġi internazzjonali dwar l-applikazzjoni ta' "detenzjoni amministrattiva",
F. billi l-arrest ta’ 48 membru parlamentari, jiġifieri kważi terz tal-membri eletti tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, dgħajjef serjament il-ħajja demokratika Palestinjana; billi l-Iżrael arrestat u tefgħet il-ħabs ukoll membri eletti ta’ kunsilli muniċipali,
G. billi l-kwistjoni tal-priġunieri politiċi hija punt deċiżiv fuq l-aġenda politika, b'implikazzjonijiet politiċi, soċjali u umanitarji importanti,
H. billi d-dokument tal-priġunieri adottat f'Mejju 2006 minn mexxejja politiċi li qegħdin il-ħabs u li ġejjin minn fazzjonijiet differenti serva bħala bażi għad-dokument tal- konċiljazzjoni nazzjonali u witta t-triq għat-twaqqif ta' gvern ta' unità nazzjonali,
I. billi ħafna mill-1,180 priġunier Palestinjan li ġew eżaminati mill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u misjuba morda jew midruba, li minnhom madwar 160 għandhomm mard serju, qed ikunu mċaħħda minn attenzjoni medika xierqa bi ksur tal-Artikolu 91 tar-Raba’ Konvenzjoni ta’ Ġinevra,
J. billi, skond l-Artikolu 2 tal-Ftehima ta’ Assoċjazzjoni (2000) bejn l-UE u l-Iżrael, ir-relazzjonijiet bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Iżrael huma bbażati fuq ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi, li għandu jmexxi l-politika interna kif ukoll dik internazzjonali u li jikkostitwixxi element essenzjali tal-ftehima; billi l-Pjan ta’ Azzjoni (2004) bejn l-UE u l-Iżrael jinkludi espliċitament ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għal-liġi umanitarja internazzjonali fost il-valuri li jħaddnu bejniethom l-UE u l-Iżrael,
1. Jisħaq li l-kwistjoni tal-priġunieri politiċi Palestinjani, li għandhom il-ħila li jaġixxu bħala forza ta' moderazzjoni kemm internament u kemm fir-rigward tal-konflitt ma' l-Iżrael, għandha impatt ewlieni kemm fuq is-soċjetà Palestinjana u kemm fuq il-konflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina;
2. Jitlob, f'dan il-kuntest, biex jinħeles għad sostanzjali ta' priġunieri politiċi Palestinjani u b’mod partikulari biex isir il-ħelsien immedjat tal-priġunieri li huma Membri tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, inkluż Marwan Barghouti; jenfasizza li kwalunkwe soluzzjoni tal-konflitt għandha tinkludi l-ħelsien tal-priġunieri politiċi Palestinjani kollha;
3. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-ħelsien riċenti ta’ 198 priġunier Palestinjan, li kien sinjal ta’ rieda tajba mill-Iżrael, u jenfasizza mill-ġdid l-importanza tal-preżenza ta’ miżuri li jibnu l-fiduċja fil-proċess tal-paċi;
4. Jinnota l-importanza tal-passi reċiproki li ttieħdu dan l-aħħar mill-Gvern Iżraeljan u l-Ħeżbollaħ rigward il-priġunieri; jitlob biex jittieħdu passi simili mill-Iżrael u l-Ħamas, sbil-ħsieb li jinħeles b’mod immedjat il-Kapural Iżraeljan Gilad Shalit;
5. Jitlob lill-Iżrael biex iġib il-leġiżlazzjoni tiegħu konformi ma’ l-istandards internazzjonali tal-ġustizzja tal-minorenni u biex b’hekk jirriforma s-sistema legali militari applikata lit-tfal Palestinjani, u b’mod partikulari:
- a.biex jeħles b’mod immedjat lid-detenuti minorenni kollha mill-ħabsijiet;
- b.biex iġib fi tmiemha l-prattika li jinżammu persuni taħt l-età ta’ 18-il sena f’detenzjoni amministrattiva u biex b’mod immedjat jemenda, skont il-UNHCR, ir-regolamenti li jirregolaw it-Territorji Palestinjani Okkupati peress li dawn ir-regolamenti jirrigwardaw l-età ta’ l-istat ta’ adult;
- c.biex jiggarantixxi kundizzjonijiet xierqa għall-minorenni detenuti jew li jinsabu fil-ħabs, kif hemm spjegat fir-regolamenti standardizzati tal-UNHCR u tan-NU rigward l-amministrazzjoni tal-ġustizzja u l-kundizzjonijiet tad-detenzjoni għall-minorenni;
6. Jistieden lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex fir-relazzjonijiet tagħhom ma' l-Iżrael jimplimentaw il-Linji Gwida ta' l-UE dwar it-Tfal f'Konflitti Armati u biex il-ħarsien tat-tfal Palestinjani detenuti mill-Iżrael jagħmluh parti essenzjali mid-djalogu fil-livelli kollha tar-relazzjonijiet;
7. Ifakkar lill-Iżrael li l-prattika li priġunieri Palestinjani mix-Xatt tal-Lvant u minn Gaża jinżammu f’ħabsijiet fl-Iżrael imur kontra l-obbligi tiegħu taħt il-liġi internazzjonali; jistieden għalhekk lill-Iżrael biex jirriloka lil dawn il-priġunieri fix-Xatt tal-Lvant u f’Gaża; jinsisti fuq l-implimentazzjoni immedjata tad-dritt għal żjarat tal-familji;
8. Jistieden lill-Gvern Iżraeljan u lill-Knesset biex jikkunsidraw mill-ġdid il-Liġi dwar il-Ġellieda Illegali li tippermetti d-detenzjoni amministrattiva, u biex iġibuha konformi ma' l-istandards internazzjonali tal-liġi umanitarji u tad-drittijiet tal-bniedem;
9. Itenni l-kundanna tiegħu għall-forom kollha ta' tortura u trattament ħażin; jistieden lill-iżrael biex immedjatament jiżgura li jkun konformi mal-Konvenzjoni tan-NU Kontra t-Tortura, li tagħha huwa Parti Statali, u biex
- a.immedjatament iġib fi tmiemha kull forma ta' trattament ħażin u tortura waqt l-arrest, l-interrogazzjoni u t-tfigħ fil-ħabs, biex jadotta leġiżlazzjoni rigward din il-kwistjoni u biex jinvestiga b’mod komplet u imparzjali l-allegazzjonijiet kollha ta’ tortura u abbuż tal-Palestinjani detenuti u biex lil dawk misjuba responsabbli jitressqu l-qorti;
- b.jiżgura li jkunu osservati standards minimi ta’ detenzjoni rigward l-ikel, il-kura tas-saħħa, id-daqs u l-post fejn jinsabu l-ħabsijiet, il-ħarsien mit-temp u ż-żjarat mill-familji;
- c.jiggarantixxi lill-priġunieri Palestinjani kura medika xierqa;
10. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu minħabba s-sitwazzjoni tal-priġunieri Palestinjani nisa, li kif qed jingħad huma suġġetti għal trattament ħażin; jistieden lill-awtoritajiet Iżraeljani biex itejbu b'mod konsiderevoli l-protezzjoni ta' priġunieri vulnerabbli, b'mod partikulari l-ommijiet u n-nisa ta' età żgħira;
11. Jiġbed l-attenzjoni għall-Artikolu 2 tal-Ftehima ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael u jistieden lill-Iżrael biex jikkonforma mal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u mal-liġi umanitarja, b'mod partikulari d-dispożizzjonijiet tiegħu rigward il-ħarsien ta' persuni ċivili li jgħixu fi stat ta’ okkupazzjoni; jistieden lill-Kunsill biex jieħu l-passi meħtieġa biex jiżgura l-konformità mal-liġi internazzjonali u mal-konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u dawk umanitarji iffirmati mill-iStat ta’ Iżrael;
12. Jesprimi t-twemmin qawwi tiegħu li t-titjib tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Iżrael għandu jkun konsistenti u marbut mal-konformità min-naħa tal-Iżrael mal-obbligi internazzjonali tiegħu skond il-liġi internazzjonali, u b'mod partikulari l-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u umanitarja;
13. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni meħuda fit-tmien laqgħa tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Iżrael li jiġi stabbilit Sottokumitat komplet dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, minflok il-Grupp ta' Ħidma dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; jitlob sabiex l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Iżrael u fit-Territorji Palestinjani Okkupati jiġu kkonsultati b'mod estensiv u involuti bis-sħiħ fil-monitoraġġ tal-progress ta' l-Iżrael lejn il-konformità ma' l-obbligi tiegħu skond il-liġi internazzjonali;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Gvern Iżraeljan, lill-Knesset, lir-Rappreżentant Għoli tal-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lir-Rappreżentant tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-President ta' l-Assemblea Parlamentari Ewro-Mediterranja, lill-President ta' l-Awtorità Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan u lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem.