Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0538/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0538/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

15.10.2008

imressqa wara l-mistoqsijiet li jitolbu tweġiba orali B6‑0473/2008 u B6‑0474/2008
skont l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Marco Cappato u Marco Pannella
f'isem il-Grupp ALDE
dwar il-Ftehima l-ġdida ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-UE u l-Vjetnam u dwar id-drittijiet tal-bniedem

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0538/2008

Proċedura : 2008/2643(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0538/2008
Testi mressqa :
B6-0538/2008
Testi adottati :

B6‑0538/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Ftehima l-ġdida ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-UE u l-Vjetnam u dwar id-drittijiet tal-bniedem

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Vjetnam,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Koperazzjoni tal-1995 bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, irratifikat mill-Vjetnam fl-1982,

–  wara li kkunsidra l-adeżjoni tal-Vjetnam għall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fil-11 ta' Jannar 2007,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-tieni rawnd ta' taħditiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Vjetnam se jsir f'Hanoi bejn l-20 u l-21 ta' Ottubru 2008,

B.  billi fil-25 ta' Awwissu 2008, fis-Sottokumitat dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, saret seduta ta' smigħ dwar il-Vjetnam, il-Laos u l-Kambodja,

C.  billi l-laqgħa l jmiss tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn it-Trojka tal-UE u l-Vjetnam hija ppjanata għal Diċembru 2008,

D.  billi l-Artikolu 1 tal-Ftehima ta' Koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam jgħid li 'r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi huwa l-bażi għall-koperazzjoni bejn il-partijiet u għad-dispożizzjonijiet tal-ftehima u jikkostitwixxi element essenzjali tal-ftehima',

E.  billi l-libertà tal-assemblea hija severament ristretta: f'Settembru tal-2008 l-gvern Vjetnamiż beda jwettaq dik li rriżultat bħala l-aktar ripressjoni kiefra f'għexieren ta' snin fuq dimostranti Kattoliċi paċifiċi li kienu qed jipparteċipaw fi vġili ta' talb f'Hanoi biex jitolbu li jingħataw lura l-proprjetajiet tal-knisja kkonfiskati mill-Gvern Vjetnamiż,

F.  billi l-libertà tal-istampa hija severament ristretta: fl-2008 bosta ġurnalisti Vjetnamiżi ġew arrestati jew ikkastigati talli rrappurtaw dwar korruzzjoni tal-awtoritajiet tar-reġim u fid-19 ta' Settembru 2008, il-kap tal-bureau tal-Associated Press f'Hanoi kien arrestat u msawwat mill-pulizija talli rrapporta dwar dimostrazzjoni paċifika ta' Kattoliċi Vjetnajmiżi f'Hanoi,

G.  billi l-minoranzi etniċi fl-għoljiet tat-tramuntana u taċ-ċentru tal-pajjiż għadhom isofru minn diskriminazzjoni, mill-konfiska tal-artijiet tagħhom u mill-ksur tal-libertajiet reliġjużi u kulturali tagħhom; billi la l-NGOs indipendenti u lanqas il-ġurnalisti barranin m'għandhom aċċess ħieles għall-għoljiet taċ-ċentru tal-pajjiż sabiex jevalwaw is-sitwazzjoni reali tal-Montagnards, u l-aktar ta' dawk li ġew ripatrijati bil-forza mill-Kambodja; billi, mill-2001 sal-lum, aktar minn 300 Montagnard ingħataw piena ta' ħabs għal attivitajiet politiċi jew reliġjużi paċifiċi,

H.  billi, minkejja l-appelli kontinwi u ripetuti mill-komunità internazzjonali, il-mexxej tal-Knisja Buddista Unifikata tal-Vjetnam, Thich Quang Do (li għandu 79 sena), rebbieħ tal-Premju Rafto għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-2006, ġie mitfugħ il-ħabs għadd ta' drabi mill-1982 u fil-fatt għadu sal-lum taħt arrest domiċiljari,

I.  billi l-Gvern Vjetnamiż għadu ma rrikonixxix il-Knisja Buddista Unifikata tal-Vjetnam, li darba kienet l-ikbar organizzazzjoni tal-Buddisti fin-nofsinhar u ċ-ċentru tal-Vjetnam,

J.  billi l-Vjetnam implimenta leġiżlazzjoni biex jillimita l-libertà tal-aċċess għall-internet, u permezz ta' filtri u kontrolli fuq il-kontenut, u arresta għadd ta' 'dissidenti ċibernetiċi' talli użaw l-internet biex ixerdu l-fehmiet tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija jew talli ħadu sehem f'diskussjonijiet online dwar id-demokrazija; billi fl-10 ta' Settembru 2008 l-kittieb fuq l-internet u attivist favur id-demokrazija Nguyen Hoang Hai, magħruf bil-psewdonimu tiegħu ta' Dieu Cay, ingħata sentenza ta' ħabs,

K.  billi l-membri tal-minoranza etnika tal-Khmer (il-Khmer Krom) fin-nofsinhar tal-Vjetnam sofrew persekuzzjoni reliġjuża u konfiska ta' artijiet; billi l-awtoritajiet waqqfu lil madwar 20 raheb Buddisti Khmer Krom mill-qadi ta' dmirijiethom minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fi protesta paċifika fi Frar tal-2007 fejn kienu qed jitolbu aktar libertà reliġjuża, u tefgħu ħamsa minnhom fil-ħabs; billi l-awtoritajiet Vjetnamiżi poġġew lir-raheb Khmer Krom Tim Sakhorn taħt arrest domiċiljari wara li nħeles mill-ħabs f'Mejju tal-2008; billi l-awtoritajiet użaw forza eċċessiva kontra l-bdiewa Khmer Krom li ppreżentaw petizzjoni favur is-soluzzjoni tal-kunflitti dwar l-artijiet,

1.  Jenfasizza li d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-Unjoni Ewropea u l-Vjetnam irid iwassal għal titjib tanġibbli fil-Vjetnam; jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex iwettqu evalwazzjoni mill-ġdid tal-politika ta' koperazzjoni mal-Vjetnam, filwaqt li jqisu l-Artikolu 1 tal-Ftehima ta' Koperazzjoni tal-1995, li tgħid li l-koperazzjoni hija bbażata fuq ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi u tad-drittiijiet fundamentali;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi parametri ta' referenza għall-evalwazzjoni tal-proġetti ta' żvilupp attwali fil-Vjetnam biex tiġi żgurata l-konformità tagħhom mal-'klawsola ta' demokrazija';

3.   

  • biex bħala membru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, jikkopera b'mod attiv mal-mekkaniżmi tan-NU għad-drittijiet tal-bniedem, billi jistieden għal żjara fil-Vjetnam lir-Rapporteur Speċjali dwar l-Intolleranza Reliġjuża, li żar l-aħħar il-Vjetnam fl-1998, u lill-Grupp ta' Ħidma dwar it-Detenzjoni Arbitjarja, li żar l-aħħar il-Vjetnam fl-1994; u biex jipprovdi lill-uffiċjali tan-NU u lir-Rapporteurs Speċjali b'aċċess bla restrizzjonijiet għar-reġjuni kollha, inklużi l-għoljiet tat-tramuntana u taċ-ċentru tal-pajjiż, fej għandhom jitħallew iwettqu intervisti b'mod kunfidenzjali mal-priġunieri u d-detenuti politiċi u reliġjużi kif ukoll mal-Montagnards li kienu qed ifittxu ażil u ntbatu lura l-Vjetnam mill-Kambodja;
  • biex jeħles immedjatament lil dawk kollha miżmuma jew mibgħuta l-ħabs talli esprimew it-twemmin politiku jew reliġjuż tagħhom b'mod paċifiku, inklużi iktar minn 300 Montagnard Nisrani, kif ukoll irhieb Buddisti Khmer Krom, attivisti favur id-demokrazija, petizzjonanti għad-drittijiet tal-art, dissidenti ċibernetiċi, mexxejja tat-trejdjunjins, parroċċjani Nsara, u segwaċi tal-Buddiżmu Hao Hao u tar-reliġjon Cao Dai;
  • biex jipprovdi l-libertà sħiħa mill-arrest domiċiljari lil Thich Quang Do, il-patrijarka suprem tal-Knisja Buddista Unifikata tal-Vjetnam, u lil Tim Sakhorn, raheb Khmer Krom, li qed jinżamm taħt arrest domiċiljari wara li nħeles mill-ħabs f'Mejju tal-2008;
  • biex iħalli lill-organizzazzjonijiet reliġjużi indipendenti sabiex iwettqu attivitajiet reliġjużi bla ndħil mill-gvern u sabiex jippermetti li dawn l-organizzazzjonijiet reliġjużi jkunu jistgħu jirreġistraw b'mod indipendenti mal-gvern jekk ikunu jridu jagħmlu dan; biex irodd lura l-proprjetajiet tal-knisja u l-pagodi kkonfiskati mill-Gvern Vjetnamiż u biex jistabbilixxi mill-ġdid l-istatus legali tal-Knisja Buddista Unifikata tal-Vjetnam;
  • biex jirrevoka dawk id-dispożizzjonijiet fil-liġi Vjetnamiża li jikkriminalizzaw id-dissens u ċerti attivitajiet reliġjużi fuq il-bażi ta' krimini kontra s-'sigurtà nazzjonali' definiti b'mod impreċiż sabiex jiġi żgurat li dawn il-liġijiet ma jkunux jistgħu jiġu applikati kontra dawk li jkunu eżerċitaw id-drittijiet bażiċi tagħhom għal-libertà tal-espressjoni, tal-assemblea, tal-assoċjazzjoni u tat-twemmin reliġjuz;
  • biex itemm iċ-ċensura u l-kontroll tal-Gvern Vjetnamiż fuq il-midja domestika, inklużi l-internet u l-komunikazzjonijiet elettroniċi, u biex jawtorizza l-pubblikazzjoni ta’ gazzetti u magazins indipendenti, immexxija minn entitajiet privati;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jittraduċi wkoll din ir-riżoluzzjoni fil-lingwi tal-gruppi ta' minoranza etniċi indiġeni fil-Vjetnam inklużi l-Jarai, l-Ede, il-Bunong, il-Bahnar, il-Hmong u l-Khmer u biex jgħaddiha lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-pajjiżi membri tal-ASEAN, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Gvern u l-Parlament tal-Vjetnam.