MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
17.9.2008
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Gérard Deprez
f'isem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, l-Ġustizzja u l-Intern
dwar id-dibattitu annwali dwar il-progress li sar fl-2007 fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (Artikoli 2 u 39 tat-Trattat UE)
B6‑0425/2008
Riżoluzzjoni tal-Parlament dwar id-dibattitu annwali dwar il-progress li sar fl-2007 fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (Artikoli 2 u 39 tat-Trattat UE)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 6 u 39 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u kif ukoll l-Artikoli 13, 17-22, 61-69, 255 u 286 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea li jikkostitwixxu l-bażijiet legali prinċipali għall-iżvilupp tal-UE u tal-Komunità bħala spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja,
– wara li kkunsidra l-Mistoqsijiet Orali B6-0006/2008 u B6-0007/2008,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-Istati Membri għandhom r-responsabilità ewlenija li jiżguraw il-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja għaċ-ċittadini tagħhom; billi, madankollu, wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Maastricht u, iżjed u iżjed, wara d-dħul fis-seħħ tat-trattat ta’ Amsterdam, l-Unjoni Ewropea għandha r-responsabilità li tikkontribwixxi għall-kisba ta’ dawn l-oġġettivi, billi żżomm f’moħħha l-aspettattivi taċ-ċittadini Ewropej fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tal-applikazzjoni fi ħdan l-Unjoni tal-prinċipji tal-istat tad-dritt u ta' koperazzjoni sinċiera u effettiva bejn l-Istati Membri tagħha;
B. billi r-ratifikazzjoni tat-Trattat ta’ Liżbona hija kundizzjoni essenzjali u urġenti sabiex jiġi żgurat li l-UE tkun zona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (AFSJ), minħabba li dan it-trattat fih titjib fundamentali fil-leġittimità u l-effettività tal-azzjoni tal-UE;
C. billi l-interventi li saru kemm waqt il-laqgħa preparatorja tas-26 ta' Novembru 2007 mal-Parlamenti Nazzjonali[1] u kemm waqt l-aħħar dibattitu fil-plenarja fil-31 ta' Jannar ġibdu l-attenzjoni għall-importanza li titħejja sew it-tranżizzjoni lejn il-qafas legali ġdid li se jirriżulta mir-ratifika tat-Trattat li ġie ffirmat f'Liżbona nhar it-13 ta' Diċembru 2007[2] li jirrevedi t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u jistabilixxi Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);
D. billi huwa konxju, madankollu, li t-twaqqif ta' SFSJ ġenwin għad fadallu ħafna biex ikun lest u li għadu jiffaċċja diffikultajiet u ostakoli kbar, kif ġie kkonfermat fit-tielet rapport tal-Kummissjoni tal-2007 dwar l-implimentazzjoni tal-Programm Hague (COM(2008) 373, SEC(2008) 2048, SEC(2008) 2049),
E. billi jiddispjaċih li – bħalma jenfasizza dan ir-rapport u minkejja l-adozzjoni ta’ numru ta’ miżuri ewlenin – il-programm stabbilit mill-Kunsill Ewropew ta’ Hague fl-2004 għadu lura qatigħ u, b’mod partikulari, li
- –għad hemm nuqqas ta’ fiduċja reċiproka u, fuq kollox, nuqqas ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, b’mod speċjali fir-rigward tal-politiki fuq il-migrazzjoni legali u illegali u fuq il-koperazzjoni ġuridika u dik tal-pulizija f’kwistjonijiet kriminali,
- –dawn il-problemi jolqtu ħażin il-fażi ta’ traspożizzjoni tal-ftit miżuri li ġew adottati, minħabba “livell insuffiċjenti ta’ suċċess kien evidenti fl-oqsma li ġejjin: Il-Politika tal-Viża, l-Iskambju ta' Tagħrif bejn l-Awtoritajiet għall-Infurzar tal-Liġi u l-Awtoritajiet Ġudizzjarji, il-Prevenzjoni u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità Organizzata, l-Immaniġġjar tal-Kriżijiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea, il-Koperazzjoni bejn il-Pulizija u d-Dwana u l-Koperazzjoni Ġudizzjarja f'Affarijiet Kriminali.”
F. jinnota li l-Istati Membri nfushom isemmu dawn il-problemi fil-kuntest tax-xogħol preparatorju għall-programm AFSI tal-ġejjieni għall-perjodu 2010-2014 (ara r-rapporti tal-Grupp Futur - Doc 11657/08, il-Grupp għall-Affarijiet Interni - Doc. .../08 u l-Grupp għall-Ġustizzja, kif ukoll il-kontributi ta’ Stati Membri oħrajn imressqa lill-Kunsill u lill-Kummissjoni), billi jirrikonoxxu li ‘acquis’ eżistenti fil-qasam tal-Affarijiet Interni Ewropej li ġie żviluppat pass wara pass huwa neċessarjament bla struttura u għalhekk diffiċli biex jiġi spjegat liċ-ċittadini Ewropej; jinnota li dan ġieli jkun diffiċli biex jinftiehem saħansitra għall-ispeċjalisti, u li xi wħud minn dawn l-istrumenti jikkoinċidu u li l-bażi legali ta’ xi azzjonijiet tista' tinstab f'atti differenti; jinnota, fl-aħħar, li s-sorveljanza tal-implimentazzjoni xierqa tad-direttivi tal-Unjoni Ewropea minn mhux inqas minn 27 Stat Membru qed issir ħaġa aktar u aktar diffiċli u qed tieħu ħafna żmien,
G. huwa konvint, madankollu, bħall-Kunsill, li l-Unjoni Ewropea m’għandhiex għażla oħra milli tinsisti fuq l-implimentazzjoni tal-AFSJ, “li jmiss il-qalba tal-ordnijiet kostituzzjonali nazzjonali” u li “l-Istati Membri għandhom interess speċjali li jżommu djalogu ma’ xulxin” daqs kemm għandhom interess li jagħmlu dan mal-istituzzjonijiet Ewropej,
H. huwa konvint li, f’din il-fażi tranżitorja lejn il-konklużjoni tar-ratifikazzjoni tat-Trattat il-ġdid, huwa neċessarju li qabel tmiem l-2009 jiġu adottati ċerti miżuri ġenerali li, filwaqt li huma spirati mit-Trattat ta’ Liżbona, xorta waħda jistgħu jiġu adottati taħt it-Trattati preżenti b’konformità sħiħa mal-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, u li jistgħu jnaqqsu l-effetti negattivi tal-problemi msemmija fuq; billi dawn għandhom jinkludu miżuri biex:
- –jitqiesu l-proċeduri, l-istrutturi u d-deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet, u l-prinċipji u l-objettivi stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, imħabbra fi Strasburgu fit-12 ta’ Diċembru 2007[3],
tiġi promossa t-trasparenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet fuq livell Ewropew u nazzjonali, b’mod partikulari fir-rigward tal-AFSJ, skont sentenza riċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-trasparenza leġiżlattiva (il-każ Turco),
- –jiġu involuti b’mod effettiv il-parlamenti nazzjonali fit-twaqqif u l-implimentazzjoni tal-AFSJ, inkluż f'dak li għandu x'jaqsam mal-evalwazzjonijiet ta' dawn il-politiki fi Stati Membri oħra u minn aġenziji Ewropej,
- –jiġi żgurat ir-rispett lejn il-primat tal-liġi Komunitarja fuq il-liġi tal-UE (Artikolu 47 TUE) fil-konklużjoni tal-ftehimiet internazzjonali, b'mod speċjali fil-każ tas-sanzjonijiet li jolqtu liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jew fejn ċittadini Ewropej ikunu suġġetti għad-diskriminazzjoni (visa waiver); il-Parlament Ewropew ikun assoċjat b'mod sistematiku fil-konklużjoni mill-UE tal-ftehimiet internazzjonali relatati mal-koperazzjoni ġuridika u tal-pulizija f’kwistjonijiet militari;
- –tissaħħaħ il-koperazzjoni u s-solidarjetà sinċiera bejn l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-politiki u tal-miżuri meħuda mill-UE billi jissaħħu u jiġu demokratizzati l-mekkaniżmi ta’ evalwazzjoni reċiproka li diġà huma provduti fil-koperazzjoni Schengen u fil-ġlieda kontra t-terroriżmu,
- –tinbeda koperazzjoni msaħħa taħt l-ewwel pilastru fejn l-unanimità meħtieġa ma jkunx possibbli tinkiseb (ara l-każ tal-proposta dwar id-divorzju),
- –isir pass lil hinn min-natura embrijonika u inċerta tal-inizjattivi meħuda mill-aġenziji mwaqqfa mill-Unjoni Ewropea u l-koperazzjoni mal-amministrazzjonijiet nazzjonali;
- –tiġi stabbilita politika ġenwina dwar il-komunikazzjoni li tippermetti liċ-ċittadini Ewropej ikun infurmati aħjar dwar l-inizjattivi stabbilti fuq livell Ewropew u nazzjonali u jsiru iżjed midħla mal-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali rilevanti li jistgħu jikkuntattjaw mingħajr preġudizzju għal azzjoni ġudizzjarja fir-rigward ta’ aspetti li jistgħu jolqtu ħażin lid-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini,
I. billi, matul dan il-perjodu ta' tranżitu, huwa importanti ferm għall-interessi taċ-ċittadini Ewropej li jitqies it-titjib li t-Trattat il-ġdid iġib f'dak li għandu x'jaqsam:
- –mal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali, kif stipulat fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ddikkjarati fi Strasburgu fit-12 ta’ Diċembru 2007[4],
- –mal-kontroll ġudizzjarju eżerċitat mill-Qorti tal-Ġustizzja, inkluża l-leġiżlazzjoni konnessa mal-kontroll ġudizzjarju u tal-pulizija,
- –mal-kontroll demokratiku li jirriżulta mill-estensjoni tal-kodeċiżjoni mill-Parlament Ewropew u mill-involviment tal-parlamenti nazzjonali fil-proċess leġiżlattiv Ewropew u fl-evalwazzjoni tal-impatt tiegħu, speċifikament fir-rigward tal-politiki marbuta mal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja,
J. billi jiddispjaċih li, taħt it-Trattati preżenti, il-mezzi ta’ riżarċiment taċ-ċittadini Ewropej fir-rigward tal-miżuri tal-AFSJ xorta għadhom iżjed limitati minn f’oqsma oħra tal-attività tal-UE, li s-setgħat tal-Qorti tal-Ġustizzja huma limitati, b’mod partikulari fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u f’kwistjonijiet kriminali, u billi jiddispjaċih ukoll li xi Stati Membri għadhom jirristrinġu d-djalogu bejn l-Ewropa u l-qrati nazzjonali f’dan il-qasam; billi jistieden lill-Kunsill biex jipposponi l-adozzjoni ta' kwalunkwe miżura li tista' tolqot ħażin id-drittijiet fundamentali sal-perjodu wara r-ratifikazzjoni tat-Trattat ta' Liżbona,
1. Jistieden lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex:
- (a)jibdew minn issa proċess li jiddetermina prijoritajiet għall-programm multiannwali AFSJ li jmiss għall-perjodu 2010-2014, li għandu jkun ibbażat fuq approċċ ambizzjuż u koerenti, li jmir lil hinn ħafna mill-ħsieb ministerjali, u li għandu jislet l-ispirazzjoni tiegħu mill-objettivi u l-prinċipji stipulati mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ddikkjarati mill-istituzzjonijiet f’Nizza fl-2000 u mill-ġdid f’Liżbona fit-12 ta' Diċembru 2007;
- (b)jissieħbu mal-Parlament Ewropew fid-djalogu tiegħu mal-parlamenti nazzjonali dwar il-prijoritajiet għall-perjodu 2010-2014, u jqisu l-problemi li nqalgħu fl-implimentazzjoni tal-programmi Tampere u Hague, ix-xogħol li sar fi ħdan il-Kunsill u l-indikazzjonijiet strateġiċi inizjali tal-Kunsill Ewropew rigward il-migrazzjoni, l-ażil u l-integrazzjoni; din il-fażi inizjali ta’ djalogu għandha titlesta fid-dibattitu annwali tal-2008 tal-Parlament Ewropew, u wara għandha twassal għal komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-fehim li se jkun f'idejn il-Parlament Ewropew li mistenni jkun elett mill-ġdid u l-Kunsill Ewropew li jadottaw il-programm finali fiż-żmien xieraq;
- (c)jiftehmu mal-Parlament Ewropew dwar lista ta' testi/proposti li jistgħu jew għandhom jiġu adottati bi prijorità qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat jew, f'kull każ, qabel it-tmiem ta' din il-leġiżlatura;
- (d)jagħmlu progress fin-negozjati dwar il-proposti fil-qasam tal-koperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja (li jaqgħu taħt il-proċedura ta' kodeċiżjoni) billi jfittxu diġà minn issa qbil politiku mal-Parlament Ewropew, u jassiguraw li ladarba jintlaħaq qbil:
- –jew l-adozzjoni formali tiġi posposta wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat il-ġdid,
- –jew il-Kunsill jadotta d-Deċiżjoni/Deċiżjoni Qafas konċernata skond is-sistema tat-Trattat attwali, waqt li jaċċetta biex jerġa' jadottahom skond is-sistema tat-Trattat il-ġdid li tippermetti li jkun hemm kontroll ġurisdizzjonali sħiħ min-naħa tal-Qorti; fil-każ li jkun intlaħaq qbil politiku preċedentement, il-PE jista' jaċċetta li ma jerġgħu jinfetħu n-negozjati dwar il-kontenut kif jiġri fil-każi tal-proċeduri ta' adozzjoni tal-kodifikazzjonijiet uffiċjali[5];
2. Jipproponi bħala prijoritajiet għall-oqsma li jaqgħu jew li se jibdew jaqgħu taħt il-proċeduri ta' kodeċiżjoni/kunsens f'dan il-perjodu ta' tranżizzjoni:
fil-qasam tad-drittijiet fundamentali u ċ-ċittadinanza
– definizzjoni ta’ kriterji iżjed trasparenti fuq il-livell tal-UE, b’mod partikulari fejn il-miżuri tal-UE jistgħu jxekklu l-garanziji protetti taħt il-kostituzzjonijiet tal-Istati Membri (Artikolu 52 tal-Karta u l-Artikolu 8 tal-ECHR) u r-reviżjoni tal-miżuri Ewropej iċċensurati mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-każi PMOI, SISON u oħrajn, T-253/04, il-Każ T-229/02, fuq il-‘black lists’),
– jitqies b’mod sistematiku l-impatt tad-drittijiet fundamentali tal-leġiżlazzjoni Ewropea u l-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali, b’mod partikulari fir-rigward tal-ġlieda kontra t-terroriżmu, billi jitqiesu t-tweġibiet li nbagħtu riċentement lill-Kummissjoni dwar dan il-qasam mill-Istati Membri,
– il-bidu ta’ djalogi preparatorji għall-mandat tal-innegozjar għall-adeżjoni tal-UE fl-ECHR (Artikolu 6(2) TUE),
– ir-reviżjoni tal-programm ta’ attivitajiet tal-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali, billi jitqiesu l-prijoritajiet indikati mill-istituzzjonijiet, u b’mod partikulari mill-Parlament, fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija u fil-qasam tar-rispett lejn il-prinċipji tal-UE (l-Artikolu 7 tat-TUE) (ara d-dikjarazzjoni interistituzzjonali adottata fi żmien l-adozzjoni tar-regolament ta' fondazzjoni),
– it-tressiq ta’ proposta leġiżlattiva biex titrażżan id-diskriminazzjoni diretta u indiretta li tolqot ħażin il-moviment taċ-ċittadini Ewropej, l-aċċess għall-ġustizzja f'pajjiż li ma jkunx ta' oriġini u l-protezzjoni konsulari u diplomatika f'pajjiżi terzi (l-Artikolu 20 (TFUE),
– it-tressiq ta' proposta f'dak li għandu x'jaqsam mat-trasparenza u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni u d-dokumenti proċessati mill-istituzzjonijiet tal-UE,
– it-tressiq ta’ proposta rigward il-protezzjoni tad-data (li tipprovdi għall-miżuri ta’ konsolidazzjoni li bħalissa jvarjaw skont il-pillastru), bħala risposta għat-tħassib dwar l-ereżjoni mgħaġġla tal-istandards tal-protezzjoni tad-data fl-Unjoni Ewropea, b'riferenza partikulari għal standards mhux xierqa ta' protezzjoni għat-trasferimenti transatlantiċi tad-data, u t-tħeġġiġ lill-Kunsill biex jadotta d-Deċiżjoni ta' Qafas dwar il-Protezzjoni tad-Data fit-Tielet Pillastru b'mod konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament,
– it-tisħiħ tal-istrutturi interni tal-istituzzjonijiet responsabbli mill-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-UE, b’mod partikulari fi ħdan il-Kunsill (it-trasformazzjoni tal-Grupp ta' Ħidma ad hoc tal-Kunsill dwar id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza għal Grupp Permanenti, kif ġie propost mill-Presidenza Slovena),
– it-tisħiħ, permezz tal-koperazzjoni amministrattiva (l-Artikolu 66 TKE), tad-djalogu bejn l-Istati Membri, tal-għarfien reċiproku tas-sistemi legali u l-attivazzjoni tal-proċedura tad-djalogu sabiex jiġu involuti l-parlamenti nazzjonali u l-Parlament Ewropew, b'mod partikulari meta jinqalgħu d-diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji u l-miżuri Ewropej li jolqtu l-AFSJ,
fir-rigward tal-ispazju ġudizzjarju Ewropew
– ir-reviżjoni tal-proposta leġiżlattiva dwar id-drittijiet ta' persuni fil-proċedura penali (Artikolu 69e tat-TFUE),
– it-tressiq ta’ proposta għad-drittijiet ta’ vittmi tal-kriminalità u tat-terroriżmu (Artikolu 69e tat-TFUE),
– it-titjib fir-rikonoxxenza reċiproka kemm għall-miżuri li jittieħdu in absentia u kemm għall-provi bejn l-Istati Membri (Artikolu 69e tat-TFUE),
– l-interkonnessjoni tar-rekords ġudizzjarji,
– ir-reviżjoni tal-Istatut tal-Europol, Eurojust u tan-Netwerk Ġudizzjarju Ewropew fid-dawl tal-bażijiet legali l-ġodda;
fir-rigward tal-protezzjoni tal-fruntieri
– l-adozzjoni tal-miżuri xierqa biex tiġi assigurata l-implimentazzjoni sħiħa tas-SIS II u kif ukoll id-Dċeiżjonijiet marbuta mal-Konvenzjoni ta' Prüm;
– it-tisħiħ ta' Frontex u l-evalwazzjoni tal-impatt tal-proposti l-ġodda tal-Kummissjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-kontroll tal-fruntieri;
– it-tisħiħ tal-informazzjoni ta' Frontex dwar il-ftehimiet iffirmati mill-Aġenzija ma’ pajjiżi terzi u fuq ir-rapporti ta’ evalwazzjoni dwar operazzjonijiet konġunti, u l-aċċertar li l-kontrolli fil-fruntieri jirrispettaw id-drittijiet umani; l-emendar tal-mandat tal-Aġenzija biex jiġu inklużi operazzjonijiet ta’ salvataġġ fuq il-baħar,
– it-twaqqif ta’ koperazzjoni strutturata bejn il-Frontex u l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati ((UNHCR) sabiex jiġu ssimplifikati l-operazzjonijiet involuti, billi titqies il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem,
rigward il-migrazzjoni u l-ażil
– azzjoni mgħaġġla u ambizzjuża mill-Kummissjoni u mill-Kunsill sabiex l-istrateġija progressiva tal-Ewropa tingħata spinta fuq:
- oil-migrazzjoni legali: il-pakkett tal-migrazzjoni legali li ġej (il-proċedura (Blue Card Single Application, il-ħaddiema staġonali, u l-Intra-Corporate Transferees u l-proposta dwar it-‘trainees’ rinumerati kif ukoll oħrajn),
- oil-migrazzjoni legali: il-proposti li jinkludu sanzjonijiet u skema tal-UE għall-isettiljar mill-ġdid,
- ol-ażil: l-implimentazzjoni ta’ Fażi II, inkluża r-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-istandards minimi fuq proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti jew l-irtirar tal-istatus ta' rifuġjat u tad-Direttiva dwar l-istandards minimi għall-kwalifikazzjoni u l-istatus ta' ċittadini ta’ pajjiż terzi jew ta’ persuni bla stat jew inkella bħala persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-għoti tal-kontenut tal-protezzjoni, u t-twaqqif ta' Uffiċju Ewropew għall-Appoġġ fl-Ażil,
- ol-iżvilupp tal-politika Komunitarja fuq il-migrazzjoni u l-ażil ibbażat fuq il-ftuħ tal-kanali għall-migrazzjoni legali fuq id-definizzjoni ta' standards komuni għall-protezzjoni tal-migranti u tad-drittijiet fundamentali ta' dawk li jkunu qed ifittxu l-ażil fl-UE,
- ol-inklużjoni, fid-deċiżjonijiet u fid-deċiżjonijiet ta’ qafas Ewropej, tad-dispożizzjonijiet kollha stabbiliti mill-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema migranti kollha u tal-familji tagħhom, adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fit-18 ta’ Diċembru 1990,
- oproposta rigward id-dritt ta’ persuni li jkunu ilhom residenti biex jivvotaw fl-elezzjonijiet Ewropej u lokali, li huwa dritt li jista’ jgħin l-integrazzjoni soċjali, kulturali u politika tal-migranti;
3. Jilqa’ b’sodisfazzjon il-proposta għat-tlestija tal-pakkett ta’ kontra d-diskriminazzjoni u jħeġġeġ lill-Kunsill biex jaġixxi fl-ispirtu tat-Trattat ta’ Liżbona u biex jinkorpora r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament;
4. Iqis li, diġà minn issa, hemm bżonn li jiġu involuti b'mod strutturat il-Parlamenti nazzjonali u kif ukoll is-soċjetà ċivili fid-definizzjoni ta' dawn il-miżuri leġiżlattivi u kif ukoll fl-evalwazzjoni ta' dawn il-politiki fl-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u l-Kunsill, f'din il-prospettiva, biex jerġgħu jeżaminaw, flimkien mal-Parlament Ewropew, lin-netwerks, l-aġenziji jew l-istrumenti li d-dmir tagħhom se jkun dak li jevalwaw l-impatt tal-politiki tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja jew li javvantaġġjaw interazzjoni aktar mill-qrib mas-soċjetà ċivili Ewropea;
5. Ifakkar li t-Trattat il-ġdid, ladarba jkun irratifikat, se jirrikonoxxi l-irwol tal-Parlament Ewropew fil-konklużjoni ta' ftehimiet internazzjonali li jaqgħu taħt il-politiki tal-AFSJ; jitlob, f'dan il-kuntest
- –li jkun ikkonsultat fi żmien raġonevoli dwar il-ftehimiet kollha ma’ pajjiżi terzi li jkunu ġew konklużi sal-31 ta’ Diċembru 2008,
- –li jiġi informat b'mod regolari dwar in-negozjati li għaddejjin bħalissa,
- –bħala kwistjoni ta’ urġenza, li jsir dibattitu fuq id-dimensjoni esterna tal-AFSJ minħabba li l-UE qiegħda toħloq de facto koperazzjoni ġudizzjarja ma’ pajjiżi terzi, notevolment mal-Istati Uniti, permezz ta' ftehimiet bilaterali dwar firxa ta' kwistjonijiet, u b'hekk qegħdin jiġu evitati l-proċeduri demokratiċi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u l-iskrutinju parlamentari;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u kif ukoll lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Istati Membri, u biex jistieden dawn il-parlamenti biex iressqu l-kummenti, is-suġġerimenti u l-proposti tagħhom sal-15 ta’ Novembru 2008, fil-ħin qabel id-dibattitu annwali ta’ Diċembru 2008 dwar l-AFSJ.
- [1] http://www.europarl.europa.eu/document/activities/cont/200801/20080117ATT19095/20080117ATT19095EN.pdf
- [2] Test disponibbli fl-indirizz: http://www.consilium.europa.eu/showPage.asp?id=1296&lang=en
- [3] Test: http://eur-lex.europa.eu/JOHtml.do?uri=OJ:C:2007:303:SOM:EN:html
- [4] Test: http://eur-lex.europa.eu/JOHtml.do?uri=OJ:C:2007:303:SOM:EN:html
- [5] Paragrafu 4 tal-Ftehima Interistituzzjonali tal-20 ta' Diċembru 1994, "Metodu ta' ħidma aċċellerat tal-kodifikazzjoni uffiċjali tat-testi leġislattivi", ĠU C 102, 4.4.1996, p. 2.