Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0396/2008

Testi mressqa :

B6-0396/2008

Dibattiti :

PV 03/09/2008 - 15
CRE 03/09/2008 - 15

Votazzjonijiet :

PV 04/09/2008 - 7.5
CRE 04/09/2008 - 7.5

Testi adottati :


MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 107kWORD 66k
1.9.2008
PE410.798
 
B6‑0396/2008
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Ewa Tomaszewska, Ryszard Czarnecki, Konrad Szymański, Adam Bielan u Mieczysław Edmund Janowski
f'isem il-Grupp UEN
dwar l-Għan Nru 5 tal-Millennju għall-Iżvilupp (is-saħħa tat-tqala)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-Għan Nru 5 tal-Millennju għall-Iżvilupp - is-saħħa tat-tqala 
B6‑0396/2008

Il-Parlament Ewropew,

–  - wara li kkunsidra l-Programm Ewropew ta’ Azzjoni biex ikunu affrontati l-HIV/AIDS, il-Malarja u t-Tuberkulożi permezz ta’ Azzjoni Esterna (1),

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp, tat-22 ta’ Novembru 2005(2), skont liema kunsens ‘l-għan ewlieni u li jiġi fuq kollox tal-koperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE hija l-eradikazzjoni tal-faqar fil-kuntest tal-iżvilupp sostenibbli, inkluża l-ħidma favur il-kisba tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp’,

–  wara li kkunsidra l-laqgħa ta' livell għoli dwar l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (MDGs) li se sseħħ fil-Kwartieri Ġenerali tan-NU fi New York fil-25 ta' Settembru 2008,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp hemm impenn sabiex l-imwiet tat-tqala jonqsu b'75% bejn l-1990 u l-2015,

B.  billi, mindu l-mexxejja dinjin impenjaw rwieħhom fl-2000, is-saħħa tat-tqala kien l-MDG fejn inkiseb l-iżgħar progress,

C.  billi l-kumplikazzjonijiet waqt it-tqala u l-ħlas huma r-raġunijiet ewlenin għall-imwiet u għad-diżabilità fost in-nisa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-aktar fl-Afrika tas-Sub-Saħara u fl-Asja, u jwasslu għall-mewt ta' aktar minn nofs miljun mara kull sena,

D.  billi fil-pajjiżi tal-Afrika tas-Sub-Saħara fejn hemm fertilità għolja, mara minn kull 16 tmut waqt il-ħlas; billi fil-pajjiżi Ewropej fejn hemm fertilità baxxa, ir-riskju huwa ta' mara minn kull 2,000 u fl-Amerka ta' Fuq huwa mara kull 3,500,

E.  billi l-interventi ta' kura tas-saħħa jistgħu jnaqqsu l-imwiet marbuta mat-tqala; billi r-reġjuni bl-iżgħar proporzjon ta' persuni mħarrġa fis-saħħa biex jassistu waqt il-ħlas huma n-Nofsinhar tal-Asja u l-Afrika tas-Sub-Saħara, li wkoll għandhom l-ogħla numru ta' imwiet marbuta mat-tqala;

F.  billi madwar 60% tal-adulti li għandhom l-HIV huma nisa, u billi l-HIV/AIDS u l-malarja huma fost il-kawżi ewlenin tal-imwiet marbuta mat-tqala; billi l-virus tal-HIV jista' jgħaddi mill-omm għall-wild waqt it-tqala, waqt il-ħlas u t-twelid jew waqt it-treddiegħ,

G.  billi l-ġografija, l-ekonomija u l-edukazzjoni huma fatturi determinanti fl-għadd ta' mwiet marbuta mat-tqala, bir-riżultat li n-nisa rurali, in-nisa fqar u n-nisa mingħajr edukazzjoni jsofru l-ogħla rati ta' mwiet marbuta mat-tqala,

H.  billi l-Unjoni Ewropea għandha rwol importanti fl-għoti u fl-appoġġ ta' rispons internazzjonali għall-isfidi tas-saħħa tat-tqala,

1.  Jistieden lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex, fl-istrateġiji tagħhom għat-tnaqqis tal-faqar, jagħtu prijorità lis-saħħa tat-tqala;

2.  Jistieden lill-UE u lill-komunità internazzjonali sabiex tappoġġja u tħeġġeġ lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom sabiex inaqqsu n-numru ta' mwiet marbuta mat-tqala,

3.  Ifakkar u jtenni l-impenn u l-kontribut tal-UE lejn l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp, kif iddikjarat fil-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp,

4.  Ifakkar fl-impenn tal-Istati Membri tal-UE li jilħqu 0.7% tal-ODA/GNI sal-2015, u jistieden lill-Istati Membri li fil-mument ma jidhrux li se jilħqu dan sabiex iżidu l-isforzi tagħhom;

5.  Jistieden lill-UE sabiex issostni u żżid l-isforzi tagħha sabiex ittejjeb is-saħħa tat-tqala fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, l-aktar fl-għoti ta' aċċess għall-kura u servizzi tas-saħħa tat-tqala sikura u afidabbli, fil-ġlieda kontra l-mard marbut mal-faqar u fiż-żieda fin-numru u d-disponibilità ta' ħaddiema tas-saħħa kkwalifikati;

6.  Jappella sabiex jissaħħu l-programmi nazzjonali tas-saħħa għat-testijiet għall-HIV qabel u waqt it-tqala, għat-trattament antiretrovirali għal nisa tqal li huma pożittivi għall-HIV u għal miżuri ta' prevenzjoni kontra l-HIV, bħal programmi ta' informazzjoni u edukazzjoni;

7.  Jappella għal aktar miżuri biex jiġġieldu l-malarja, fost l-oħrajn permezz ta' l-użu akbar ta' xbieki tas-sodda ittrattati b-insettiċidi,

8.  Jistieden lill-komunità internazzjonali sabiex tgħin lill-gvernijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jipprovdu edukazzjoni fl-iskejjel primarji ta' kwalità għolja, li tkun ta' ġid għas-saħħa tat-tqala u tat-tfal; jirrimarka li l-edukazzjoni tal-ommijiet tnaqqas ferm ir-rata ta' mwiet fost it-tfal taħt il-ħames snin u li tfajliet li jkollhom edukazzjoni jkollhom stima ogħla tagħhom infushom u ċ-ċans li huma jevitaw l-HIV, il-vjolenza u l-isfruttar huwa akbar, u jistgħu ixerrdu drawwiet tajba ta' saħħa u iġjene fil-familji u fil-komunitajiet tagħhom;

9.  Jistieden lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex, bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali, itejbu s-saħħa tat-tqala fil-pajjiżi tagħhom billi jagħmlu titjib fl-infrastruttura, fl-aċċess għall-ilma u għall-iġjene;

10.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm appoġġ internazzjonali u mill-UE għall-koperazzjoni reġjonali biex jiġi promoss l-iskambju tal-kompetenzi, it-taħriġ u l-bini tal-kapaċità, it-tqabbil tal-aħjar prattiki u l-użu flimkien tar-riżorsi, fil-qasam tas-saħħa tat-tqala, jenfasizza li din il-koperazzjoni tista' tkun partikolarment siewja fl-indirizzar ta' sitwazzjonijiet diffiċli ta' saħħa f'sitwazzjonijiet li jiġu wara kunflitti jew katastrofi;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi kollha li qed jiżviluppaw u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) COM(2005)179.
(2) Kunsill tal-Unjoni Ewropea 148020/05.

Avviż legali - Politika tal-privatezza