MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
17.9.2008
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Jean Lambert, Elisabeth Schroedter, Sepp Kusstatscher, Kathalijne Maria Buitenweg u Bart Staes
f'isem il-Grupp Verts/ALE
dwar il-Pakkett Soċjali
B6‑0429/2008
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Pakkett Soċjali
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Pakkett Soċjali ppreżentat mill-Kummissjoni fit-2 ta' Lulju 2008, li kien fih il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "l-Aġenda soċjali mġedda: Opportunitajiet, aċċess u solidarjetà fl-Ewropa tas-seklu 21' (COM (2008) 412) u d-diversi proposti mhux leġiżlattivi oħrajn,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew jew proċedura fl-impriżi fuq skala Komunitarja u fil-gruppi ta' l-impriżi fuq skala Komunitarja għall-għanijiet ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni għall-impjegati (Riformolata) (COM(2008) 419),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008) 426),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali (COM (2008) 414),
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej fil-kawżi Viking Line, Laval, Rüffert u l-Kummissjoni v. l-Lussemburgu u d-dibattitu politiku kontroversjali dwarhom,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi d-drittijiet fundamentali huma r-raison d’être tal-Ewropa u tal-politiki soċjali;
B. billi l-Pakkett Soċjali fiħ numru ta' inizjattivi li l-Parlament kien talab fuq firxa ta' diversi snin;
C. billi l-isem "Pakkett Soċjali" jwiegħed aktar milli jagħti, peress li kien twiegħed li uħud mid-dokumenti ppreżentati fit-2 ta' Lulju jkunu ppublikati fi żminijiet differenti u li issa huma ppreżentati bħala pakkett ta' miżuri konġunti; billi dan jidher "li ma kienx biżżejjed u li sar tard wisq";
D. billi fl-2008 l-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea ħadet deċiżjonijiet li kienu deċiżivi għat-twettiq u għall-implimentazzjoni tal-istandards soċjali fl-UE,
E. billi minkejja s-sitwazzjoni soċjali urġenti bil-qgħad dejjem jiżdied u rati għoljin ta' faqar u tal-esklużjoni soċjali, l-enfasi esklussiva tal-Kummissjoni dwar it-tkabbir u l-impjieġi ma tinbidilx;
Aġenda Soċjali Mġedda
1. Jilqa' b'sodisfazzjon l-intenzjoni tal-Kummissjoni li timxi 'l quddiem b'aġenda soċjali ġdida; jara l-ħtieġa urġenti li tabilħaqq jitwettqu l-għanijiet tal-Ewropa Soċjali; jitlob li Aġenda Soċjali Ewropea reali għandha tikkonsisti f'ġabra koerenti ta' azzjonijiet u strumenti; jitlob li jkunu d-drittijiet fundamentali li jiggwidaw kull deċiżjoni meħuda fil-livell ta' l-Unjoni Ewropea;
2. Huwa mħasseb kemm dwar in-nuqqas ta' koerenza kif ukoll ta' direzzjoni fl-inizjattivi ppreżentati fil-kuntest ta' l-Aġenda Soċjali Mġedda;
3. Jitlob lill-Kunsill sabiex f'koperazzjoni mal-Parlament jressaq Patt Soċjali biex id-diskriminazzjoni tiġi kkumbattuta, tkun promossa l-ugwaljanza, ikun missielet il-faqar, tkun imsaħħa l-infrastruttura soċjali, ikunu integrati sistematikament il-kwistjonijiet soċjali u jinstab mill-ġdid l-ekwilibrjiu bejn id-drittijiet fundamentali u l-libertajiet tas-suq bħala pass tabilħaqq 'il quddiem meta mqabbel mal-hekk imsejjaħ Pakkett Soċjali;
Direttiva dwar il-kura tas-saħħa transkonfinali
4. Għadu mhux konvint li d-Direttiva dwar il-kura tas-saħħa transkonfinali se ttejjeb il-kura tas-saħħa transkonfinali fejn ikun meħtieġ;
5. Jilqa' b'sodisfazzjon l-istudju tal-Kummissjoni dwar "Il-Kwalità tal-Aċċess għas-Servizzi tal-Kura tas-Saħħa u l-Ugwaljanza tal-istess"; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kura tas-saħħa transkonfinali tista' ssib il-limiti tagħha hemm, fejn tipperikola l-aċċess ħieles u universali għal kullħadd;
6. Iqis li l-azzjoni meħuda fil-qasam tal-kura tas-saħħa transkonfinali għandha tqis il-vijabilità u s-sostenibilità tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri u tirrispetta s-sussedjarjetà filwaqt li timmira li ttejjeb l-aċċess għall-kura tas-saħħa u li żżomm istandards għoljin fl-għoti tal-kura tas-saħħa;
7. Jagħraf il-ħtieġa ta' aktar ċarezza fir-rigward ta' kwistjonijiet bħal ma huma r-responsabilità legali għal dawk li jaċċessaw il-kura tas-saħħa fl-Istati Membri oħra;
8. Jagħraf ukoll il-ħtieġa li jkunu kjarifikati kwistjonijiet relatati ma' definizzjonijiet użati mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, bħal ma hi d-differenza bejn il-kura fl-isptar u mhux fl-isptar kif ukoll mar-rimbors għall-kura mogħtija skond l-iskemi nazzjonali tal-kura tas-saħħa, kif inhuma koperti mir-Regolament 1408/71 u mir-Regolament il-ġdid 883/04;
Direttiva tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet
9. Jinnota li filwaqt li r-riformulazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet fl-aħħar ġiet ippubblikata u jiddispjaċih tad-dewmien kunsiderevoli fil-pubblikazzjoni tiegħu;
10. Jiddispjaċih ukoll dwar in-natura limitata tar-riformulazzjoni, li jfisser li ċerti kwistjonijiet kruċjali jistgħu ma jkunux indirizzati;
11. Isostni li drittijiet għall-informazzjoni u għall-konsultazzjoni li jkunu effiċjenti u effettivi huma prinċipali fil-ħolqien ta' opportunitajiet indaqs għaż-żewġ naħat tal-industrija fuq livell transnazzjonali; jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqasijiet fir-riformulazzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni u jitlob lill-Kunsill sabiex itejjeb id-Direttiva riformulata b'koperazzjoni mill-qrib mal-Parlament;
Direttiva Ewropea kontra d-Diskriminazzjoni
12. Huwa kuntent ħafna li l-Kummissjoni ħadet azzjoni fuq is-sejħa qawwija tal-Parlament għal direttiva kontra d-diskriminazzjoni li tkopri l-erba' raġunijiet li l-Parlament talab skond l-Artikolu 13; jitlob li l-Kummissjoni teżamina jekk id-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru hix projbita fl-istess oqsma bħar-raġunijiet l-oħra;
13. Iwissi lill-Kunsill għall-fatt li din id-Direttiva hija essenzjali fl-implimentazzjoni tal-Artikolu 13(1); għalhekk jitlob li l-Kunsill iżomm l-approċċ ewlieni tal-proposta tal-Kummissjoni, jiġifieri li r-raġunijiet ta' diskriminazzjoni huma koperti u li ma għandha tiġi introdotta l-ebda ġerarkija ta' diskriminazzjoni;
14. Jitlob li l-Kunsill jillimita l-ammont ta' klawżoli ta' eċċezzjoni fl-abbozz kurrenti;
L-integrazzjoni sistematika ta' kontra d-diskriminazzjoni
15. Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizzjattivi għal dan l-għan iżda jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li mhux il-leave tal-ġenituri biss tkun indirizzata iżda wkoll leave għal skopijiet oħra ta' kura;
16. Jenfasizza li bidliet fil-leġiżlazzjoni ma għandhomx inaqqsu d-drittijiet tal-impjegati individwali;
Is-Sentenzi tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja
17. Iqis li l-Forum propost ma jistax jissostitwixxi għaċ-ċarezza legali dwar id-drittijiet tal-ħaddiema u r-rispett għall-ftehimiet kollettivi dwar l-inneġozzjar; jitlob li dawn id-drittijiet fundamentali jkunu rikonoxxuti u li, fejn meħtieġ, il-leġiżlazzjoni eżistenti riveduta kif xieraq; f'dan il-kuntest jitlob reviżjoni tad-Direttiva tal-Posting;
Rapport Biennali dwar is-Servizzi Soċjali ta' interess ġenerali
18. Jinnota r-Rapport Biennali dwar is-servizzi soċjali ta' interess ġenerali; jisħaq li s-servizzi soċjali u s-seervizzi tas-saħħa għandhom rwol vitali fis-soċjetajiet tagħna u jgħinu biex ikunu promossi l-koeżjoni, l-impjieġi, l-inklużjoni soċjali u t-tkabbir ekonomiku;
19. Jibqa' konvint li s-servizzi tas-saħħa u s-servizzi soċjali jeħtieġu ħarsien speċjali fi ħdan is-suq intern, li mhux imsemmi fil-komunikazzjoni, u li qafas legali għas-servizzi ta' interess ġenerali jappoġġja s-salvagwardja d-drittijiet fundamentali;
20. Jikkundanna n-nuqqas assolut ta' kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva min-naħa tal-Kummissjoni dwar ir-rikonoxximent u s-salvagwardja ta' servizzi soċjali u servizzi tas-saħħa ta' interess ġenerali;
L-effiċjenza ta' l-Infiq Pubbliku
21. Huwa ftit sorpriż li l-konklużjonijiet tad-dokument ta' ħidma ta' l-istaff tal-Kummissjoni "Effiċjenza u Effettività tal-Infiq Soċjali", li huwa parti mill-pakkett Soċjali, jiffokaw biss fuq il-produttività u l-attivazzjoni lejn l-impjieg filwaqt li ma jagħtux kas id-dimensjoni ta' l-inklużjoni soċjali;
22. Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina jekk dħul bażiku mingħajr kundizzjonijiet għal kullħadd jistax ikun strument effettiv biex jikkumbatti l-faqar;
Ħiliet Ġodda - Impjiegi Ġodda
23. Jilqa' b'sodisfazzjon it-tħabbir tal-inizzjattiva tal-Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda iżda jisħaq li dan għandu jifforma parti ta' pakkett koerenti tal-edukazzjoni ta' ħiliet u ta' taħriġ flimkien ma' żvilupp teknoloġiku sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-bidla fil-klima; jiġbed l-attenzjoni wkoll li "l-impjieġi l-antiki" jkollhom bżonn ukoll ta' ħiliet ġodda biex jindirizzaw din l-isfida;
Il-Fond Ewropew tal-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni
24. Huwa ddispjaċut ħafna bir-riżultat tal-evalwazzjoni tal-ħidma tal-Fond tal-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, li wera li
(a) il-Fond ma rnexxilux jilħaq l-intrapriżi zgħar u ta' daqs medju u l-impjegati tagħhom,
(b) il-Fond mhux qed jintuża kompletament u għalhekk ma jilħaqx liċ-ċittadini kemm suppost,
(c) il-Fond tal-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni ntuża f'ammont limitat ta' setturi, bħal ma hu s-settur tqal-karozzi,
(d) il-kriterji tal-Fond ma jagħmiliex possibbli li jkunu evalwati b'mod suffiċjenti kemm dawk li qed japplikaw għall-fondi permezz tiegħu huma tassew vittmi tal-globalizzazzjoni jew inkella għandhom nuqqas ta' ħila għall-innovazzjoni u biex jadattaw;
25. Iqis li jekk ma jkunx sar progress f'dawn l-oqsma fiż-żmien tal-evalwazzjoni li jmiss, għandu jkun ikkunsidrat serjament li jiġi abolit il-Fond u l-flus jiġu ttrasferiti fil-Fondi Soċjali u ta' Koeżjoni.
Ir-Roma
26. Jilqa l-stqarrija tal-Kummissjoni dwar il-ħtieġa għal azzjoni mill-Istati Membri li tkun miftiehma u kkonċentrata, u l-ħtieġa li jkunu sodisfatti l-intenzjonijiet tad-Direttiva ta' Kontra d-Diskriminazzjoni; jiżgura lill-Kummissjoni tal-appoġġ tal-Parlament għall-azzjoni qawwija tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward;
27. Huwa kunfidenti li l-Kummissjoni se tkompli wkoll bil-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Komunikazzjoni proposta dwar l-edukazzjoni sabiex ikun żgurat li tispiċċa s-segregazzjoni razzizta ta' rutina tat-tfal tar-Roma min-naħa tal-edukazzjoni integrata sistematikament;
Ix-xena internazzjonali
28. Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn kontinwu tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tal-istandards tal-ILO iżda jemmen li s-sistema kurrenti voluntarja ta' risponsabilità korporata mhix biżżejjed;
29. Jilqa' b'sodisfazzjon li kieku l-Kummissjoni fil-komunikazzjonijiet kollha tagħha twassal dak li tafferma fl-Aġenda Soċjali mġedda, jiġifieri "impenn qawwi għal soċjetajiet armonjużi, koeżivi u inklużivi li jirrispettaw d-drittijiet fundamentali fl-ekonomiji tas-swieq soċjali b'saħħithom",
30. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti ta' l-Istati Membri u lill-isħab soċjali.