Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0420/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0420/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

11.9.2008

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Hartmut Nassauer u Joseph Daul
f'isem il-Grupp PPE-DE
dwar il-Programm Leġiżlattiv u ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2009

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0420/2008

Proċedura : 2008/2626(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0420/2008
Testi mressqa :
B6-0420/2008
Testi adottati :

B6‑0420/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Programm Leġiżlattiv u ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2009

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija Politika Annwali għall-2009 (COM(2008)0072),

–  wara li kkunsidra l-implimentazzjoni tal-Programm Leġiżlattiv u ta’ Ħidma għall-2008 attwali (COM(2007)0640),

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta’ April 2008 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija Politika Annwali għall-2009,

–  wara li kkunsidra l-kontribuzzjonijiet li ngħataw mill-kumitati tal-Parlament, li tressqu lill-Kummissjoni mill-Konferenza tal-Presidenti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-2009 se tkun sena ta’ sfidi kemm mill-aspett politiku kif ukoll mill-aspett istituzzjonali,

B.  billi, għalhekk huwa kruċjali li Djalogu Strutturat għandu jsir f'ħin tajjeb sabiex l-isforzi jiffukaw fuq id-definizzjoni ta’ għanijiet strateġiċi ewlenin tal-UE għas-snin li ġejjin,

C.  billi l-prijoritajiet politiċi għandhom jiġu mqabbla mar-riżorsi finanzjarji disponibbli,

D.  billi d-Djalogu Strutturat mal-Kummissjoni huwa pass interistituzzjonali importanti kemm fl-implimentazzjoni tal-Programm Leġiżlattiv u ta’ Ħidma għall-2008 attwali kif ukoll fit-tfassil u fl-adozzjoni tal-Programm Leġiżlattiv u ta’ Ħidma għall-2009,

Prijoritajiet li japplikaw għal diversi oqsma

1.  Jinnota li 24 Stat Membru diġà rratifikaw it-Trattat ta’ Liżbona; jenfasizza li huwa importanti ħafna li l-proċess ta' ratifikazzjoni tat-Trattat jibqa' għaddej fl-Istati Membri li għadhom ma rratifikawhx. għalhekk, jappoġġja ħafna d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew sabiex ikompli għaddej bil-proċess ta’ ratifikazzjoni minkejja r-rifjut Irlandiż tat-Trattat fit-12 ta’ Ġunju 2008; għadu jinsab konvint li t-Trattat ta’ Liżbona joffri l-istrumenti neċessarji sabiex tissaħħaħ l-Ewropa u sabiex jinkiseb futur Ewropew aħjar għall-Ewropej kollha;

L-Istrateġija ta’ Liżbona

2.  Itenni l-appoġġ u l-impenn politiku sħiħ tiegħu għal Strateġija ta’ Liżbona bil-ħsieb ta’ riforma, li tiffoka fuq it-Tkabbir u l-Impjiegi; jenfasizza n-neċessita politika li ċ-ċittadini jkunu fil-qalb tal-preokkupazzjonijiet tiegħu u, konsegwentement, li jelabora politiki għall-benefiċju tagħhom;

3.  Jenfasizza l-importanza ta’ tmexxija tajba u regolamentazzjoni aħjar bħala regoli kardinali tax-xogħol; jemmen li prattika effettiva ta’ evalwazzjoni tal-impatt indipendenti orizzontali u ta’ konsultazzjoni sħiħa mal-partijiet interessati hija garanzija għall-kisba ta’ leġiżlazzjoni Ewropea bbilanċjata u realistika; f’dan il-kuntest jenfasizza l-bżonn għal traspożizzjoni, implimentazzjoni u monitoraġġ effiċjenti tal-leġiżlazjoni Ewropea;

4.  Jemmen li huwa kruċjali li jinkisbu l-objettivi tal-Istrateġija ta' Liżbona b'tali mod li din il-kisba tkun konsistenti mal-objettivi tal-bidla fil-klima, fir-rigward tal-proposti pendenti dwar "Enerġija u Klima" u speċjalment fir-rigward tan-negozjati internazzjonali li ġejjin;

5.  Jappoġġja bis-sħiħ it-tlestija tas-Suq Intern u jenfasizza l-irwol li għandu jkollu fil-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika u soċjali fi ħdan l-UE, fin-netwerking effiċjenti (ta’ trasport, kemm fir-riċerka u kemm fl-akkademja b’mod ġenerali), fl-appoġġ u fis-simplifikazzjoni għall-ambjent tal-SMEs (aċċessibilità finanzjarja tal-SMEs), fl-investiment fil-kapital uman, fil-bidla fil-klima u fid-dimensjoni internazzjonali definita mill-ġdid ta’ din l-istrateġija; jenfasizza li dawn jibqgħu oqsma ta’ importanza kruċjali għas-suċċess u għall-viżibilità, kif ukoll għall-ftehim u għall-komunikazzjoni effettiva tal-istrateġija kollha;

6.  Huwa tal-opinjoni li l-istabbilità ekonomika u monetarja huma prekundizzjoni għal riformi ta’ suċċess; itenni li l-Linji Gwida Ekonomiċi Ġenerali, il-Linji Gwida Soċjali u għall-Impjiegi u l-pjanijiet ta’ riforma nazzjonali għandhom jibqgħu l-qafas ta’ referenza tal-Istrateġija ta' Liżbona; huwa konxju mill-isfida li tikkombina l-pass tar-riforma mal-impatt li dawn ir-riformi jista' jkollhom fuq ir-riżultat tal-elezzjonijiet;

7.  Jaqbel mar-rinfurzar ta’ passi sabiex jitkejlu kisbiet settorjali nazzjonali (reġjonali) permezz ta’ sħubija msaħħa mal-parlamenti nazzjonali; jenfasizza l-bżonn li jitfassal b’mod ċar qafas finanzjarju konkret u ambizzjuż li jiżgura li l-impenji politiċi ta' livell għoli jimmaterjalizzaw;

8.  Jinnota li f’Lulju, il-Kummissjoni adottat il-Pakkett Soċjali li se jikkontribwixxi għat-titjib tal-fiduċja bejn il-ħaddiema u min iħaddem; għal darb’oħra jenfasizza li l-SMEs huma l-qalb tas-soċjetà Ewropea attiva u għalhekk għandhom irwol kbir; jemmen ħafna li mingħajr tkabbir u prosperità m’hemm l-ebda progress soċjali; jibqa’ konvint li l-Istati Membri għandhom jassumu r-responsabilitajiet u l-kompetenzi tagħhom skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà;

Tmexxija Tajba, Regolamentazzjoni Aħjar u Leġiżlar Aħjar

9.  Jemmen ħafna li l-2009 hija s-sena għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-politiki tal-UE madwar l-Unjoni;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tagħti d-dritt, li diġà jinsab fit-Trattat attwali, lill-parlamenti nazzjonali sabiex jesprimu l-opinjoni tagħhom fir-rigward tar-rispett għall-prinċipju ta’ sussidjarjetà u sabiex jagħmlu reazzjoni għal dawn l-opinjonijiet bl-istess mod previst fil-Protokoll (Nru 2) tat-Trattat ta’ Liżbona dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ sussidjarjetà u proporzjonalità; jemmen li b'hekk jintbagħat messaġġ ċar liċ-ċittadini u lill-parlamenti nazzjonali li l-UE qed tersaq aktar qrib lejn iċ-ċittadin;

11.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tikseb, b’kollaborazzjoni eqreb mal-Istati Membri, traspożizzjoni massima u implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea billi jiġu prijoritizzati direttivi tekniċi, u oħrajn b’impatt kbir bħad-Direttiva dwar is-Servizzi, id-Direttiva dwar il-Kreditu tal-Konsumatur fl-Iskorbord tas-Suq Intern; b’rabta ma’ dan, iqis li l-programm “Regolamentazzjoni Aħjar”, u partikolarment l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u r-rappurtar korretti tal-liġi Komunitarja, għandu jkun prijorità, speċjalment minħabba li l-Kummissjoni għandha l-ħidma ċentrali li tgħin lill-Istati Membri jiksbu dan l-objettiv;

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tnaqqas il-piżijiet amministrattivi u regolatorji; ifakkar fl-appoġġ tiegħu sabiex jintlaħaq l-għan ta’ 25% tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi sal-2012, u jħeġġeġ riżultati tanġibbli; iqis dan bħala prijorità ewlenija, partikolarment għall-SMEs, u bħala kontribuzzjoni essenzjali biex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija ta’ Liżbona;

13.  Iqis li l-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjonijiet tal-impatt vigorużi u skrutinizzati indipendentament qabel ma tressaq proposti għal direttivi ġodda;

Komitoloġija

14.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tressaq proposti leġiżlattivi lill-Parlament sabiex jitkompla l-allinjament tal-komitoloġija li għaddej u jistieden lill-Kummissjoni sabiex tilħaq qbil mal-istituzzjonijiet kollha dwar il-prinċipji ġenerali u l-formoli standard li għandhom jipprovdu l-qafas għall-iżviluppi futuri f’dan il-qasam;

Riżorsi finanzjarji

Aspetti Baġitarji

15.  Jesprimi l-oġġezzjonijiet kbar tiegħu għat-tendenza konsistenti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill li jressqu prijoritajiet politiċi ġodda mingħajr ma jqisu r-restrizzjoni tal-Qafas Finanzjarju Plurijennali attwali għall-2007-2013, u jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar ir-restrizzjonijiet tar-rispons effiċjenti għal prijoritajiet ġodda u tas-salvagwardja tal-politiki eżistenti, minħabba d-disponibilità limitata ta' approprjazzjonijiet għall-2009;

16.  Għandu l-intenzjoni li jiżgura sew li r-riżorsi neċessarji jkunu disponibbli billi jintużaw il-possibilitajiet kollha provduti mill-Ftehima Interistituzzjonali dwar id-dixxipplina baġitarja u l-immaniġġjar finanzjarju sod tas-17 ta’ Mejju 2006, partikolarment għall-iffinanzjar tal-bidla fil-klima, tal-iffrankar tal-enerġija, tal-immigrazzjoni u tal-għajnuna għall-ikel;

17.  Iqis ir-reviżjoni tal-baġit bħala opportunità sabiex jingħelbu n-nuqqasijiet f’xi oqsma politiċi kbar għat-tieni parti tal-Qafas Finanzjarju Plurijennali u għal żmien twil;

18.  Ifakkar fir-rabta bejn il-Programm ta’ Ħidma Leġiżlattiva u l-Baġit u jappella għal aktar riflessjoni koerenti dwar il-prijoritajiet espressi fl-APS fil-baġit tal-UE għas-snin li ġejjin;

19.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-eżerċizzju ta' skrining tal-Kummissjoni mwettaq fuq l-istaff tagħha; madankollu, għandu l-intenzjoni li jkompli dan l-eżerċizzju, billi jiffoka fuq l-applikazzjoni ta' rijorganizzazzjoni u ta’ ‘outsourcing’ tax-xogħol;

Kontroll Baġitarju

20.  Jistenna, bħala punt ewlieni għall-kwittanza għas-sena finazjarja 2007, progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni għall-fondi strutturali, u tal-iskema ġdida ta’ rappurtar dwar l-irregolaritajiet u l-irkupri;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex taħdem mal-Istati Membri sabiex ittejjeb il-kwalità tad-dikjarazzjonijiet nazzjonali dwar l-iffinanzjar tal-UE (kif previst mill-IIA u mir-Regolament Finanzjarju) inkluża l-verifika li jista' jkun hemm ta' dawn d-dikjarazzjonijiet mill-qrati nazzjonali tal-awdituri jew mill-ECA, u jitlob rapport minn kmieni ta' dawn l-isforzi sabiex jiġi stabbilit strument ta' informazzjoni ta' użu għall-Parlament;

22.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex taħdem mill-qrib mal-Bulgarija u mar-Rumanija peress li dawn qed ifittxu li jimplimentaw pjanijiet ta’ azzjoni sabiex jegħlbu d-diffikultajiet li qed jiltaqgħu magħhom meta jużaw il-fondi tal-UE, u sabiex jirrappurtaw b’mod regolari lill-Parlament Ewropew;

Inxandru lill-Ewropa

23.  Jappoġġja l-kultura ta’ sussidjarjetà bħala element politiku ewlieni li għandu jkun il-bażi ta’ kampanja ta’ komunikazzjoni mill-Kummissjoni mmirata biex terġa’ tirbaħ il-kunfidenza taċ-ċittadini fl-Ewropa;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tpoġġi liċ-ċittadin fiċ-ċentru tal-proġett Ewropew; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiffoka l-isforzi tagħha iktar fuq l-iżvilupp ta’ politika ta’ komunikazzjoni effettiva sabiex tipprovdi liċ-ċittadini bil-mezzi biex jifhmu aħjar lill-UE, speċjalment fis-sena tal-elezzjonijiet Ewropej; jenfasizza l-importanza li jiġi implimentat malajr id-dritt tal-inizjattiva taċ-ċittadini kif stipulat fit-Trattat ta’ Liżbona; ifakkar lill-Kummissjoni fl-impenn tagħha fid-dawl tar-regolament propost li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1049/2001[1] rigward l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, biex tkun żviluppata trasparenza ikbar u aċċess għad-dokumenti;

Tkabbir u Impjiegi

25.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tindika permezz ta’ liema miżuri se jintlaħqu l-objettivi dwar it-Trattat ta’ Liżbona;

Unjoni Ekonomika u Monetarja

26.  Jemmen li l-prijoritajiet il-kbar jikkonċernaw miżuri biex jingħelbu d-defiċits li żvelat il-kriżi finanzjarja attwali:

  • -Qafas superviżorju u segwitu Lamfalussy,
  • -Inizjattivi biex jissaħħaħ il-qafas superviżorju eżistenti tal-UE, inter alia inizjattivi mmirati biex jindirizzaw kwistjonijiet lokali-ospitanti (home-host) (gruppi transkonfinali) u inizjattivi li jsaħħu arranġamenti għall-immaniġġjar tal-kriżijiet fl-UE.
  • -Inizjattiva biex jitjieb il-qafas Lamfalussy, tiżdied il-konverġenza ta’ prattiċi superviżorji u titjieb il-koperazzjoni fost is-superviżuri u inizjattivi li għandhom l-għan inter alia li jindirizzaw il-kwistjonijiet li ġejjin: l-istejtus legali tal-Kumitati tat-tielet livell, ir-responsabilità demokratika tal-kumitati L3, il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħhom,
  • -Inizjattiva biex tissaħħaħ il-koperazzjoni bejn is-superviżuri tal-UE (Kumitati L3) u superviżuri ta’ pajjiżi terzi (b’mod partikolari l-Istati Uniti) u b’attenzjoni partikolari għall-istabilità finanzjarja,
  • -Inizjattiva biex jiġu evalwati r-riskji li l-Fondi tal-Lqugħ (Hedge Funds) jimplikaw għall-istabilità u l-passi konkreti biex jiġu regolati l-aġenziji li jikklassifikaw id-debituri,
  • -Jinbdew miżuri neċessarji biex titjieb ir-rappreżentazzjoni esterna taż-żona tal-Ewro fil-fora finanzjarji internazzjonali (G7, IMF, il-Bank Dinji)
  • -Riformulazzjoni tad-Direttivi dwar ir-Rekwiżiti Kapitali (48/2006/KE u 49/2006/KE), b’mod partikolari l-indirizzar tad-dgħufijiet żvelati mill-kriżijiet finanzjarji bħall-ittrattar ta’ punti li mhumiex inklużi fil-karta tal-bilanċ; trasparenza/valutazzjoni ta’ prodotti finanzjarji kumplessi u tariffi kapitali għall-prodotti finanzjarji kumplessi; Sikuritizzazzjoni; jissaħħu konsiderevolment ir-regoli interni tal-immaniġġjar tar-riskju, il-likwidità tal-immaniġġjar tar-riskju u jiġu introdotti regoli sensittivi dwar ir-riskju tal-konċentrazzjoni, dwar id-definizzjoni ta’ kapital ibridu u t-trattament ta’ kumpaniji ta’ prodotti bażiċi,
  • -Inizjattivi biex jiġu riformati r-regoli eżistenti dwar skemi ta’ garanzija ta’ depożitu fl-UE sabiex ikunu kunsidrati kwistjonijiet transkonfinali, strutturi ta’ gruppi u konsolidazzjoni fis-settur; b’mod partikolari biex jiġu mtejba l-livell ta’ kopertura, il-veloċità tal-irkupru u ċ-ċertezza legali f’każ ta’ provvediment ta’ servizzi transkonfinali jew ta’ gruppi transkonfinali,
  • -Riformulazzjoni tad-Direttiva 98/26/KE dwar il-finalità ta’ ħlasijiet f’sistemi ta’ ħlasijiet f’pagamenti u ishma u d-Direttiva 2002/47/KE dwar arranġamenti kollaterali finanzjarji rigward sistemi relatati u klejms ta’ kreditu;

SMEs

27.  Jenfasizza li intrapriżi żgħar u medji l-iktar li ħolqu impjiegi ġodda; jistenna li l-Kummissjoni tagħmel proposti ġodda dwar kif dawn l-intrapriżi żgħar u medji jistgħu jkunu appoġġjati iktar biex joħolqu iktar impjiegi ġodda;

28.  Jenfasizza l-importanza li jiġi stimulat l-ispirtu ta’ imprenditorjat u li jonqsu l-ostakoli burokratiċi transkonfinali; jitlob li jkun hemm aċċess bi prezz raġjonevoli għall-SMEs għal standards Ewropej, inċentivi fiskali u ffinanzjar aħjar għal SMEs kbar;

Innovazzjoni u Riċerka

29.  Ifakkar li żvilupp fir-riċerka u t-teknoloġija huma essenzjali biex jiġu promossi l-iżvilupp sostenibbli u l-innovazzjoni, filwaqt li jkun żgurat li l-Ewropa tibqa’ kompetittiva, tibqa’ tgħix fil-prosperità u tibqa’ soċjetà bbażata fuq l-għarfien; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-ewwel evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tas-Seba’ Programm ta’ Qafas dwar ir-Riċerka (FP7); jistieden lill-Kummissjoni biex tibda implimentazzjoni operazzjonali tal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija li għandu jgħin sabiex jonqos id-distakk bejn l-UE u l-kompetituri ewlenin tagħha permezz ta’ riċerka strateġika u edukazzjoni;

Proprjetà Intellettwali

30.  Jemmen bis-sħiħ li ideat kreattivi fl-invenzjonijiet u l-innovazzjonijiet jgħinu biex tkun garantita s-saħħa ekonomika tal-Ewropa u l-progress teknoloġiku; jirrikonoxxi l-bżonn għalhekk, li jkun hemm livell adegwat ta’ protezzjoni tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fuq livell Ewropew u internazzjonali; jenfasizza l-bżonn għal ftehima bikrija dwar inizjattiva biex ikun hemm sistemi ta’ privattivi bi prezz raġonevoli, sikuri u effiċjenti li tagħti wkoll inċentivi għal sforzi fl-investiment u r-riċerka;

Politika dwar l-enerġija

31.  Jappoġġja bis-sħiħ lill-Kummissjoni fl-iżvilupp ulterjuri ta’ politika dwar l-enerġija għall-Ewropa bl-għan li tinkiseb indipendenza fil-qasam tal-enerġija u biex tissaħħaħ is-solidarjetà fost l-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex flimkien mal-Parlament Ewropew isib ftehima effettiva u li tista’ titwettaq dwar il-pakkett dwar l-enerġija u l-bidla fil-klima fl-iqsar żmien prattiku possibbli, qabel it-tmiem tal-leġiżlatura; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi, malajr kemm jista’ jkun, l-aħjar analiżi u l-iktar waħda oġġettiva tal-implikazzjonijiet ekonomiċi u soċjali possibbli tal-prezzijiet tal-enerġija li qed jiżdiedu sabiex tiggwida l-proċess leġiżlattiv tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-Parlament u l-Kunsill bl-aħjar mod possibbli; jiġbed l-attenzjoni wkoll li l-Unjoni Ewropea jeħtieġ tkompli turi li t-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp jistgħu jkunu rikonċiljati ma' ekonomija li tikkonsma livell baxx ta’ karbonju; ifakkar madanakollu fil-bżonn li jkun żgurat li l-objettivi dwar l-ambjent u l-bidla fil-klima, ikunu inklużi fil-politiki kollha tal-UE u fil-programmi finanzjarji;

Politika dwar it-trasport

32.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-prijoritajiet ewlenin tal-UE rigward is-settur tat-trasport u speċjalment l-azzjonijiet maħsuba għall-implimentazzjoni ta’ sistemi għall-immaniġġjar tat-traffiku bħas-SESAR (Single European Sky Air Traffic Management Research) u l-ERTMS (European Rail Traffic Management System), li se jikkontribwixxu għal Politika Ewropea tat-Trasport iktar sikura u effiċjenti;

33.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżviluppa u tipproponi, u possibilment tirrevedi u timplimenta politika komprensiva dwar id-drittijiet tal-passiġġieri kemm għall-passiġġieri tal-ajru u kemm għall-passiġġieri li jivjaġġaw fit-tul bil-kowċis;

Suq Intern

34.  Jenfasizza l-importanza ta’ skema effettiva tal-UE dwar l-akkwist pubbliku u b’mod partikolari, jinnota l-potenzjal tal-akkwist pubbliku qabel il-kummerċjalizzazzjoni (pre-commercial) biex ikunu stimulati t-tkabbir u l-innovazzjoni fl-Ewropa;

35.  Jilqa’ b’sodisfazzjoni il-fatt li diversi ‘direttivi ta’ approċċ’ ġodda qed ikunu emendati biex jimmodernizzaw is-Suq Intern tal-Prodotti, filwaqt li jallinjawh mal-Qafas Leġiżlattiv il-ġdid; dawn kollha huma msemmija bħala azzjonijiet ewlenin fl-APS, azzjonijiet li kienu ġustifikati mill-adozzjoni estremament espedjenti tal-‘pakkett dwar il-prodotti’ kmieni fl-2008; iqis, b’rabta ma’ dan, li għandha tkun enfasizzata l-importanza tar-rikonoxximent reċiproku kkombinat mal-armonizzazzjoni mmirata fis-suq intern, kif ukoll il-monitoraġġ iktar sistematiku u integrat ta’ swieq ewlenin tal-prodotti u s-servizzi bil-għan li jkunu identifikati l-problemi eżistenti; jinnota l-importanza tal-adozzjoni bikrija tad-Direttiva dwar il-Prodotti ta' Kostruzzjoni, opportunità sfidanti li tiżgura l-iffunzjonar xieraq tas-Suq Intern fis-settur relevanti;

36.  Jitlob lill-Kummissjoni biex taġġorna d-Direttiva dwar It-Tractors użati fl-Agrikoltura u l-Forestrija, kif diġà talab il-Parlament, aġġornament li jikkunsidra l-aħħar żviluppi fis-settur u jnaqqas il-piż tal-burokrazija;

Bidla fil-Klima u Ewropa Sostenibbli

Bidla fil-Klima

37.  F’dan il-kuntest tan-negozjati li għaddejjin mal-UNFCCC, jitlob lill-Kummissjoni sabiex tkompli bil-preparamenti għal ftehima ambizzjuża dwar il-klima globali fil-COP15 f’Kopenħagen fl-2009; iqis li l-preparazzjonijiet għandhom jinkludu wkoll il-promozzjoni tas-Sistema tal-Iskambju ta’ Kwoti ta’ Emissjonijiet tal-UE (ETS) bħala l-mudell għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet, bil-għan fil-futur issir rabta ma’ sistemi oħra tal-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet mal-ETS tal-UE u jitmexxa suq internazzjonali tal-karbonju kompetittiv; il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament dwar il-progress ta’ dawn il-preparazzjonijiet;

38.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tniedi l-proċessi neċessarji mmirati sabiex jitqiesu bi sħiħ il-konsegwenzi tal-bidla fil-klima għall-politiki ambjentali kollha eżistenti eż. l-ilma, l-eko-tikkettjar taċ-ċiklu tal-ħajja, il-bijodiversità, is-sigurtà ċivili u sabiex fuq bażi ta’ dan tiġi definita strateġija bil-għan li fil-futur tiġi preparata b’mod effiċjenti l-politika ambjentali tal-UE; jitlob lill-Kummissjoni sabiex tevalwa l-possibilitajiet li jinħoloq suq intern effiċjenti għal sorsi ta' enerġija li jiġġeddu;

Il-Protezzjoni Ċivili

39.  Jiddeplora l-fatt li l-Kunsill, wara li bblokka l-fajl relevanti għal sentejn, iddeċieda li jabbanduna r-Regolament il-ġdid dwar il-Fond tas-Solidarjetà tal-UE, minkejja l-pożizzjoni soda u pożittiva ħafna tal-Parlament dwar din il-kwistjoni; itenni l-opinjoni tiegħu li r-regolament tal-EUSF il-ġdid jinsab f'pożizzjoni li jindirizza b'mod aktar effettiv, flessibbli u fil-ħin id-dannu kkawżat minn diżastri naturali jew kkawżat mill-bniedem; fid-dawl ta’ dan kollu, iħeġġeġ lill-Kunsill sabiex jikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu;

Agrikoltura

40.  Jistenna li l-pożizzjoni tal-Parlament tiġi rispettata bi sħiħ fin-negozjati dwar il-'Verifika tas-Saħħa' tal-CAP li għandu jsir qbil dwarha fl-2008 u għandha tiġi implimentata fl-2009 u jitlob li r-riżultati ta’ dan il-proċess jikkontribwixxu għal settur aġrikolu vibranti tal-UE u jkun wieħed imħejji aħjar sabiex jittratta l-isfidi doppji tal-bidla fil-klima u tal-bżonn li jingħata l-ikel lill-popolazzjoni dinjija li qed tespandi;

41.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni sabiex fl-2009 tippubblika Komunikazzjoni dwar l-ittikkettar tal-benesseri tal-annimali bil-għan li tiġi provduta informazzjoni aħjar għall-konsumaturi u li jiġu promossi l-istandards għolja tal-UE;

Politika dwar is-Sajd

42.  Jappoġġja l-iżvilupp kontinwu ta’ politika marittima Ewropea ġdida u integrata sew, li hija neċessarja u essenzjali sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-ambjent tal-baħar; madankollu juri dispjaċir għan-nuqqas ta’ taqsima speċifika fid-dokument rigward il-Politika Komuni dwar is-Sajd u l-akwakoltura u jenfasizza li l-attivitajiet preparatorji relatati mal-politika marittima m’għandhomx ikunu finanzjati mir-riżorsi previsti għall-Politika Komuni dwar is-Sajd, peress li dawn ir-riżorsi diġà mhumiex biżżejjed; aktar minn hekk jappoġġja bi sħiħ azzjoni speċifika temporanja mmirata għall-promozzjoni tar-ristrutturar tal-flottot tas-sajd tal-UE affettwati mill-kriżi ekonomika;

43.  Jikkonsidra li minn issa, huwa assolutament neċessarju li jibdew il-preparamenti għat-tranżizzjoni lejn it-trattat il-ġdid sabiex tiġi garantita implimentazzjoni xierqa tal-proċeduri l-ġodda u sabiex jiġi garantit ir-rispett lejn ir-relazzjoni interistituzzjonali l-ġdida; f’dan il-kuntest iqis li l-ippjanar trasparenti, onest u rigoruż tal-proposti u tal-azzjonijiet ippjanati għall-2008 u għall-2009 huma assoluti;

Politika ta’ Koeżjoni

44.  Jistenna bil-ħerqa numru ta’ komunikazzjonijiet importanti fl-2009 li se jkunu ċentrali għad-dibattitu dwar riforma fil-futur dwar il-politika ta’ koeżjoni , bħas-Sitt Rapport ta' Progress dwar il-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali u bħall-komunikazzjoni tal-KE dwar ir-riżulati tal-konsultazzjoni pubblika wara li saret il-Green Paper dwar il-Koeżjoni Territrojali; jenfasizza l-bżonn li jżomm post prominenti għal komunikazzjonijiet bħal dawn fl-LWP tal-2009, anke jekk ma jkunux ta' natura leġiżlattiva, li se jirrifletti aħjar l-importanza politika miżjuda tagħhom;

Identita Kulturali u Diversità

45.  Jitlob lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi aktar appoġġ għall-programmi u għall-azzjonijiet billi timplimenta proġetti innovattivi fil-qasam tal-iskambju kulturali u edukattiv, tat-turiżmu kulturali u tal-iżvilupp sostenibbli bil-parteċipazzjoni tar-reġjuni u tal-awtoritajiet lokali, bħall-itinerarji Kulturali tal-Kunsill tal-Ewropa u jħeġġeġ iniżjattivi ġodda meħuda biex jenfasizzaw u jippromwovu l-wirt kulturali tar-Roma;

46.  Itenni l-importanza tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar id-Diversità Kulturali fil-liġi u fil-politiki tal-UE u jissuġġerixxi li jittieħdu passi konkreti u miżuri għat-traspożizzjoni tal-Konvenzjoni;

47.  Jappella sabiex jiġi stabbilit forum Ewropew għad-djalogu interkulturali li se jkompli l-prattiki tad-djalogu interkulturali fl-Ewropa u ma' kulturi u ma’ reliġjonijiet oħra madwar id-dinja; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni sabiex tkompli bil-promozzjoni tal-idea tas-sena Ewropea għad-djalogu interkulturali 2008;

It-twettiq ta’ Politika Komuni dwar l-Immigrazzjoni

Protezzjoni tal-Fruntieri

48.  Jenfasizza li l-protezzjoni tal-fruntieri hija wkoll prijorità, u f’dan il-kuntest se jagħmel skrutinju tal-proposti riċenti biex ikun hemm, rekord tal-ismijiet tal-passiġġieri tal-UE, Sistema Ewropea għas-Sorveljanza tal-Fruntieri u evalwazzjoni dwar id-dħul/ħruġ u dwar il-Frontex, filwaqt li jinsisti fuq ir-rispett għal regoli stretti dwar il-protezzjoni tad-dejta;

49.  Jenfasizza li huwa ta’ importanza kbira li titħaffef l-implimentazzjoni sħiħa tas-Sistema ta’ Informazzjoni Schengen (SIS II) u s-Sistema ta’ Informazzjoni Visa (VIS); jenfasizza wkoll il-bżonn li tissaħħaħ il-Frontex, li tiddependi fuq impenn tal-Istati Membri li jipprovdu persunal u tgħamir;

Immigrazzjoni 

50.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni għall-iżvilupp ta’ politika komuni dwar l-immigrazzjoni u jenfasizza li patt Ewropew dwar politika ta’ migrazzjoni għandu jkopri kwistjonijiet relatati kemm mal-immaniġġjar tal-immigrazzjoni illegali u kemm mal-immigrazzjoni legali, u politika iktar ambizzjuża dwar l-integrazzjoni ta' oqsma li jaqgħu fil-kompetenza tal-UE, kif ukoll it-tnedija ta' politika Ewropea dwar l-ażil fuq il-bażi ta' proposti li għandhom ikunu preżentati mill-Kummissjoni qabel l-aħħar tas-sena; iqis bħala prijorità li r-Regolament (KE) Nru 343/2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi sabiex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta' applikazzjoni ta' ażil preżentata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (Ir-Regoalment Dublin II), għandu jkun rivedut;

Iċ-ċittadin l-ewwel

Protezzjoni tal-Konsumatur

51.  Jenfasizza l-importanza tat-tisħiħ ta’ regoli tal-konsumaturi dwar is-sikurezza tal-prodotti, imsaħħa mill-implimentazzjoni xierqa tal-pakkett dwar il-Prodotti u r-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-sikurezza tal-Ġugarelli;

52.  Jemmen li azzjonijiet ġodda tal-Kummissjoni għandhom jikkunsidraw iktar il-kapaċità taċ-ċittadini biex ikunu awto-responsabbli u biex ikunu maturi biżżejjed biex jagħmlu għażliet individwali; jemmen bis-sħiħ li mudell Ewropew ta’ soċjetà miftuħa huwa aħjar minn mudell ibbażat fuq assistenza;

53.  Jinsab konvint li l-ġlieda kontra l-iffalsifikar se tiżgura iktar il-kwalità għolja u s-sikurezza ta’ prodotti offruti lill-konsumaturi Ewropej; jitlob lill-Kummissjoni għalhekk biex tiffoka fuq it-titjib tas-sistemi ta’ twissija bejn ajruporti Ewropej, kif ukoll fuq it-tisħiħ tal-kapaċità tal-iskenjar rigward il-kapaċità tal-ħatt tal-bastimenti;

54.  Jemmen li reviżjoni tal-Acquis tal-Konsumatur għandu jsaħħaħ iktar il-kunfidenza tal-konsumaturi fis-Suq Wieħed; għalhekk jappoġġja l-aċċess faċli u effettiv għall-ġustizzja, speċjalment permezz ta’ soluzzjonijiet ta’ kwistjonijiet barra l-Qorti, appoġġjati minn rimedji legali meta ma jkunx hemm għażla oħra; jenfasizza li jista’ jsir ħafna billi jitjiebu l-mekkaniżmi ta’ kumpens eżistenti u billi tiżdied il-koperazzjoni bejn l-Istati Membri;

Zona ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (AFSJ)

55.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra liema arranġamenti tranżitorji għandhom ikunu introdotti għall-adozzjoni ta’ leġiżlazzjoni relatata ma’ kwistjonijiet ta’ ġustizzja u intern sakemm jidħol fis-seħħ it-Trattat ta’ Liżbona; jenfasizza li fl-2009, it-Trattat ta’ Liżbona se jagħti rwol ġdid lill-Parlament b’relazzjoni mal-politiki dwar iz-Zona ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja u l-konklużjoni ta’ ftehimiet internazzjonali relatati ma’ dawk il-politiki; jenfasizza li dan jimplika reviżjoni ta’ xi leġiżlazzjoni relatata mal-istruttura eżistenti tal-pilastri, kif ukoll reviżjoni tal-istejtus tal-Europol u l-Eurojust;

Terroriżmu u Kriminalità Organizzata

56.  Jitlob li jsir iktar xogħol rigward l-ittrattar tal-kriminalità organizzata, xogħol li jindirizza l-kriminalità fuq l-internet b’mod partikolari u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżid il-momentum fl-indirizzar tal-kastig tat-traffikar tal-bnedmin; jitlob li l-politiki kontra t-terroriżmu jkunu definiti b’mod komprensiv u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq proposta li tissalvagwardja u tippromwovi l-interessi tal-vittmi tat-terroriżmu u biex tiżviluppa proposti li jiżguraw skala ikbar ta’ bijo-preparazzjoni;

Opportunitajiet Indaqs, Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Drittijiet tat-Tfal

57.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni dwar id-drittijiet tat-tfal u l-protezzjoni tagħhom; jiġbed l-attenzjoni li l-istrateġija tal-Kummissjoni rigward il-politika dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija ġenerali wisq; għalhekk, jistenna li l-Kummissjoni, tistabbilixxi b’urġenza d-dettalji tal-inizjattivi li għandhom jiġu mnidija fl-2009; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-programm Daphne III jidħol fis-seħħ fil-ħin;

Saħħa

58.  Jenfasizza li kif stipulat fit-Trattat ta' Amsterdam, l-evalwazzjonijiet tal-impatt provduti mill-Kummissjoni għandhom dejjem jikkunsidraw l-impatt fuq is-saħħa tal-azzjoni proposta tal-Komunita; iqis li dan se jikkontribwixxi għal approċċ integrat u għal titjib tas-sinerġiji bejn il-politika tas-saħħa u politiki oħra tal-UE; jemmen li evalwazzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu indipendenti skont kif inhu kompatibbli mal-użu tal-kapaċità esperta disponibbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi indikaturi tas-saħħa sabiex tiżgura li d-dejta tista titqabbel u tintuża kemm fuq livell tal-UE u kemm fuq livell nazzjonali u internazzjonali;

59.  Jerġa’ jtenni li l-iffalsifikar tal-mediċini huwa theddida kbira għas-saħħa u problema urġenti li tikkonċerna l-Ewropa u lid-dinja, iżda għandha tiġi ttrattata bħala parti mill-ġlieda ġenerali kontra l-iffalsifikar tal-prodotti;

Sikurezza tal-Ikel

60.  Jenfasizza l-bżonn li jissaħħaħ l-ittikkettar tal-prodotti tal-ikel, speċjalment rigward il-pajjiż ta’ oriġini u/jew il-post ta’ provenjenza, u li dan għandu jkun akkumpanjat minn dispożizzjonijiet immirati biex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni ta’ dawk ir-rekwiżiti;

Awdjoviżivi u Sports

61.  Jenfasizza l-importanza ta’ leġiżlazzjoni dwar il-kontenut disponibbli online, leġiżlazzjoni li jeħtieġ li tilħaq bilanċ delikat bejn ir-rekwiżiti kulturali u ekonomiċi u speċjalment il-kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-awtur u l-miżuri tagħha li huma meħtieġa biex tkun rispettata d-diversità kulturali;

62.  Jenfasizza l-importanza tal-isport fl-UE li huwa uffiċjalment rikonoxxut fir-Trattat il-ġdid ta’ riforma u jitlob li jkun hemm impenji politiċi inklużi qafas legali, miżuri u azzjonijiet, b’mod partikolari azzjonijiet preparatorji, sabiex jinbeda l-proċess ta’ implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni ‘Pierre de Coubertin’;

L-Ewropa bħala Msieħba Dinjija

63.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli bl-isforzi biex tistabbilixxi politika komuni tal-UE dwar l-enerġija barranija sabiex tiżgura li l-Ewropa tgawdi sigurtà tal-enerġija u titkellem b'vuċi waħda vis-à-vis fornituri Ewropej; jistenna li l-Kummissjoni tieħu l-miżuri xierqa kollha biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-proġett Nabucco, meqjus bħala wieħed mill-iktar proġetti kritiċi ta’ interess Ewropew;

64.  Jemmen li r-reviżjoni tal-Istrateġija Ewropea dwar is-Sigurtà għandha tirreferi wkoll għas-sigurtà tal-enerġija (il-forniment), il-bidla fil-klima u s-sigurtà tal-ikel;

65.  Jemmen li l-LWP għandu jenfasizza wkoll l-irwol tal-UE fil-koperazzjoni għall-iżvilupp fid-dinja; jenfasizza l-LWP għandu jinkludi approċċ koerenti u strutturali għas-sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ sigurtà tal-ikel, li jenfasizza mhux biss għajnuna ta’ ikel għal terminu ta’ żmien qasir iżda wkoll il-bżonn li tkun stimulata l-produzzjoni agrikola u l-politika tal-agrikoltura fid-dinja li qed tiżviluppa;

66.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma tagħmel l-ebda referenza specifika għall-pjan ta’ azzjoni tagħha fl-2009 għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija Konġunta UE-Afrika, l-Għajnuna mwegħda għall-programm tal-Kummerċ, in-negozjati EPA, u l-impatt tal-bidla fil-klima fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw; ifakkar lill-Kummissjoni li l-ambizzjonijiet tagħha dwar il-Koerenza Politika għall-Iżvilupp għandhom jinżammu matul l-2009 u li l-aħħar ċifri ODA ippubblikati mill-OECD/DAC fl-2007 jindikaw tnaqqis serju fil-kontribuzzjonijiet ODA mill-Istati Membri; jemmen li l-Kummissjoni għandha tippjana li tikkumpensa din is-sitwazzjoni fl-2009 biex tiżgura li l-Ewropa tibqa’ fit-triq it-tajba biex tilħaq iż-0.7% GDI sal-2015;

Il-Viċinat Ewropew

67.  Jenfasizza l-importanza li jiġu konklużi n-negozjati ta’ adeżjoni mal-Kroazja mill-iktar fis possibbli bħala sinjal għar-reġjun tal-Balkani tal-Punent b’mod ġenerali li l-futur tiegħu jinsab fl-UE, sakemm dan ir-reġjun ikun jista’ jilħaq ir-rekwiżiti neċessarji;

68.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-inkorporazzjoni ta’ dimensjoni parlamentari fil-politika tal-viċinat mal-Lvant permezz tal-istabbiliment tal-Assemblea EURO-NEST, li ġġib flimkien lill-Membri Parlamentari Ewropej u lill-Membri Parlamentari mill-pajjiżi ġirien tal-Lvant;

Il-Bqija tad-Dinja

69.  Jiġbed l-attenzjoni li l-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti se tkun stabbilita minn Jannar 2009; ifakkar fl-importanza kritika li l-UE taħdem mill-qrib flimkien mal-Istati Uniti fuq sfidi globali ewlenin bħall-bidla fil-klima u s-sigurtà tal-enerġija; jitlob li l-Kummissjoni tagħmel prijorità li tagħmel kuntatt urġenti mal-amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti biex isaħħaħ is-sħubija transatlantika fix-xhur li ġejjin;

70.  Jenfasizza l-importanza ta’ sħubija b’saħħitha mal-Ġappun u mar-Repubblika tal-Korea, ibbażata fuq valuri komuni, bħala sħab importanti fl-ekonomija globali; jiġbed l-attenzjoni li żvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet mal-Korea ta’ Fuq se jiddependi wkoll fuq l-implimentazzjoni tar-riżultati tat-taħdidiet tas-sitt partijiet ikkonċernati;

71.  Jemmen li l-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika mal-pajjiżi ACP għandhom ikunu konklużi minn qabel u l-ftehimiet interim EPA, fl-2009 għandhom jinbidlu fi ftehimiet sħaħ mar-reġjuni kollha ACP; jenfasizza wkoll l-importanza li jkunu konklużi n-negozjati ta’ ftehimiet ta’ assoċjazzjoni mal-Amerika Ċentrali, mal-Komunità Andea u mal-Mercosur sabiex ir-reġjun kollu tal-Amerika Latina jingħata perspettiva sħiħa ta’ Assoċjazzjoni mal-UE;

72.  Jenfasizza li d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Liżbona se jagħmel lill-Parlament koleġiżlatur f’oqsma kummerċjali u li dan se jirrikjedi li l-Parlament ikun infurmat u involut b’mod sħiħ fil-proċess ta’ nnegozjar u adozzjoni ta’ ftehimiet kummerċjali bilaterali, reġjonali u multilaterali;

73.  Ifakkar fl-irwol tal-Parlament li jiżgura li s-Servizz Ewropew ta’ Azzjoni Esterna ‘jiffunzjona b’mod effiċjenti’ meta jidħol fis-seħħ it-Trattat ta’ Liżbona, per eżempju, rigward in-nomina tal-Ambaxxaturi tal-UE;

74.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.