MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
17.9.2008
skont l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Rebecca Harms, Claude Turmes u Caroline Lucas
f'isem il-Grupp Verts/ALE
dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija
B6‑0446/2008
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew u lill-Parlament Ewropew bl-isem ta' “Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa” (COM(2007)0001),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tat-8 u d-9 ta' Marzu 2007, u l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kunsill Ewropew (2007-2009) għal Politika dwar l-Enerġija għall-Ewropa (EPE),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Settembru 2007 ''lejn politika barranija Ewropea dwar l-enerġija''[1],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-ekonomija tal-UE, għall-inqas f'ċerti setturi, mhix ippreparata sew biex tindirizza l-prezzijiet attwali tal-enerġija, partikolarment il-prezzijiet taż-żejt,
B. billi l-prezzijiet tal-enerġija li qed jiżdiedu, u li huma fuq kollox volatili, qed joħolqu problema serja għal dawk il-familji fl-UE li għandhom dħul baxx u li b'mod sporporzjonat isofru minn spejjeż għolja ta' trasport u ta' tisħin, l-aktar minħabba prezzijiet għolja taż-żejt, imma wkoll minħabba ċerti attivitajiet u servizzi li jutilizzaw l-enerġija, bħas-sajd, l-agrikultura, it-trasport bit-triq kif ukoll numru limitat ta' industriji li jutilizzaw l-enerġija b'mod intensiv,
C. billi jqis l-ispekulazzjoni minn fondi ta' lqugħ (hedge funds) kif wkoll minn kumpaniji kbar taż-żejt u kumpaniji tal-elettriku u l-gass bħala fattur prinċipali taż-żieda fil-prezzijiet f'dawn l-aħħar xhur fuq livell globali u tal-UE,
D. billi l-Parlament Ewropew hu konxju li l-prezzijiet tal-enerġija jiddependu fuq diversi fatturi u li dawn ma jistgħux ikunu influenzati direttament minn persuni responsabbli mill-politika tal-UE, bħal per eżempju, il-prezz volatili taż-żejt fid-dinja u r-rabta bejn il-prezz taż-żejt u tal-gass, u għal dawn ir-raġunijiet jara biss skop limitat għal miżuri ta' politika fuq terminu ta' żmien qasir biex jitnaqqsu l-ispejjeż kull unità taż-żejt, tal-gas u tal-elettriku,
E. billi l-Parlament Ewropew hu konxju li l-ekonomija dinjija tinsab fit-tarf ta' kriżi globali tar-riżorsi, determinata minn dinja mmexxija minn ineffiċjenza kbira fl-użu tar-riżorsi u mid-dipendenza fuq il-fjuwils fossili, fejn il-mudell ekonomiku prinċipali tal-Punent qed jintuża b'veloċità li ħadd ma ppreveda minn ekonomiji emerġenti b'densità qawwija ta' popolazzjoni li qed joħolqu tellieqa vera u proprja għall-prezzijiet tat-tipi kollha tar-riżorsi tal-enerġija, kif ukoll għal riżorsi u neċessitajiet oħra, inkluż l-ikel,
F. billi l-akbar potenzjal biex jonqsu l-ispejjeż totali tal-enerġija jinsab fiż-żieda tal-produttività tal-enerġija u fl-iffrankar tal-enerġija,
G. billi l-Parlament Ewropew hu wkoll konxju tan-numru ta' possibilitajiet li l-UE u l-gvernijiet nazzjonali u gvernijiet lokali għandhom biex jgħinu liċ-ċittadini u lis-setturi ekonomiċi effettwati minn faqar fl-enerġija permezz ta' miżuri kkoordinati fuq perjodu ta' żmien qasir, bħal ħlasijiet diretti biex itaffu l-faqar fl-enerġija, għajnuna diretta jew tnaqqis fit-taxxi għal xi setturi ekonomiċi, kif ukoll informazzjoni aħjar u aċċess aktar faċli għal miżuri ta' ffrankar ta' enerġija fuq perjodu ta' żmien qasir jew medju,
I. billi l-enerġiji rinnovabbli, il-politiki u l-miżuri dwar l-iffrankar tal-enerġija u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija huma l-uniċi modi biex tonqos id-dipendenza tagħna fuq il-fjuwils konvenzjonali,
J. billi l-leġiżlazzjoni li tippromovi sorsi rinnovabbli ta' enerġija fil-qasam tal-elettriku kellha wasslet għal, u saħħet, żviluppi sostenibbli fl-Istati Membri,
K. billi hu essenzjali li jintlaħaq għall-inqas żvilupp ta' 20% effiċjenza fl-użu tal-enerġija sal-2020 biex tintlaħaq b'suċċess il-mira ta' 20% ta' sorsi rinnovabbli, biex tiżdied l-indipendenza tagħna fl-enerġija u sabiex jintlaħqu l-miri tal-UE dwar il-bidla fil-klima,
1. Jenfasizza li, jekk ma jkunx hemm bidla kkoordinata flimkien fil-politika tal-enerġija u l-konsum, id-domanda għall-enerġija fl-UE se tkompli tikber fl-għexieren ta' snin li ġejjin; jirrikonoxxi, f'dan il-kuntest, li l-ġlieda kontra l-bidla fil-klima se tkun sfida akbar waqt li fl-istess ħin se timponi spejjeż kbar fuq il-konsumaturi u n-negozji u żżid il-prezzijiet tal-enerġija;
2. Jistieden lill-ECOFIN biex tindirizza l-ispekulazzjoni madwar il-prezzijiet tal-enerġija b'mod vigoruż imma realistiku billi tistabbilixxi kodiċi ta' kondotta komuni biex tevita l-ispekulazzjoni fin-negozjar għall-enerġija (energy-trading floors) u billi tintroduċi politiki koordinati fuq tassazzjoni ta' profitti mhux mistennija (windfall) ta' spekulaturi tal-enerġija u kumpaniji kbar tal-enerġija; l-introjtu minn dan id-dħul jista' jikkostitwixxi l-bażi biex jitwaqqfu fondi nazzjonali għal innovazzjoni u għall-għajnuna fis-settur taż-żejt;
3. Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi set ta' regoli komuni għall-Istati Membri kollha dwar kif tingħata għajnuna lil uħud mis-setturi ekonomiċi permezz ta' miżuri mmirati, mingħajr ma jinħolqu distorsjonijiet kbar fis-suq intern tal-UE;
4. Iħeġġeġ lill-gvernijiet tal-Istati Membri fil-livelli kollha biex jikkumbattu bis-serjetà l-faqar fl-enerġija fl-UE u sabiex jistabbilixxu politiki konkreti ta' emerġenza għal dawk is-setturi ekonomiċi li huma partikolarment effettwati;
5. Jenfasizza li miżuri nazzjonali għandhom jiżguraw dejjem iżjed il-kontinwità ta' politiki eżistenti tal-UE fil-qasam tas-suq tal-enerġija interna u fil-qasam tal-politiki dwar il-bidla fil-klima, b'tali mod li dawn ma joħolqux distorsjonijiet fis-suq intern tal-UE u jitlob għalhekk lill-Kummissjoni tal-UE, lill-ECOFIN u lis-samit tal-Kapijiet ta' Stat u tal-Gvern tal-UE sabiex jistabbilixxu set ta' standards u regoli minimi ċari biex jirrispondu b'mod qawwi u kkoordinat sew għaż-żieda attwali fil-prezzijiet;
6. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-ECOFIN biex jirrifjutaw bil-qawwa inizjattivi populisti u kontroproduttivi, bħal sejħiet għal tnaqqis fil-VAT fuq materja primarja tal-enerġija bħaż-żejt u l-gass, u biex ikunu favur miżuri intelliġenti u strutturali fuq perjodu twil ta' żmien, bħall-proposta magħmula mill-Prim Ministru Ingliż għal tnaqqis fil-VAT fuq prodotti u servizzi li jiffrankaw l-enerġija;
7. Ifakkar li l-enerġija rinnovabbli u l-enerġija effiċjenti huma fost l-aħjar modi biex ikunu protetti l-konsumaturi u l-industrija minn effetti doppji ta' żieda fl-importazzjoni tal-enerġija u ż-żieda fil-prezzijiet tal-fjuwil; jinsisti li l-iżvilupp ta' politika għall-enerġija m'għandux joħloq firdiet soċjali ġodda u li l-prezzijiet tal-enerġija għandhom ikunu trasparenti u kompetittivi;
8. Jirrikonoxxi li hemm opportunità kbira biex tonqos id-domanda għall-enerġija b'mod li jkun effettiv mill-att ta' spejjeż; ifakkar li l-potenzjal tal-iffrankar tal-enerġija tela' sa 40% fl-UE, imma biex jintlaħaq dan il-għan jeħtieġ ikunu stabbiliti miri stretti li jorbtu; jiddispjaċih, f'dan ir-rigward, li l-ebda mira li torbot dwar l-iffrankar tal-enerġija u l-effiċjenza s'issa ma kienet parti mill-impenn tal-UE biex tiġġieled il-bidla fil-klima;
9. Iħeġġeġ, għalhekk, lill-UE u lill-Istati Membri biex jieħdu miżuri konkreti ħalli jnaqqsu d-domanda għall-enerġija u biex jinvestu b'mod urġenti u qawwi f'ekonomija effiċjenti fl-użu tal-enerġija sabiex inaqqsu sew id-dipendenza tagħna fuq l-enerġija tal-fjuwils fossili u jilħqu l-objettivi tal-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar il-bidla fil-klima u l-Protokoll ta' Kyoto relatat magħha; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tniedi programm wiesa' li jagħmel lill-UE l-ekonomija l-aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija sal-2020;
10. Jenfasizza wkoll li s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli flimkien ma' miżuri ta' konservazzjoni tal-enerġija tnaqqas id-dipendenza tal-Ewropa fuq importazzjoni tal-enerġija u għalhekk tnaqqas ir-riskji politiċi u ekonomiċi li jirriżultaw minn dik l-importazzjoni;
11. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-iffrankar tal-enerġija, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġiji rinnovabbli jkunu prijoritajiet fid-disinn futur tal-politika dwar l-enerġija tal-UE, partikolarment fir-Reviżjoni Strateġika dwar l-Enerġija li jmiss, bħala soluzzjonijiet verament sostenibbli biex tonqos id-dipendenza tal-UE fuq il-fjuwils konvenzjonali;
12. Jenfasizza l-ħtieġa li tkun inċentivata l-innovazzjoni fil-qasam tal-enerġija minn fjuwils fossili bl-impożizzjoni, fuq l-impjanti tal-enerġija li jutilizzaw il-fjuwils fossili, ta' limitu dwar l-emissjonijiet tal-gass b'effett serra li jkun newtrali mil-lat teknoloġiku;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
- [1] ĠU C 219 E, 28.8.2008, p. 206.