Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0537/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0537/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

14.10.2008

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Paolo Costa
f'isem il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
dwar il-piraterija fuq il-baħar

Proċedura : 2008/2635(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0537/2008

B6‑0537/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Piraterija fuq il-baħar

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar politika marittima integrata għall-Unjoni Ewropea (T6-0213/2008),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-qtil rikurrenti ta’ ċittadini ċivili fis-Somalja (18/6/08) (T6-0313/2008),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonjiet tal-Kunsill dwar l-Affarijiet Ġenerali tal-15/9/08 (13028/08),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2008,

–  wara li kkunsidra l-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/749/CFSP tad-19 ta’ Settembru 2008 dwar l-azzjoni kkoordinata militari tal-Unjoni Ewropea b’appoġġ għar-riżoluzzjoni 1816 (2008) (EU NAVCO) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Trażżin ta’ Azzjonijiet Illegali kontra s-Sikurezza tan-Navigazzjoni Marittima,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 1816 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-sitwazzjoni fis-Somalja tat-2 ta’ Ġunju 2008,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-piraterija fl-ibħra miftuħa jirrappreżentaw theddida dejjem tikber għall-ħajja u s-sikurezza tal-bniedem, b’mod partikulari fl-ibħra li jinsabu ’l barra mis-Somalja u mill-ibħra li jinsabu 'l barra mis-Somalja u l-Qarn tal-Afrika;

B.  billi l-kunflitt kontinwu u l-instabilità politika fis-Somalja wasslet għal attivitajiet ta' piraterija u ta' serq bl-armi,

C.  billi s-sena l-oħra l-attakki kriminali fuq il-bastimenti Komunitarji tas-sajd, tal-merkanzija u tal-passiġġieri fl-ibħra internazzjonali qrib ix-xtut Afrikani żdiedu kemm fin-numru u kemm fil-frekwenza, u billi dawn qed ipoġġu f’riskju l-ħajja tal-ekwipaġġ u qed ikollhom impatt negattiv fuq il-kummerċ internazzjonali,

D.  billi l-passaġġ bla xkiel ta’ bastimenti li jkunu qed ibaħħru bis-snajja' tagħhom b’mod legali fuq ibħra miftuħa huwa prekundizzjoni assoluta biex ikun hemm il-kummerċ internazzjonali;

E.  billi piraterija bħal din hija theddida immedjata għall-baħħara li l-għixien tagħhom jiddependi fuq l-eżerċitar sikur u legali tas-sengħa u l-professjoni tagħhom fuq il-baħar;

F.  billi s-sajjieda tal-UE fl-ibħra miftuħa daħlu fil-mira tal-pirati, u billi t-theddida tal-piraterija qed twassal biex numru sinifikanti ta’ bastimenti tas-sajd tal-UE jirtiraw mill-baħar f’distanzi ta’ mijiet ta’ kilometri bogħod mis-Somalja jew biex inaqqsu l-attività tas-sajd tagħhom fir-reġjun;

G.  billi numru ta’ vittmi tal-piraterija kienu ċittadini ordinarji li kienu għaddejin bl-attivitajiet tagħhom b’mod paċifiku fuq opri tal-baħar għar-rikreazzjoni fl-ibħra Afrikani...fl-ibħra li jinsabu 'l barra mill-Qarn tal-Afrika;

H.  billi sa ċertu punt din it-tip ta’ piraterija tirriżulta mill-vjolenza u mill-instabilità politika li hemm fis-Somalja, u billi l-piraterija tikkontribwixxi għalihom u anke għall-konsegwenzi konkomitanti fuq il-popolazzjoni ċivili tas-Somalja, l-iżjed f'dak li għandu x'jaqsam mal-esponiment għat-theddid, man-nuqqas ta’ żvilupp u mal-waqfien fl-għajnuna tal-ikel u fi sforzi umanitarji oħrajn;

1.  Jistieden lill-Gvern Tranżitorju Somalu biex, b’koperazzjoni man-NU u mal-Unjoni Afrikana, iqis il-piraterija u s-serq bl-armi li sar fix-xtut Somali fuq bastimenti li kien qed iġorru għajnuna umanitarja bħala azzjonijiet kriminali li għandhom ikunu segwiti bl-arrest ta’ dawk involuti abbażi tal-liġi internazzjonali tal-mument;

2.  Jieħu nota tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/749/CFSP li tistabbilixxi azzjoni kkoordinata militari b’appoġġ għar-riżoluzzjoni 1816(2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU intitolata EU NAVCO;

3.  Juri dispjaċir rigward in-nuqqas ta’ konsultazzjoni mill-Kunsill tal-PE dwar id-deċiżjoni li tiġi mnedija din l-operazzjoni tal-ESDP, u jħeġġeġ lill-Kunsill biex jipprovdi informazzjoni lill-Parlament Ewropew dwar l-ambitu ta’ din l-azzjoni u dwar il-ħidmiet eżatti li ċ-“Ċellola ta’ Koordinazzjoni tal-UE” se twettaq b’appoġġ għall-missjoni marittima tal-ESDP; EU NAVCO;

4.  Jitlob lill-Kunsill biex jiddistingwi b’mod ċar bejn il-mandat ESDP għall-ġejjieni u l-ħidmiet ta’ kontra l-piraterija magħmula mill-Istati Membri tagħha fi ħdan il-qafas tal-Operazzjoni Ħelsien Dejjiem-Qarn tal-Afrika, li għandha l-għan li xxejjen l-attivitajiet terroristi; jitlob li jkun hemm linji gwidi ċari fir-rigward tad-detenzjoni u tal-prosekuzzjoni tal-pirati maqbuda; jitlob lill-Kunsill biex jevita l-involviment tal-EU NAVCO fil-kunflitt kurrenti fis-Somalja; jitlob biex ikun hemm koordinazzjoni effettiva ma' bastimenti navali oħra fir-reġjun, b’mod speċjali fl-Istati Uniti u fir-Russja;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistinka ħalli tiżgura li l-istrumenti legali tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali li jittrattatw il-piraterija u s-serq bl-armi jkunu riveduti u aġġornati kemm jista' jkun malajr;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ lill-Istati kostali biex jirratifikaw il-Protokoll 2005 għall-Konvenzjoni dwar it-Trażżin ta’ Azzjonijiet Illegali kontra s-Sikurezza tan-Navigazzjoni Marittima,

7.  Jilqa’ b’sodisfazzjoni l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ttejjeb il-koordinazzjoni tagħha mal-aġenziji Ewropej li huma responsabbli mis-sorveljanza marittima, billi jenfasizza, b’mod speċjali, il-prevenzjoni ta’ attivitajiet illegali (l-ittraffikar tal-bnedmin u tad-droga u l-immigrazzjoni illegali) b'attenzjoni speċjali fuq l-ibħra internazzjonali; Iħeġġeġ lill-Kunsill biex ma jitfax fl-istess keffa l-isfida tat-terroriżmu u l-kwistjoni tal-immigrazzjoni illegali u tal-ittraffikar tal-bnedmin u tad-droga;

8.  Jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tippromwovi negozjati dwar l-immaniġġjar aħjar tal-qsim tal-ibħra ma' pajjiżi terzi, u jappoġġja bil-qawwa l-koperazzjoni msaħħa mal-pajjiżi ġirien favur il-ħarsien tal-ibħra li jkunu jinsabu lil hinn mill-ġurisdizzjonijiet nazzjonali;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi l-informazzjoni lill-Parlament Ewropew dwar kwalunkwe deċiżjoni li taf tieħu dwar il-finanzjament ta’ proġetti relatati ma’ rottot marittimi kritiċi fil-Qarn tal-Afrika, fl-istretti ta’ Bab al Mandab u l-Golf tal-Aden;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra kif jista’ jingħata appoġġ prattiku lill-aġenda Sana's/Dar es Salaam tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u b’mod partikulari mat-twaqqif ta’ Ċentru ta’ Informazzjoni Marittimu Reġjonali jew ma’ sistema relatata ma’ dan;

11.  Jitlob lill-Kummissjoni biex, mal-ewwel opportunità, fil-qafas ta’ Politika Marittima Integrata ġdida, twaqqaf sistema Komunitarja għal koperazzjoni u koordinazzjoni reċiproċi, li tippermetti lil dawk il-bastimenti navali li jtajru l-bandiera ta' Stat Membru f’ibħra internazzjonali li jħarsu l-bastimenti tas-sajd u tal-merkanzija minn Stati Membri oħra;

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġjaw b’mod attiv, fil-qafas tan-NU u tal-IMO, l-inizjattiva promossa minn diversi Stati Membri li d-dritt għal insegwiment attiv fuq il-baħar u fl-ajru jiġi estiż għall-istati kostali, bil-kundizzjoni li jkun hemm kunsens mill-pajjiżi inkwistjoni, kif ukoll biex jiżviluppaw mekkaniżmu ta' assistenza kkoordinata f’każi ta' piraterija marittima;

13.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jispjegaw l-objettivi tal-operazzjoni navali militari tal-UE fi ħdan il-qafas tar-Riżoluzzjoni 1816 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti favur it-trażżin tas-serq bl-armi u l-piraterija fi xtut li jinsabu 'l barra mis-Somalja. Juri dispjaċir li l-abbozz tal-RKSN (UNSC) 1816 sar taħt il-Kapitolu VII tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, għax b’hekk in-NU ttrattat b’mod problematiku l-attivitajiet ta’ piraterija bħala attivitajiet ta’ gwerra. Iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew biex jittratta l-piraterija bħala attività kriminali fil-kuntest tal-liġi internazzjonali eżistenti;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi r-riżoluzzjoni tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.