MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
3.10.2008
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Elisabeth Schroedter u Milan Horáček
f'isem il-Grupp Verts/ALE
dwar is-sitwazzjoni fil-Belarus
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0527/2008
B6‑0535/2008
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Belarus
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Belarus,
– wara li kkunsidra l-Istqarrija dwar is-Sejbiet u l-Konklużjonijiet tal-Missjoni tal-OSCE għall-Osservazzjoni tal-Elezzjoni tad-29 ta’ Settembru 2008,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 u s-16 ta’ Settembru 2008,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mill-Presidenza f’isem l-UE dwar il-ħelsien ta' Sergei Parsiukevich u Andrei Kim,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Novembru 2006 dwar ir-rieda min-naħa tal-Unjoni Ewropea biex iġġedded ir-relazzjoni tagħha mal-Belarus u l-poplu tiegħu fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, minkejja li kien hemm xi ftit titjib, il-Missjoni tal-OSCE għall-Osservazzjoni tal-Elezzjonijiet ikkonkludiet fi stqarrija preliminari li l-elezzjonijiet parlamentari tat-28 ta’ Settembru 2008 fl-aħħar mill-aħħar ma ssodisfawx l-impenji tal-OSCE għal elezzjonijiet demokratiċi; billi r-rapport iddikjara, b’mod partikulari, li l-proċess mar għall-agħar b’mod konsiderevoli waqt l-għadd tal-voti u li kienu osservati diversi każijiet ta’ falsifikazzjoni apposta tar-riżultati,
B. billi, minn total ta’ 263 kandidat, ħarġu 70 kandidat tal-oppożizzjonni għall-elezzjoni, wara li ma tħallewx joħorġu f’diversi okkażjonijiet, iżda billi ħadd minnhom ma kien elett fil-parlament,
C. billi l-President Lukashenko talab pubblikament fl-10 ta’ Lulju biex l-elezzjonijiet jitmexxew b’mod miftuħ u demokratiku, u dan tennieh meta deher fuq it-televiżjoni nhar id-29 ta’ Awwissu, filwaqt li wiegħed li l-elezzjonijiet ikunu bla preċedent mil-lat tal-ġustizzja,
D. billi l-elezzjonijiet saru f'ambjent strettament ikkontrollat u skont ir-regoli li llimitaw b'mod sinifikanti l-kampanji u l-irwol li kellhom il-partiti politiċi; billi r-regolamenti dwar l-istampar u t-tqassim ta' materjal għall-kampanji kienu restrittivi ferm,
E. billi t-talba tal-Forzi Demokratiċi Magħqudin (UDF) biex il-gvern ikun involut fi djalogu miftuħ dwar il-proċess elettorali, baqgħet ma nstemgħetx; billi l-kandidati tal-oppożizzjoni kienu mifrudin dwar il-kwistjoni tal-irtirar mill-proċess elettorali, filwaqt li rreferew għan-nuqqas ta’ fiduċja tagħhom fil-proċess tal-votazzjoni u fit-tmexxija mistennija tal-għadd tal-voti,
F. billi, waqt li l-Kostituzzjoni tal-Belarus tipprojbixxi ċ-ċensura u l-monopolizzazzjoni tal-midja u tiggarantixxi l-libertà tal-espressjoni, ftit mezzi tal-midja, b’mod ġenerali, jippreżentaw fehmiet u opinjonijiet indipendenti,
G. billi, wara li l-votazzjoni ntemmet il-Ħadd filgħaxija, mijiet ta’ partitarji tal-oppożizzjoni mxew fi Pjazza Oktyabrskaya fiċ-ċentru ta’ Minsk biex jipprotestaw kontra l-mod kif tmexxa l-proċess elettorali,
H. billi, ftit ġranet qabel, l-awtoritajiet tal-Belarus ħelsu lill-priġunieri politiċi kollha li kien fadal, partikolarment lil Alyaksandr Kazulin, Syarhei Parsyukevich u Andrei Kim,
1. Jiddispjaċih li, minkejja li riċentement tejjeb ir-relazzjonijiet, il-Gvern tal-Belarus reġa’ tilef l-opportunità li jersaq aktar qrib l-UE u jtejjeb ir-relazzjonijiet magħha, billi juri r-rispett tiegħu għall-valuri demokratiċi; jesprimi d-diżappunt kbir tiegħu għall-fatt li dawn l-elezzjonijiet ma wrewx progress lejn l-osservanza tal-istandards Ewropej u internazzjonali;
2. Jenfasizza li għad fadal preokkupazzjonijiet serji fir-rigward tad-drittijiet fundamentali tal-libertà tal-assemblea u tal-espressjoni, u tal-aċċess tal-votanti għall-pluralità tal-fehmiet li hemm bżonn biex jagħmlu għażla tajba; jiddispjaċih li l-partiti politiċi kellhom irwol minuri u li r-restrizzjonijiet imposti mill-awtoritajiet tal-istat ma ppermettewx li jkun hemm kampanja vibranti b’kompetizzjoni ta' vera;
3. Jinnota li, filwaqt li l-Unjoni Ewropea laqgħet b’sodisfazzjon il-ħelsien riċenti ta’ diversi attivisti demokratiċi tal-oppożizzjoni u kellha t-tama li titjieb l-organizzazzjoni tal-arranġamenti għall-elezzjonijiet, in-nuqqas persistenti tal-organizzazzjoni ta’ elezzjonijiet ħielsa u ġusti se jkun pass ieħor lura għall-Belarus u se jkompli jaffettwa r-relazzjonijiet tiegħu mal-Unjoni Ewropea;
4. Jinsab preokkupat li r-rally li tellgħet l-oppożizzjoni fit-28 ta' Settembru f'Minsk ġie msejjaħ vjolazzjoni evidenti tal-ordni pubbliku mill-Ministeru għall-Intern, u jinsab preookupat ukoll dwar rapporti li t-tagħrif dwar ir-rally kien se jiġi mgħoddi lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali għal evalwazzjoni legali; jistieden lill-awtoritajiet Belarussi biex jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-libertà ta' assemblea u espressjoni;
5. Jilqa' l-fatt li l-awtoritajiet Belarussi ħelsu lill-priġunieri politiċi Alyaksandr Kazulin, Syarhei Parsyukevich u Andrei Kim bejn is-16 u l-20 ta' Awissu; jinnota b'sodisfazzjon li l-ħelsien tagħhom ifisser li attwalment m'hemmx iktar priġunieri politiċi rikonoxxuti internazzjonalment fil-ħabs fil-Belarus;
6. Ifakkar li fil-21 ta’ Novembru 2006 l-Unjoni Ewropea ddikjarat li hi lesta li ġġedded ir-relazzjoni tagħha mal-Belarus u l-poplu tiegħu fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat hekk kif il-Gvern tal-Belarus juri rispett għall-valuri demokratiċi u għad-drittijiet bażiċi tal-poplu tal-Belarus;
7. Jiddispjaċih li l-elezzjonijiet parlamentari li ma rnexxewx tat-28 ta’ Settembru jfissru li l-Belarus għadu ‘l bogħod milli jissodisfa l-kundizzjonijiet stipulati għat-titjib u għat-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-Unjoni Ewropea u jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iżommu l-pressjoni fuq l-awtoritajiet tal-Belarus biex dan josserva l-prinċipji demokratiċi u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tiegħu stess, u biex ikunu prudenti ħafna fi kwalunkwe pass li jista' jiġi interpretat bħala normalizzazzjoni tar-relazzjonijiet, sakemm m'hemmx progress tanġibbli fil-Belarus;
8. Jistieden lill-gvern tal-Belarus sabiex jirrispetta u jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem kollha u jiżgura li l-Belarus ikun konformi mal-istandards internazzjonali, u b’mod partikulari mal-Artikolu 18 tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR);
9. Jistieden lill-gvern tal-Belarus biex isegwi bil-fatti l-istqarrijiet tiegħu dwar ir-rieda li titjib il-koperazzjoni mal-UE u li joħloq kundizzjonijiet aktar favorevoli għall-bidu eventwali ta' diskussjonijiet bejn l-UE u l-Belarus, billi jagħti attenzjoni mill-qrib lis-sitwazzjoni interna tal-pajjiż u billi jniedi negozjati dwar kwistjonijiet politiċi, ekonomiċi, soċjali u relatati mad-drittjiet tal-bniedem li jkunu jinvolvu lill-partiti politiċi, il-forzi tal-oppożizzjoni, l-organizzazzjonijiet nongovernattivi (NGOs), it-trejdjunjins u l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ kollha;
10. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu passi ulterjuri lejn il-faċilitazzjoni u l-liberalizzazzjoni tal-proċeduri tal-viżi għaċ-ċittadini tal-Belarus, peress li azzjoni ta' dan it-tip hija kruċjali biex jitwettaq l-għan ewlieni tal-politika tal-UE lejn il-Belarus, jiġifieri li jiġu faċilitati u intensifikati l-kuntatti bejn il-popli u biex il-pajjiż jiġi demokratizzat; iħeġġiġhom, f'dan il-kuntest, biex jikkunsidraw il-firxa ta' possibilitajiet li titnaqqas l-ispiża tal-viżi għaċ-ċittadini tal-Belarus li jkunu deħlin fiż-żona ta' Schengen, li huwa l-unika mod kif jiġi evitat li l-Belarus u ċ-ċittadini tiegħu jsiru dejjem aktar iżolati;
11. Jinkundanna l-fatt li l-Belarus huwa l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għad għandu l-piena tal-mewt, fatt li jmur kontra l-valuri Ewropej u universali;
12. Jistieden lill-awtoritajiet Belarussi biex ma joħolqu l-ebda ostakolu għall-Membri tal-Parlament Ewropew u l-parlamentari nazzjonali biex iwaqqfuhom milli jżuru l-pajjiż;
13. Jistenna li l-Kunsill u l-Kummissjoni jibqgħu f’kuntatt mal-oppożizzjoni demokratika u jestendu aktar appoġġ lis-soċjetà ċivili tal-Belarus u, b'mod partikolari, li jżidu l-għajnuna finanzjarja lill-mezzi indipendenti tax-xandir, lill-NGOs u lill-istudenti tal-Belarus li jistudjaw barra l-pajjiż; jilqa' b'sodisfazzjon l-appoġġ finanzjarju mogħti mill-Kummissjoni lill-Università tal-Istudji Umanistiċi tal-Ewropa f'Vilnius (il-Litwanja);
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assemblea Parlamentari tal-OSCE, lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll lill-Gvern tal-Belarus.