Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0539/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0539/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

15.10.2008

imressqa wara l-mistoqsijiet li jitolbu tweġiba orali B6‑0473/2008 u B6‑0474/2008
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Pasqualina Napoletano, Raimon Obiols i Germà, Richard Howitt u Barbara Weiler
f'isem il-Grupp PSE
dwar il-Ftehima l-ġdida ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-UE u l-Vjetnam u dwar id-drittijiet tal-bniedem

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0538/2008

Proċedura : 2008/2643(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0539/2008
Testi mressqa :
B6-0539/2008
Testi adottati :

B6‑0539/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Ftehima l-ġdida ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-UE u l-Vjetnam u dwar id-drittijiet tal-bniedem

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Vjetnam,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Koperazzjoni tal-1995 bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, irratifikat mill-Vjetnam fl-1982,

–  wara li kkunsidra l-adeżjoni tal-Vjetnam għall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fil-11 ta' Jannar 2007,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi t-tieni rawnd ta' taħditiet dwar Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Vjetnam se jsir f'Hanoi bejn l-20 u l-21 ta' Ottubru 2008,

B.  billi fil-25 ta' Awwissu 2008, fis-Sottokumitat dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, saret seduta ta' smigħ dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fil-Vjetnam, fil-Laos u fil-Kambodja,

C.  billi l-laqgħa l jmiss tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn it-Trojka tal-UE u l-Vjetnam hija ppjanata għal Diċembru 2008,

D.  billi l-Artikolu 1 tal-Ftehima ta' Koperazzjoni li bħalissa qegħda fis-seħħ bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam jgħid li 'r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u għall-prinċipji demokratiċi huwa l-bażi għall-koperazzjoni bejn il-partijiet u għad-dispożizzjonijiet tal-ftehima u jikkostitwixxi element essenzjali tal-ftehima',

E.  billi l-libertà tal-assemblea għadha severament ristretta u f'Settembru 2008 l-Gvern Vjetnamiż beda jwettaq dik li rriżultat bħala l-aktar ripressjoni kiefra f'għexieren ta' snin fuq dimostranti Kattoliċi paċifiċi,

F.  billi l-libertà' tal-istampa għadha severament ristretta: fl-2008 għadd ta' ġurnalisti Vjetnamiżi ġew arrestati jew ikkastigati talli rrappurtaw dwar korruzzjoni mill-awtoritajiet u l-ġurnalist tal-Associated Press ġie arrestat u msawwat mill-pulizija talli rrapporta dwar dimostrazzjoni paċifika minn Kattoliċi Vjetnajmiżi f'Hanoi,

G.  billi l-minoranzi etniċi fl-għoljiet tat-tramuntana u taċ-ċentru tal-pajjiż għadhom isofru minn diskriminazzjoni, mill-konfiska tal-artijiet tagħhom, mill-ksur tal-libertajiet reliġjużi u kulturali tagħhom; billi la l-NGOs indipendenti u lanqas il-ġurnalisti barranin m'għandhom aċċess ħieles għall-għoljiet ċentrali sabiex jevalwaw is-sitwazzjoni reali tal-Montagnards, u l-aktar ta' dawk li ġew ripatrijati bil-forza mill-Kambodja; billi, mill-2001 sal-lum, aktar minn 300 Montagnard ingħataw piena ta' ħabs għal attivitajiet politiċi jew reliġjużi paċifiċi,

H.  billi, minkejja l-appelli kontinwi u ripetuti mill-komunità internazzjonali, il-mexxej tal-Knisja Buddista Unifikata tal-Vjetnam, Thich Quang Do, li kien rebbieħ tal-Premju Rafto għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-2006, ġie mitfugħ il-ħabs għadd ta' drabi mill-1982 u fil-fatt għadu sal-lum taħt arrest domiċiljari,

I.  billi l-Gvern Vjetnamiż għadu ma għarafx il-Knisja Buddista Unifikata tal-Vjetnam, li darba kienet l-akbar organizzazzjoni Buddista fin-nofsinhar u fiċ-ċentru tal-Vjetnam,

J.  billi l-Vjetnam implimenta leġiżlazzjoni biex jillimita l-libertà tal-aċċess għall-internet, permezz ta' filtri u kontrolli fuq il-kontenut, u arresta għadd ta' dissidenti fuq l-internet talli użaw l-internet biex ixerdu l-fehmiet tagħhom dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija jew talli ħadu sehem f'diskussjonijiet online dwar id-demokrazija; billi fl-10 ta' Settembru 2008 l-kittieb fuq l-internet u attivist għad-demokrazija Nguyen Hoang Hai, magħruf bil-psewdonimu Dieu Cay, ingħata sentenza ta' ħabs,

K.  billi membri tal-minoranza etnika tal-Khmer (il-Khmer Krom) fin-nofsinhar tal-Vjetnam sofrew persekuzzjoni reliġjuża u konfiska ta' artijiet; billi l-awtoritajiet waqqfu lil madwar 20 raheb Buddist Khmer Krom milli jaqdu dmirijiethom minħabba li ħadu sehem fi protesta paċifika fi Frar 2007 li fiha appellaw għal libertà reliġjuża akbar, u ħames minnhom ingħataw piena ta' ħabs; billi l-awtoritajiet Vjetnamiżi poġġew lir-raheb Khmer Krom Tim Sakhorn taħt arrest domiċiljari wara li nħeles mill-ħabs f'Mejju tal-2008; billi l-awtoritajiet użaw forza eċċessiva kontra l-bdiewa Khmer Krom li preżentaw petizzjoni favur is-soluzzjoni tal-kunflitti dwar artijiet,

1.  Jenfasizza li d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-Unjoni Ewropea u l-Vjetnam irid iwassal għal titjib tanġibbli fil-Vjetnam; jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex iwettqu evalwazzjoni mill-ġdid tal-politika ta' koperazzjoni mal-Vjetnam, filwaqt li jqisu l-Artikolu 1 tal-Ftehima ta' Koperazzjoni tal-1995, li tgħid li l-koperazzjoni hija bbażata fuq ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi u tad-drittiijiet fundamentali;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi punti ta' riferiment ċari għall-evalwazzjoni tal-proġetti attwali ta' żvilupp fil-Vjetnam sabiex tiżgura li dawn ikunu konformi mal-'klawżola tad-demokrazija';

3.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill sabiex, fil-qafas tan-negozjati li għaddejjin għal Ftehima ġdida ta' Sħubija u Koperazzjoni li se tinkludi klawżola ċara dwar id-demokrazija, iħeġġu lill-parti Vjetnamiża biex twaqqaf il-ksur sistematiku tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem li għaddej bħalissa, qabel ma jikkonkludu l-ftehima u, b'mod partikulari, sabiex jitolbu lill-Gvern Vjetnamiż:

  • biex jikkopera b'mod attiv mal-mekkaniżmi tan-NU inkarigati mid -drittijiet tal-bniedem, billi jistiednu għal żjara fil-Vjetnam lir-Rapporteur Speċjali dwar l-Intolleranza Reliġjuża, li żar l-aħħar il-Vjetnam fl-1998, u lill-Grupp ta' Ħidma dwar id-Detenzjoni arbitjarja, li żar l-aħħar il-Vjetnam fl-1994; u biex jagħtu aċċess mingħajr restrizzjoni għar-reġjuni kollha lill-uffiċjali u lir-rapporteurs speċjali tan-NU, inkluż fl-għoljiet tat-tramuntana u taċ-ċentru, fejn għandhom jitħallew iwettqu intervisti kunfidenzjali ma' priġunieri u detenuti politiċi u reliġjużi, kif ukoll mal-Montagnards li kienu qed jitolbu l-ażil u li ntbagħtu lura l-Vjetnam mill-Kambodja;
  • biex jeħilsu minnufih lill-persuni kollha detenuti jew mitfugħin il-ħabs talli esprimew b'mod mhux vjolenti t-twemmin politiku jew reliġjuż tagħhom, inkluż aktar minn 300 Nisrani Montagnard, kif ukoll rhieb Buddisti Khmer Krom, attivisti għad-demokrazija, petizzjonanti dwar id-dritt għall-art, dissidenti fuq l-internet, mexxejja ta' trejdjunjins, parroċċani Kattoliċi, u segwaċi tal-Buddiżmu Hao Hau u tar-reliġjon Cao Dai;
  • biex jeħilsu minnufih lil Thich Quang Do, mexxej suprem tal-Knisja Buddista Unifikata tal-Vjetnam, mill-arrest domiċiljari u lir-raheb Khmer Krom Tim Sakhorn, li inħeles mill-ħabs fil-Vjetnam f'Mejju tal-2008 iżda li għadu jinżamm taħt arrest domiċiljari;
  • biex iħalli lill-organizzazzjonijiet reliġjużi indipendenti jwettqu attivitajiet reliġjużi mingħajr indħil mill-gvern u biex iħallihom jirreġistraw b'mod indipendenti mal-gvern jekk huma jagħżlu li jagħmlu dan; biex irodd lura l-proprjetajiet tal-knisja u l-pagodi kkonfiskati mill-Gvern Vjetnamiż u biex jistabbilixxi mill-ġdid l-istatus legali tal-Knisja Buddista Unifikata tal-Vjetnam;
  • biex jirrevoka dispożizzjonijiet fil-liġi Vjetnamiża li jippenalizzaw id-dissens u 'l ċerti attivitajiet reliġjużi fuq il-bażi ta' reati ddefiniti b'mod impreċiż bħala ta' 'sigurtà nazzjonali', biex jiżgura li dawn il-liġijiet ma jkunux jistgħu jiġu applikati kontra dawk li eżerċitaw id-drittijiet bażiċi tagħhom tal-libertà tal-kelma, tal-assemblea, tal-assoċjazzjoni u tat-twemmin reliġjuż;
  • biex itemm iċ-ċensura u l-kontroll tal-Gvern Vjetnamiż fuq il-midja domestika, inklużi l-internet u l-komunikazzjonijiet elettroniċi, u biex jawtorizza l-pubblikazzjoni ta’ gazzetti u magazins indipendenti, immexxija minn entitajiet privati;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri tal-ASEAN, lis-Segretarju-Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Gvern u l-Parlament tal-Vjetnam.