MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
15.10.2008
skont l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Adam Bielan, Ryszard Czarnecki u Inese Vaidere
f'isem il-Grupp UEN
dwar il-Ftehima l-ġdida ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-UE u l-Vjetnam u dwar id-drittijiet tal-bniedem
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0538/2008
B6‑0542/2008
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Ftehima l-ġdida ta' Sħubija u Koperazzjoni bejn l-UE u l-Vjetnam u dwar id-drittijiet tal-bniedem
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Vjetnam,
– wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Koperazzjoni tal-1995 bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, irratifikat mill-Vjetnam fl-1982,
– wara li kkunsidra l-adeżjoni tal-Vjetnam għall-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fil-11 ta' Jannar 2007,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi t-tieni rawnd ta' taħditiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-Vjetnam se jsir f'Hanoi bejn l-20 u l-21 ta' Ottubru 2008,
B. billi fil-25 ta' Awwissu 2008, fis-Sottokumitat dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, saret seduta ta' smigħ dwar il-Vjetnam, il-Laos u l-Kambodja,
C. billi l-laqgħa li jmiss tad-Djalogu dwar id-Drittijiet tal-Bniedem bejn it-Trojka tal-UE u l-Vjetnam hija ppjanata għal Diċembru 2008,
D. billi l-Artikolu 1 tal-Ftehima ta' Koperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam jgħid li 'r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi huwa l-bażi għall-koperazzjoni bejn il-partijiet u għall-provvediment tal-ftehima u jikkostitwixxi element essenzjali tal-ftehima',
E. billi l-libertà tal-assemblea hija severament ristretta: f'Settembru tal-2008 l-gvern Vjetnamiż beda jwettaq dik li rriżultat bħala l-aktar ripressjoni kiefra f'għexieren ta' snin fuq dimostranti Kattoliċi paċifiċi li kienu qed jipparteċipaw fi ljieli ta' talb f'Hanoi biex jitolbu li jingħataw lura l-propretajiet tal-knisja kkonfiskati mill-Gvern Vjetnamiż,
F. billi l-liberta' tal-istampa hija severament ristretta: fl-2008, diversi ġurnalisti Vjetnamiżi ġew arrestati jew ikkastigati talli rrappurtaw dwar korruzzjoni uffiċjali u, fid-19 ta' Settembru 2008, il-kap tal-bureau tal-Associated Press f'Hanoi, Ben Stocking, kien arrestat u msawwat mill-pulizija talli rrapporta dwar dimostrazzjoni paċifika ta' Kattoliċi Vjetnajmiżi f'Hanoi,
G. billi l-minoranzi etniċi fl-għoljiet tat-tramuntana u taċ-ċentru tal-pajjiż għadhom isofru minn diskriminazzjoni, mill-konfiska tal-artijiet tagħhom, mill-ksur tal-libertajiet reliġjużi u kulturali tagħhom; billi la l-NGOs indipendenti u lanqas il-ġurnalisti barranin m'għandhom aċċess ħieles għall-għoljiet ċentrali sabiex jevalwaw is-sitwazzjoni reali tal-Montagnards, u l-aktar ta' dawk li ġew ripatrijati bil-forza mill-Kambodja; billi, mill-2001 sal-lum, aktar minn 300 Montagnard ingħataw piena ta' ħabs għal attivitajiet politiċi jew reliġjużi paċifiċi,
H. billi, minkejja l-appelli kontinwi u ripetuti mill-komunità internazzjonali, il-mexxej tal-Knisja Buddista Magħquda (Unified Buddhist Church) tal-Vjetnam, Thich Quang Do (li għandu 79 sena), rebbieħ tal-Premju Rafto għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fl-2006, ġie mitfugħ il-ħabs għadd ta' drabi mill-1982 ‘il hawn u għadu sal-lum taħt arrest domiċiljarju effettiv,
I. billi l-Gvern Vjetnamiż għadu ma rrikonixxiex il-Knisja Buddista Magħquda tal-Vjetnam, li darba kienet l-ikbar organizzazzjoni tal-Buddisti fin-Nofsinhar u ċ-Ċentru tal-Vjetnam,
J. billi l-Vjetnam implimenta leġiżlazzjoni biex jillimita l-libertà tal-aċċess għall-internet, permezz ta' filtri u kontrolli fuq il-kontenut, u arresta għadd ta' 'dissidenti ċibernetiċi' talli użaw l-internet biex ixerrdu l-fehmiet tagħhom dwar id-drittijiet tal-bnidem u d-demokrazija jew talli ħadu sehem f'diskussjonijiet fuq l-internet dwar id-demokrazija; billi fl-10 ta' Settembru 2008 l-kittieb fuq l-internet u attivist favur id-demokrazija Nguyen Hoang Hai, magħruf bil-psewdonimu tiegħu bħala Dieu Cay, ingħata sentenza ta' ħabs,
K. billi l-membri tal-minoranza etnika tal-Khmer (il-Khmer Krom) fin-nofsinhar tal-Vjetnam sofrew persekuzzjoni reliġjuża u konfiska ta' artijiet; billi l-awtoritajiet waqqfu lil madwar 20 patri Buddisti Khmer Krom mill-qadi ta' dmirijiethom minħabba l-parteċipazzjoni tagħhom fi protesta paċifika fi Frar tal-2007 fejn kienu qed jitolbu aktar libertà reliġjuża, u tefgħu ħamsa minnhom il-ħabs; billi l-awtoritajiet Vjetnamiżi poġġew lir-raheb Khmer Krom, Tim Sakhorn, taħt arrest domiċiljarju wara li nħeles mill-ħabs f'Mejju tal-2008; billi l-awtoritajiet użaw forza eċċessiva kontra l-bdiewa Khmer Krom li ppreżentaw petizzjoni favur ir-riżoluzzjoni tal-kunflitti dwar l-artijiet,
1. Jenfasizza li d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-Unjoni Ewropea u l-Vjetnam irid iwassal għal titjib tanġibbli fil-Vjetnam; jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex iwettqu evalwazzjoni mill-ġdid tal-politika ta' koperazzjoni mal-Vjetnam, filwaqt li jqisu l-Artikolu 1 tal-Ftehima ta' Koperazzjoni tal-1995, li tgħid li l-koperazzjoni hija bbażata fuq ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi u tad-drittiijiet fundamentali;
2. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi punti ta' riferiment ċari għall-evalwazzjoni tal-proġetti attwali ta' żvilupp fil-Vjetnam sabiex tiżgura li dawn ikunu konformi mal-'klawsola tad-demokrazija';
3. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex, fil-qafas tan-negozjati li għadhom għaddejjin għal Ftehima ġdida ta' Sħubija u ta' Koperazzjoni li se tinkludi klawsola ċara dwar id-demokrazija, iqanqlu mal-parti Vjetnamiża l-kwistjoni tal-ħtieġa li jitwaqqaf għal kollox il-ksur sistematiku tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem li għaddej bħalissa, qabel ma tkun konkluża l-ftehima u, b'mod partikulari, sabiex jitolbu lill-Gvern Vjetnamiż:
- –biex bħala memmbru tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, jikkopera b'mod attiv mal-mekkaniżmi tan-NU għad-drittijiet tal-bniedem, billi jistieden għal żjara fil-Vjetnam lir-Rapporteur Speċjali dwar l-lntolleranza Reliġjuża, li żar l-aħħar il-Vjetnam fl-1998, u lill-Grupp ta' Ħidma dwar it-Detenzjoni Arbitjarja, li żar l-aħħar il-Vjetnam fl-1994; u biex jipprovdi lill-uffiċjali tan-NU u lir-rapporteurs Speċjali aċċess bla restrizzjonijiet għar-reġjuni kollha, inklużi l-Għoljiet tat-Tramuntana u taċ-Ċentru tal-pajjiż, fejn għandhom jitħallew jagħmlu intervisti b'mod kunfidenzjali mal-priġunieri u d-detenuti politiċi u reliġjużi kif ukoll mal-Montagnards li kienu qed ifittxu kenn u ntbagħtu lura l-Vjetnam mill-Kambodja;
- –biex minnufih jeħilsu lin-nies kollha detenuti jew mitfugħa l-ħabs talli esprimew b'mod mhux vjolenti t-twemmin politiku jew reliġjuż tagħhom, inklużi aktar minn 300 Kristjan Montagnard, kif ukoll irhieb Buddisti Khmer Krom, attivisti għad-demokrazija, petizzjonanti dwar id-dritt għall-art, dissidenti fuq l-internet, mexxejja ta' trejdjunjins, parruċċani Kattoliċi, u segwaċi tal-Buddiżmu Hao Hau u tar-reliġjon Cao Dai;
- –biex minnufih jipprovdu l-libertà sħiħa mill-arrest domiċiljarju lil Thich Quang Do, il-patrijarka suprem tal-Knisja Buddista Magħquda tal-Vjetnam, u lil Tim Sakhorn, raheb tal-Khmer Krom li qed jinżamm taħt arrest domiċiljarju wara li nħeles mill-ħabs f'Mejju tal-2008;
- –biex iħalli lill-organizzazzjonijiet reliġjużi indipendenti sabiex iwettqu attivitajiet reliġjużi bla ndħil mill-gvern u sabiex jippermetti li dawn l-organizzazzjonijiet reliġjużi jkunu jistgħu jirreġistraw b'mod indipendenti mal-gvern jekk ikunu jridu li jagħmlu dan; biex irodd lura l-proprjetajiet tal-knisja u l-pagodi kkonfiskati mill-Gvern Vjetnamiż u biex jistabbilixxi mill-ġdid l-istatus legali tal-Knisja Buddista Magħquda tal-Vjetnam;
- –biex jirrevoka d-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-liġi Vjetnamiża li jikkriminalizzaw id-diverġenzi tal-opinjonijiet u ċerti attivitajiet reliġjużi fuq il-bażi ta’ delitti li huma ddefiniti b’mod impreċiż bħala delitti ‘ta’ sigurtà nazzjonali’ biex ikun żgurat li dawn il-liġijiet ma jkunux jistgħu jiġu applikati kontra dawk li jkunu eżerċitaw id-drittijiet bażiċi tagħhom għal-libertà tal-espressjoni, tal-assemblea, tal-assoċjazzjoni, u tat-twemmin reliġjuż;
- –biex itemm iċ-ċensura u l-kontroll tal-Gvern Vjetnamiż fuq il-midja domestika, inkluż l-internet u l-komunikazzjonijiet elettroniċi, u biex jawtorizza l-pubblikazzjoni ta’ gazzetti u magazins indipendenti, immexxija minn entitajiet privati;
4. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex din ir-riżoluzzjoni jaqlibha wkoll għal-lingwi tal-gruppi ta’ minoranza etniċi indiġeni fil-Vjetnam, inklużi l-Jarai, l-Ede, il-Bunong, il-Bahnar, il-Hmong u l-Khmer, u biex jgħaddiha lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-pajjiżi membri tal-ASEAN, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Gvern u l-Parlament tal-Vjetnam.