Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0445/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0445/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

17.9.2008

imressqa wara l-mistoqsijiet li jitolbu tweġiba orali B6‑0460/2008 u B6‑0461/2008
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Ryszard Czarnecki, Adam Bielan, Roberts Zīle and Hanna Foltyn-Kubicka
f'isem il-Grupp UEN
dwar il-kontroll tal-prezzijiet tal-enerġija

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0428/2008

Proċedura : 2008/2628(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0445/2008
Testi mressqa :
B6-0445/2008
Testi adottati :

B6‑0445/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kontroll tal-prezzijiet tal-enerġija

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-29 ta' Settembru 2005 dwar id-dependenza fuq iż-żejt (P6-TA (2005)361) u tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar il-kriżi fis-settur tas-sajd minħabba ż-żieda tal-prezzijiet taż-żejt użat bħala fjuwil (P6-TA (2008)308),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar "Niffaċċjaw l-isfida ta’ prezzijiet taż-żejt aktar għoljin" (COM(2008) 384 finali),

–  wara li kkunsidra li l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta’ bejn id-19 u l-20 ta' Ġunju 2008,

–  wara li kkunsidra l-ftehima fil-Kunsill informali tal-ECOFIN ta’ bejn it-12 u t-13 ta' Settembru 2008,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fis-sajf tal-2008 l-prezzijiet taż-żejt laħqu l-għola livell tagħhom f'kuntesti reali, il-prezzijiet ta' prodotti oħra tal-enerġija żdiedu wkoll u l-prezzijiet taż-żejt tal-konsumatur imxew mat-tendenza tal-prezz taż-żejt mhux raffinat,

B.  billi d-dollaru dgħajjef ikkontribwixxa biex tiżdied il-pressjoni fuq il-prezzijiet taż-żejt,

C.  billi l-estimi jindikaw li l-prezzijiet taż-żejt jista’ jkun li jibqgħu għoljin fit-terminu medju sa twil, u billi dan se jħalli impatt negattiv fuq l-inflazzjoni u t-tkabbir tal-ekonomija tal-UE,

D.   billi l-livelli ogħla tal-prezzijiet qed itellfu l-poter ta' akkwist taċ-ċittadini tal-UE, filwaqt li l-aktar impatt negattiv qed iġarrbuh il-familji bl-iktar dħul baxx u s-setturi tal-industrija li jużaw l-enerġija b'mod intensiv,

E.   billi l-qabża fil-prezzijiet tal-enerġija hija influwenzata minn gruppi kumpessi ta' fatturi: il-qabża strutturali fil-provvista u t-talba taż-żejt; in-numru u d-daqs dejjem jiċkienu ta' postijiet ġodda fejn jinsab iż-żejt; l-espansjoni limitata tal-produzzjoni taż-żejt; fatturi ġeopolitiċi; inqas investiment fl-avvanzi teknoloġiċi; spejjeż ogħla tal-investimenti; u n-nuqqas ta' ħaddiema kwalifikati fil-pajjiżi ewlenin li jipproduċu ż-żejt,

F.  billi ż-żieda ta' data trasparenti, ta' min joqgħod fuqha u ppublikata aktar ta' spiss dwar l-istokks taż-żejt kummerċjali huma importanti ħafna għal-funzjonament effiċjenti tas-swieq taż-żejt,

G.  billi it-taqlib finanzjarju attwali wassal lill-investituri biex ifittxu investimenti alternattivi u kkontribwixxa għall- żieda fil-volatilità tal-prezzijiet fuq medda qasira ta' żmien;

G.  billi l-ekonomija tal-UE għadha tiddependi ħafna fuq l-importazzjoni taż-żejt, u postijiet ġodda potenzjali li minnhom jittieħed iż-żejt jinsabu ‘f'depożiti mhux konvenzjonali', u jwasslu għal żieda fil-prezz tal-investiment għall-iżvilupp tagħhom,

1.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, b’mod partikulari minħabba l-effetti negattivi fuq l-ekonomija u l-kompetittività Ewropea, li qed itellfu mill-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija ta' Liżbona;

2.  Jenfasizza l-bżonn li jittieħdu miżuri li jippermettu lill-ekonomija tal-UE biex iżżomm il-kompetittività tagħha u tadatta għall-ambjent il-ġdid tal-prezz taż-żejt;

3.  Jisħaq li l-UE għandu jkollha pożizzjoni unika fir-rigward tal-politika tal-enerġija, speċjalment fil-kuntest tal-avvenimenti riċenti fil-Ġeorġja;

4.  Jitlob li jkun hemm impenn politiku akbar lejn ekonomija tal-UE b'dipendenza baxxa fuq il-karbonju, biex jippromwovi l-enerġija rinnovabbli u effiċjenti kif ukoll sorsi tal-enerġija b'użu baxx tal-karbonju, u biex tinkiseb id-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija, b’enfasi speċjali fuq il-proġett tal-pajp taż-żejt bejn Odessa u Brody, u titnaqqas id-dipendenza fuq fjuwils fossili impurtati, ladarba din il-bidla hija l-aktar reazzjoni loġika għal prezzijiet għola taż-żejt; iħaddan il-bżonn għal dawk il-miżuri strateġiċi li neċessarjament ikunu segwiti b'impenji finanzjarji qawwija fir-riċerka u l-iżvilupp;

5.  Jappoġġja d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li miżuri mmirati u fuq medda qasira ta' żmien għandhom jittieħdu sabiex jitnaqqas l-impatt negattiv fuq l-ifqar familji; iqis, madankollu, li l-miżuri li jikkawżaw aktar inflazzjoni u anqas inċentivi għall-iffrankar tal-enerġija għandhom ikunu evitati peress li dawn jistgħu jkunu ta' ħsara għas-sostenibilità tal-finanzi pubbliċi u jiġu invalidati bi prezzijiet taż-żejt ogħla;

6.  Jinnota bi tħassib li l-konsumaturi għadhom qed iħallsu prezzijiet ogħla li mhux dejjem jirriflettu bis-sħiħ it-tnaqqis fil-prezzijiet;

7.   Jistieden lill-Kummissjoni biex tintensifika l-isforzi tagħha ħalli jitjiebu t-termini tal-kompetizzjoni fis-settur taż-żejt u tkun żgurata konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni eżistenti; iqis li għandha tingħata attenzjoni partikulari lill-investigazzjoni u l-ġlieda kontra l-oligopoli u l-kartelli fl-irfinar u d-distribuzzjoni għall-punti ta' konsum;

8.  Iqis li l-Bank Ewropew tal-Investiment għandu jkollu rwol aktar prominenti fil-provvista ta' fondi għall-effiċjenza tal-enerġija, għal enerġija rinovabbli u b’użu baxx tal-karbonju, kif ukoll għall-proġetti tar-riċerka u l-iżvilupp, speċjalment b'iffukar fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-proposta tagħha dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar it-Taxxa fuq l-Enerġija, wara li teżamina bir-reqqa l-effetti li l-miżuri ta’ tassazzjoni jista’ jkollhom fuq l-inflazzjoni, fuq investimenti ġodda fil-produzzjoni u t-tfittxija għaż-żejt, u fuq it-tranżizzjoni għal ekonomija tal-UE b’użu baxx tal-karbonju;

10.  Jisħaq fuq l-importanza ta’ iktar trasparenza u affidibilità tad-data dwar is-swieq taż-żejt u l-istokks taż-żejt; iqis li hu importanti li wieħed itejjeb il-fehim tiegħu dwar l-iżvilupp tal-prezzijiet tal-prodotti taż-żejt; jitlob li ssir reviżjoni fil-ħin tal-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-istokks taż-żejt fi żminijiet ta’ emerġenza;

11.  Jitlob lill-UE biex ittejjeb djalogu effettiv mal-pajjiżi li qegħdin fl-Organizzazzjoni tal-Pajjiżi li Jesportaw iż-Żejt u ma’ dawk li mhux qegħdin fiha, bl-għan li jkun hemm iktar stabilità tal-prezzijiet taż-żejt, iktar prevedibilità tal-provvisti tal-prodotti finali taż-żejt u l-ħlas tal-bejgħ taż-żejt bl-euro u mhux bid-dollaru Amerikan;

12.  Jerġa’ jtenni l-importanza ta’ politika komuni tal-UE dwar l-enerġija u s-sikurezza tal-provvista, u tal-Politika Ewropea għall-Viċinat; jemmen, f’dan ir-rigward, li l-UE għandha tkun il-mexxejja tad-djalogu dwar l-enerġija mal-fornituri prinċipali taż-żejt; jilqa’ b’sodisfazzjon l-idea ta' samit ta' livell għoli bejn il-pajjiżi li jikkonsmaw u dawk li jipproduċu ż-żejt;

13.  Iħeġġeġ lill-kumpanniji tal-UE biex ikunu iktar proattivi, partikolarment billi jinvestu iktar, u biex ikunu l-mexxeja tal-għarfien espert dwar it-teknoloġiji l-ġodda u tal-kapaċitajiet fil-qasam tal-inġinerija sabiex jibqgħu l-imsieħba ewlenin tal-pajjiżi prinċipali produtturi taż-żejt;

14.   Jinnota li r-Responsabilità Soċjali Korporattiva għandha titjieb fi ħdan il-kumpanniji maġġuri taż-żejt sabiex iktar investiment privat, iffinanzjat mill-benefiċċji attwali mhux mistennija tal-industrija taż-żejt, jiġi kanalizzat lejn programmi ta’ ffrankar tal-enerġija, teknoloġiji tal-enerġija alternattivi u l-attivitajiet tar-riċerka u l-iżvilupp marbuta magħhom;

15.  Jistieden lill-Istati Membri biex jikkoordinaw l-interventi politiki tagħhom fl-ittrattar taż-żidiet fil-prezzijiet taż-żejt; jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta analiżi bbażata fuq il-miżuri politiki ‘tal-aħjar prattiki’ li japplikaw l-Istati Membri bħala reazzjoni għall-isfidi li jġibu l-prezzijiet għolja taż-żejt;

16.  Jitlob lill-Kunsill biex jinsisti fuq ftehima dwar il-passi prinċipali li jmiss sabiex jinkiseb suq intern tal-enerġija verament liberalizzat;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.