Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0427/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0427/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

17.9.2008

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Graham Watson, Bernard Lehideux, Gérard Deprez, Hannu Takkula, Jean Marie Beaupuy, Luigi Cocilovo, Marian Harkin, Sophia in 't Veld, Ona Juknevičienė, Elizabeth Lynne, Jules Maaten and Viktória Mohácsi
f’isem il-Grupp ALDE
dwar il-Pakkett Soċjali

Proċedura : 2008/2613(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0427/2008
Testi mressqa :
B6-0427/2008
Testi adottati :

B6‑0427/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Pakkett Soċjali

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Presidenza Franċiża attwali tal-Unjoni Ewropea jmissha għamlet enfasi akbar fuq l-impjiegi u l-politiki soċjali, meta titqies l-intenzjoni tagħha li tagħmel is-sena 2008 's-sena li fiha se jingħata bidu ġdid lill-Ewropea Soċjali',

B.  billi l-'aġenda soċjali mġedda' ppreżentata mill-Kummissjoni Ewropea hija maħsuba biex tirrikonċilja l-progress soċjali mas-swieq ħielsa u l-kompetizzjoni effettiva fi ħdan il-proġett Ewropew; billi l-Istrateġija ta' Liżbona tal-UE se tiġi fi tmiemha fl-2010; billi għandha tibda issa riflessjoni profonda dwar l-istrateġija futura tal-UE biex tagħti spinta lit-tkabbir u l-impjiegi b'konformità mal-aġenda soċjali tagħna,

C.  billi l-aġenda soċjali mġedda tista' tgħin biex il-perċezzjoni pubblika ta' l-UE tittejjeb, peress li tfassal miżuri li jeffettwaw il-ħajja ta' kuljum u l-prosperità taċ-ċittadini,

Dwar l-aġenda soċjali mġedda

1.  Jikkunsidra li l-'aġenda soċjali mġedda' għandha tiġi kkunsidrata bħala l-ewwel pass lejn lenti aktar qawwija min-naħa tal-Kummissjoni fuq l-affarijiet soċjali u l-bini ta' Ewropa soċjali li ċ-ċittadini jitolbu; jinnota, madanakollu, li l-'Pakkett Soċjali' jikkonsisti f'numru ta' komunikazzjonijiet mhux leġiżlattivi, rapporti u rakkomandazzjonijiet li l-effett tagħhom f'termini ta' promozzjoni tal-progress soċjali madwar l-Unjoni Ewropea għandu jiġi mkejjel u mmonitorjat;

2.  Jitlob, madankollu, għal aktar komunikazzjoni dwar is-servizzi soċjali ta' interess ġenerali, peress li l-inċertezza legali dwarhom issa laħqet livelli ta' rekord, li taw bidu għal interventi mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja; jenfasizza li mhijiex ir-responsabilità tal-maġistrati li jfasslu l-qafas leġiżlattiv, iżda hija r-responsabilità tal-leġiżlaturi;

Dwar l-anti-diskriminazzjoni

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni qed tipproponi direttiva orizzontali kontra d-diskriminazzjoni barra l-post tax-xogħol; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li d-direttiva proposta twessa' l-qafas legali eżistenti biex tinkludi kull tip ta' diskriminazzjoni, mhux biss ir-razza, iżda wkoll l-età, id-diżabilità, l-orjentament sesswali u r-reliġjon, u testendi l-kamp ta' applikazzjoni lilhinn mill-post tax-xogħol biex tinkludi l-aċċess għal u l-provvista ta' oġġetti u servizzi, protezzjoni soċjali, vantaġġi soċjali u edukazzjoni; jinnota, madankollu, li din id-direttiva se tiġi adottata skond bażi legali (l-Artikolu 13 tat-Trattat KE), li sfortunatament jimmarġinalizza kompletament lill-Parlament, peress li l-Kunsill se jiddeċiedi b'unanimità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiżguraw li d-direttiva tiġi adottata mingħajr dewmien u li jittieħed kont xieraq tal-fehmiet tal-Parlament, kif spjegat f'numru ta' rapporti, b'mod partikolari ir-rapport reċenti dwar il-progress li jkun sar f'opportunitajiet ugwali u n-non-diskriminazzjoni fl-UE (it-traspożissjoni tad-Direttivi 2000/43/KE u 2000/78/KE) u r-rapporti futuri tiegħu dwar il-proposti speċifiċi li jinsabu fil-Pakkett Soċjali;

4.  Jinnota l-bżonn li jissaħħu partijiet mit-test b'riferenza għall-ħtieġa li d-diskriminazzjoni ssir illegali fil-forniment ta' assikurazzjoni għall-persuni b'diżabilità u l-anzjani, u n-neċessità li tiġi pprovduta akkomodazzjoni raġonevoli għall-persuni b'diżabilità, u l-ħtieġa għal aktar informazzjoni dwar meta d-diskriminazzjoni diretta fuq il-bażi ta' età hija ġġustifikata, għal definizzjoni ta' 'età' u għal kjarifika dwar preċiżment liema oġġetti u servizzi jkunu koperti mid-direttiva;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jikkunsidraw bir-reqqa l-bżonn ta' miżuri addizzjonali inkluż it-tfassil ta' definizzjoni wiesgħa ta' diżabilità mal-UE kollha, sabiex jiġi żgurat li persuni b'diżabilità fi ħdan l-Unjoni Ewropea jkunu nklużi fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-direttiva; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni biex tipprovdi gwida għas-settur tal-edukazzjoni dwar il-klassifikazzjoni ta' tfal bħala tfal b'diżabilità jew tfal bi bżonnijiet edukattivi speċjali;

6.  Jitlob għall-kontinwazzjoni tal-proċess ta' ffirmar, konklużjoni u ratifika tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità, inkluż il-protokoll fakultattiv mehmuż magħha, u jfakkar li, wara r-ratifika tal-konvenzjoni mill-Komunità, il-proposti kollha għal leġiżlazzjoni Komunitarja non-diskriminatorja għandha tkun kompetament konformi mar-rekwiżiti tal-konvenzjoni; ifakkar lill-Kunsill li, fil-konferenza ministerjali informali dwar id-diżabilità f'Ġunju 2007, huwa stieden lill-Kummissjoni tniedi strateġija Ewropea għall-implimentazzjoni effettiva tal-konvenzjoni;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprepara rapport dwar is-sitwazzjoni ta' persuni transsesswali fl-UE u fil-pajjiżi kandidati, li jkopri partikolarment l-esklużjoni soċjali, id-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-kura tas-saħħa, u l-każijiet ta' brutalità mill-pulizija;

8.  Jiddispjaċih li d-direttiva proposta tħalli vojt sostanzjali fil-protezzjoni legali kontra d-diskriminazzjoni, partikolarment permezz ta' kwantità wiesgħa ta' eżenzjonijiet u eċċezzjonijiet relatati mal-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika, l-attivitajiet ekonomiċi, l-istatus taż-żwieġ u l-familja u d-drittijiet ta' riproduzzjoni, l-edukazzjoni u r-reliġjon; huwa mħasseb dwar il-fatt li, aktar milli tiġi pprojbita d-diskriminazzjoni, dawn il-'klawsoli ta' ħruġ' effettivament jistgħu jservu biex jikkodifikaw prattiki diskriminatorji eżistenti, partikolarment kontra n-nisa u l-persuni leżbjani, omosesswali, bisesswali u transsesswali (LGBT); ifakkar lill-Kummissjoni li d-direttiva għandha tkun konformi mal-ġurisprudenza eżistenti fil-qasam tad-drittijiet LGBT, partikolarment is-sentenza Maruko;

9.  Jinnota li fl-oqsma tal-edukazzjoni u l-midja, il-ħarsien soċjali aktar milli s-sigurtà soċjali, u l-vantaġġi soċjali, id-Direttiva 2004/113/KE dwar id-diskriminazzjoni tas-sessi tipprovdi livell aktar baxx ta' protezzjoni mid-direttiva proposta (COM (2008) 426); ifakkar li l-għan tad-direttiva proposta huwa li tiġi eliminata l-ġerarkija tal-bażijiet u tipprovdi livell indaqs ta' protezzjoni kontra d-diskriminazzjoni fuq kwalunkwe bażi;

10.  Jiddispjaċih li d-direttiva tonqos milli ssaħħaħ l-istituzzjonijiet għall-promozzjoni ta' trattament ugwali b'mod li jiġi żgurat li jkunu forniti b'riżorsi xierqa, saħħa, indipendenza, kompetenzi u poteri;

11.  Jiddispjaċih li d-direttiva proposta ma ssemmix aktar id-diskriminazzjoni multipla, li għandha impatt serju fuq l-inklużjoni soċjali, li spiss ma jiġix innutat;

12.  Iħoss li d-direttiva ma tindirizzax biżżejjed id-diskriminazzjoni fl-iskejjel, meta wieħed iqis il-konsegwenzi negattivi fuq żmien twil tad-diskriminazzjoni fir-rigward tal-iżvilupp personali u s-saħħa, il-prospetti tas-suq tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tas-sentenza ta' Qorti Ewropea tal-Ġustizzja tas-17 ta' Lulju 2008 fil-Każ C-303/06 rigward persuni li jieħdu ħsieb pazjenti, li jsofru diskriminazzjoni b'assoċjazzjoni, biex tieħu miżuri xierqa biex tiżgura li dawn il-persuni li jieħdu ħsieb ħaddieħor ikunu protetti minn diskriminazzjoni bħal din u biex jinkuraġġixxu lill-Istati Membri jieħdu l-passi neċessarji biex jiżguraw li s-sentenza tal-qorti tiġi rispettata;

Dwar il-kura tas-saħħa transkonfinali

14.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni eventwalment ressqet id-direttiva proposta tagħha dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti għas-servizzi tal-kura tas-saħħa transkonfinali, li huwa l-ewwel pass importanti lejn żona Ewropea ħielsa tal-pazjenti; jenfasizza l-importanza ta' din id-direttiva fil-forniment ta' qafas ta' drittijiet u obbligi kemm għall-pazjenti u għal dawk li jipprovdu l-kura tas-saħħa; ifakkar li l-pazjenti għandhom ikunu intitolati għal trattament fi Stat Membru ieħor tal-UE, mingħajr ħsibijiet ta' spejjeż, sikurezza u kwalità; iqis li huwa kruċjali li d-direttiva tiġi adottata qabel tmiem il-leġiżlatura tal-Parlament;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tinforma liċ-ċittadini dwar id-dritt tagħhom skont it-Trattat li jkollhom l-ispejjeż għas-servizzi tas-saħħa transkonfinali rimborsati; dritt li diġà ġie kkonfermat kemm-il darba mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja; jikkunsidra li d-disponibilità ta' informazzjoni xierqa hija kruċjali biex jiġi żgurat aċċess ugwali għas-servizzi tas-saħħa transkonfinali għall-pazjenti kollha peress li l-inċertezza legali dejjem taħdem bħala żvantaġġ għal dawk l-individwi li m'għandhomx ħafna riżorsi personali;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw politiki effiċjenti biex jiżguraw aċċess għal individwi mingħajr assikurazzjoni għas-sistema tas-saħħa;

Dwar il-Kunsilli tax-Xogħlijiet Ewropej (EWCs)

17.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Kummissjoni pproponiet li d-direttiva dwar il-kunsilli tax-xogħlijiet terġa' titfassal f'forma differenti, peress li, erbatax-il sena wara l-adozzjoni tad-direttiva attwalment fis-seħħ, il-kunsilli nħolqu għal ftit aktar minn terz tal-kumpaniji kkonċernati; jilqa' b'sodisfazzjon id-definizzjoni mtejba ta' 'informazzjoni' u 'konsultazzjoni', u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar u aktar ċari għall-EWCs; jinnota, madankollu, li wieħed għandu joqgħod għassa sewwa ta' dan it-test biex jiġi żgurat li l-impjegati jkunu kkonsultati waqt ristrutturazzjoni, u li l-kunsilli tax-xogħlijiet ikollhom l-informazzjoni u l-mezzi kollha neċessarji biex iwieġbu kull mistoqsija, li pjuttost spiss tkun ta' natura teknika ħafna;

Dwar l-inklużjoni soċjali u l-faqar

18.  Jinnota l-għan tal-Kummissjoni li ttejjeb il-viżibilità u l-metodi ta' ħidma tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Inklużjoni Soċjali u l-Ħarsien Soċjali u li ssaħħaħ l-interazzjoni tagħha ma' politiki oħra;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, madanakollu, biex jagħmlu użu aħjar tal-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni u biex isibu modi ġodda biex jiżguraw skambju aħjar ta' data, informazzjoni u l-aħjar prattika fl-oqsma tal-protezzjoni soċjali, l-inklużjoni soċjali, l-anti-diskriminazzjoni u s-saħħa;

20.  Jappoġġja lill-proposta tal-Kummissjoni li tiffissa miri għat-tnaqqis tal-faqar għall-fażi li jmiss tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Inklużjoni Soċjali u l-Ħarsien Soċjali;

21.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali ewropew fl-Istati Membri, bħala wieħed mill-istrumenti ewlenin għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Inklużjoni Soċjali u l-Ħarsien Soċjali;

Dwar il-fond ta' globalizzazzjoni

22.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni biex tissimplifika l-proċeduri ta' applikazzjoni għall-Fond Ewropew tal-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGAF) u tippromwovi l-iskambju ta' esperjenza u prattika tajba bejn l-Istati Membri b'mod aktar effettiv; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel dan il-fond aktar operazzjonali billi tikkunsidra kriterji ġodda bħall-bidla fil-klima u billi twessa' l-kamp ta' applikazzjoni tal-Fond Ewropew tal-Globalizzazzjoni biex jinkludi avvenimenti ta' telfien ta' xogħol iżgħar għall-benefiċċju tal-Istati Membri bi swieq tax-xogħol żgħar u iżolati; jiddispjaċih li l-Istati Membri kienu qed jaħsbuha biex japplikaw għal iffinanzjar EGAF biex jassiguraw assistenza immedjata għall-ħaddiema li jitkeċċew mix-xogħol;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, qabel toħroġ ir-rapport annwali li jmiss dwar l-EGAF, tistabbilixxi benchmarks u kriterji għall-evalwazzjoni tar-riżultati miksuba f'każijiet fejn l-assistenza finianzjarja tkun ġiet ipprovduta skont l-EGAF;

Dwar ir-Roma

24.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rapport tal-Kummissjoni dwar l-Istrumenti u l-Politiki Komunitarji għall-Inklużjoni tar-Roma; jenfasizza għal darb'oħra l-bżonn ta' azzjoni aktar qawwija għall-inklużjoni tar-Roma fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kura tas-saħħa u d-djar; iġedded is-sejħa tiegħu għal strateġija u pjan ta' azzjoni dwar ir-Roma biex jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali jaġixxu flimkien biex jiġġieldu kontra kull korma ta' diskriminazzjoni kontra r-Roma u jiżguraw l-inklużjoni;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jiżguraw li t-tħassib tal-Parlament u l-NGOs relevanti u l-impenji li ħadet il-Kummissjoni fir-rigward tal-Għaxar Snin għall-Inklużjoni tar-Roma jiġu kkunsidrati u li d-direttiva dwar l-anti-diskriminazzjoni tiġi adottata mingħajr dewmien;

Dwar it-tagħlim matul il-ħajja u l-mobilità

26.  Jemmen li għandha tingħata prijorità akbar lit-tagħlim tul il-ħajja, sabiex tissaħħaħ l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' persuni qiegħda u persuni li jiffaċċjaw diskriminazzjoni;

27.  Jikkunsidra li l-azzjonijiet għall-promozzjoni tal-mobilità tal-istudenti u l-apprendisti għandhom jiġu rinfurzati, sabiex tissawwar bażi għal adattabilità u mobilità akbar tal-ħaddiema futuri;

28.  Jiddispjaċih li f'xi Stati Membri mhix qed tingħata prijorità u fondi biżżejjed biex jiżdied l-aċċess għall-opportunitajiet ta' tagħlim tal-adulti, speċjalment għall-ħaddiema akbar fl-età u anqas kwalifikata; jistieden lill-Istati Membri biex jagħmlu użu aktar attiv tal-Fondi strutturali, u b'mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew, biex jappoġġjaw l-iżvilupp tal-infrastruttura u l-istrateġiji għat-tagħlim tal-adulti;

29.  Jistieden lill-Istati Membri biex iżidu u jtejbu l-investiment fil-kapital uman u biex jadattaw is-sistemi tal-edukazzjoni u ta' taħriġ għall-ħtiġijiet ġodda ta' kompetenzi u tas-suq tax-xogħol;

30.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jirrevedu l-iskeda ta' żmien proposta għall-adozzjoni tar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-mobilità ta' volontiera żgħażagħ madwar l-Ewropa, sabiex jitħalla biżżejjed zmien lill-Parlament biex jagħti l-opinjoni tiegħu dwar ir-rakkomandazzjoni;

31.  Jinnota li Sena Ewropea tal-Volontarjat tkun għodda effettiva għall-implimentazzjoni ta' l-azzjonijiet inklużi fir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-mobilità ta' volontiera żgħażagħ madwar l-Ewropa;

32.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri.