Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0543/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0543/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

15.10.2008

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar on the European Council report and the Commission statement
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Hartmut Nassauer
f'isem il-Grupp PPE-DE
dwar ir-riżultati tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-15-16 ta' Ottubru 2008 fi Brussell

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0543/2008

Proċedura : 2008/2523(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0543/2008

B6‑B6-0543/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-riżultati tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-15-16 ta' Ottubru 2008 fi Brussell

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza li nħarġu wara l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-15-16 ta' Ottubru 2008,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kunsill Ewropew u l-istqarrija tal-Kummissjoni dwar il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-15-16 ta' Ottubru 2008,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-proċeduri parlamentari għall-approvazzjoni tat-Trattat ta' Lisbona twettqu f'24 Stat Membru,

B.  billi hemm bżonn urġenti tar-riformi istituzzjonali li jinsabu fit-Trattat ta' Lisbona sabiex jiġi żgurat li l-Unjoni Ewropea tiffunzjona bla intoppi u b'mod bilanċjat, bi skrutinju demokratiku sħiħ,

C.  billi hemm bżonn ta' ċarezza dwar id-dispożizzjonijiet istituzzjonali li se jiġu applikati għall-avvenimenti importanti tas-sena 2009, speċifikament l-elezzjonijiet Ewropej u l-ħatra ta' Kummissjoni ġdida,

I.  Qagħda ekonomika u finanzjarja

1.   Jinsab imħasseb bis-serjetà dwar il-qagħda tas-swieq finanzjarji u jitlob tisħiħ ulterjuri ta' azzjoni koordinata sabiex jerġa' jkun hemm kunfidenza fis-swieq;

2.   Iħeġġeġ biex tingħata konsiderazzjoni meqjusa għall-kawżi tal-kriżi fis-swieq finanzjarji, u għal kwalunkwe rimedju fit-tul possibbli għaliha, sabiex jinstabu sistemi regolatorji u ta' sorveljanza xierqa għall-ġejjieni; iqisha li hi r-responsabilità tal-Kummissjoni li, meta jkun il-waqt, tħejji evalwazzjoni inizjali ta' dan it-tip biex tiġi diskussa fl-istituzzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri u fl-isfera pubblika;

3.   Jilqa' l-konklużjonijiet tas-summit tal-Eurogroup tat-12 ta' Ottubru 2008, bħala l-ewwel pass importanti u koordinat biex jitfarrġu s-swieq finanzjarji, u jinsab konvint li l-miżuri - b'mod speċjali l-garanziji pubbliċi temporanji għal self ta' flus interbankarju, imma anke iż-żieda tal-garanziji tad-depożiti u r-rikapitalizzazzjoni tal-banek - huma espedjenti meħtieġa biex terġa' tingħata l-kunfidenza lis-sistema finanzjarja; jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew għar-ratifikar tal-miżuri proposti mill-Eurogroup;

4.   Jinnota li din il-kriżi għandha implikazzjonijiet li jmorru oltri s-swieq finanzjarji, b'mod partikulari fir-rigward tal-vijabilità tan-negozju, tal-impjiegi, tal-finanzi personali u tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju, u li l-impatt kien ikun imprevedibbli kieku l-awtoritajiet nazzjonali, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u l-banek ċentrali l-oħra ma introduċewx miżuri sabiex terġa' tingħata l-kunfidenza lis-sistema finanzjarja;

5.   Hu determinat li jappoġġja kull miżura li tista' terġa' tagħti l-likwidità lis-swieq sabiex in-negozji u l-individwi jkun jista' jerġa' jkollhom aċċess għall-faċilitajiet ta' kreditu; hu konxju tal-ħtieġa li jisserraħħ moħħ dawk li jħallsu t-taxxi sabiex kull miżura li tittieħed tkun tirrifletti t-tħassib tagħhom, u jinnota li għat-tkabbir ekonomiku fil-futur huwa kritiku li jerġa' jkun hemm in-normalità finanzjarja;

6.   Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jaġixxu flimkien mal-Parlament u jenfasizza li kull inizjattiva regolatorja u ta' sorveljanza trid tkun koordinata tal-anqas mill-Kummissjoni fil-livell tal-UE, jekk mhux globalment;

7.   Iħeġġeġ lill-parteċipanti kollha biex jiffokaw l-isforzi tagħhom biex jiġi żgurat li kwalunkwe miżura (apparti dawk li huma strettament limitati fiż-żmien) ma tgħawwiġx il-kompetizzjoni u li l-miżuri ta' dan it-tip iqisu l-ħtieġa li jkun kundizzjonijiet ugwali għal kulħadd;

8.   Jappoġġja l-isforzi tal-BĊE biex isib soluzzjoni globali għall-kriżi; iħeġġu biex jikkopera globalment mal-banek ċentrali l-oħra, inklużi dawk fis-swieq emerġenti, u jħaġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jikkoperaw ma' entitajiet finanzjarji internazzjonali bħall-IMF, il-Bank Dinji, il-BIS u l-IASB sabiex ikun żgurat li jittieħdu miżuri biex jerġa' jkun hemm kunfidenza fis-sistema finanzjarja globali;

9.   Jindika li fl-interess ta' min iħallas it-taxxi u tal-baġits tal-Istati Membri, kull darba li jintefqu flus pubbliċi biex tiġi salvata istituzzjoni finanzjarja, bħala kontroparti għandha tkun akkumpanjata minn titjib f'dak li għandu x'jaqsam mal-governanza u r-responsabilità;

10.   Jitlob regoli prudenzjali minimi applikabbli għall-fondi ta' spekulazzjoni, b'mod partikulari regoli li jiggvernaw leverage u short selling.

11.   Jistenna l-proposti tal-Kummissjoni fir-rigward tal-aġenziji għall-evalwazzjoni ta' kreditu u jħeġġiġha biex tressaqhom sa mhux aktar tard mit-12 ta' Novembru 2008;

12.   Jindika li kriżi li tmur lilhinn mill-ġurisdizzjonijiet nazzjonali ma tistax tiġi indirizzata individwalment mill-awtoritajiet nazzjonali u li fi kriżijiet intrakonfinali huma kruċjali l-koperazzjoni u l-fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet ta' sorveljanza; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli biex jiżviluppaw proposti xierqa għal immaniġġjar effettiv ta' kriżijiet għall-konsiderazzjoni ulterjuri tal-Parlament; jiġbed l-attenzjoni għall-importanza li jkun hemm koordinazzjoni b'saħħitha fil-livell tal-UE waqt laqgħat fil-livell tal-G8 u jemmen bis-saħħa f'rispons globali għall-kriżi;

II.  Trattat ta' Lisbona

13.   Itenni u jikkonferma l-approvazzjoni tiegħu tat-Trattat ta' Lisbona u l-bżonn li jintemm ir-ratifikar tiegħu fl-Istati Membri tal-Unjoni qabel l-elezzjonijiet Ewropej tal-2009;

14.  Jistieden lill-Kunsill Ewropew biex, waqt il-laqgħa li ġejja tiegħu, jiddefinixxi metodu u skeda li jippermettulu li jikseb dan ir-riżultat;

III.  Enerġija u bidla fil-klima

15.   Hu tal-fehma li l-kriżi finanzjarja internazzjonali attwali m'għandhiex twassal għal dubbji dwar l-objettivi klimatiċi tal-UE għal wara l-2012; jimpenja ruħu li jikkopera mill-qrib mal-Kunsill u l-Kummissjoni biex jinstab qbil effettiv u li jista' jinħadem dwar il-Pakkett għall-Bidla fil-Klima u l-Enerġija fl-iqsar żmien prattikabbli; jenfasizza, madankollu, li hu kruċjali għall-industrija tal-UE, u għall-impjegati u l-konsumaturi tagħha li l-miżuri maħsuba biex jintlaħqu dawn l-objettivi jiġu evalwati bir-reqqa biex jiġu aċċertati l-implikazzjonijiet li għandhom fuq il-kompetittività settorjali u ġenerali tal-kumpaniji tal-UE; jikkunsidra li, f'dan il-kuntest, irid jitqies id-dritt tal-Parlament li jkollu ħin biżżejjed biex jiddiskuti l-kwistjoni;

16.  Jiċħad kull tentattiv li jerġa' jinfetaħ id-dibattitu u li jitfa' dubji fuq id-deċiżjoni tal-limiti massimi għad-CO2 permezz ta' proposta ġdida għal Kodeċiżjoni fil-każ ta' ftehima internazzjonali, peress li dan ikun jixhed li l-Unjoni Ewropea mhix kapaċi ssib soluzzjonijiet dewwiema u li qed tipposponi deċiżjonijiet urġenti u tikkontradixxi l-impenn ta' Marzu 2007 tal-Kunsill Ewropew;

17.  Jenfasizza għalhekk l-importanza li tinżamm iż-żieda awtomatika fl-objettiv tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għal 30% wara l-ftehima internazzjonali f'waħda mill-konferenzi li jmiss tas-COP;

18.  Jistieden lill-Kunsill biex iżomm l-objettivi ambizzjużi proposti li jintlaħaq sehem mandatorju ta' 20% ta' enerġija minn sorsi li jiġġeddu u li huma sostenibbli fil-konsum enerġetiku finali globali tal-Komunità u sehem mandatorju ta' 10% ta' enerġija minn sorsi li jiġġeddu u li huma sostenibbli fis-settur tat-trasport f'kull Stat Membru sal-2020;

19.  Jilqa' l-qbil politiku li ntlaħaq mill-Kunsill dwar is-Suq Intern tal-Enerġija; f'dak il-kuntest, itenni l-appoġġ qawwi tiegħu għal-liberalizzazzjoni ulterjuri tas-suq tal-enerġija tal-UE u jitlob li jkun hemm qbil waqt il-leġiżlatura parlamentari attwali;

20.  Jirrikonoxxi li t-tekonoloġiji għall-qbid u l-ħażna tal-karbonju jistgħu jikkontribwixxu biex l-objettivi tal-UE wara l-2020 jintlaħqu u biex tiżdied is-sigurtà tal-provvista tal-UE; jitlob f'dak ir-rigward li jingħata l-appoġġ finanzjarju xieraq għat-12-il faċilità ta' dimostrazzjoni, speċifikament permezz ta' allowances taħt l-Iskema għall-Iskambju tal-Emissjonijiet;

IV.  Sigurtà tal-Enerġija

21.   Jitlob li jkun hemm impenn politiku b'saħħtu biex l-ekonomija tal-UE issir waħda b'rata baxxa ta' emissjonijiet ta' karbonju, biex jiġu promossi s-sorsi ta' enerġija li jiġġeddu, l-effiċjenza enerġetika u sorsi oħra tal-enerġija b'rata baxxa ta' emissjonijiet ta' karbonju, biex tiġi segwita d-diversifikazzjoni tal-provvista tal-enerġija u biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili importati, peress li din il-bidla hija l-aktar rispons loġika għall-prezzijiet taż-żejt li għolew; jappoġġja l-prijorità li dawn il-miżuri strateġiċi għandhom jiġu segwiti b'impenji finanzjarji b'saħħithom għar-riċerka u l-iżvilupp;

22.   Jistieden lill-Kunsill biex isegwi b'determinazzjoni r-rakkomandazzjonijiet tal-PE li jirrigwardaw l-adozzjoni ta' politika esterna Ewropea komuni dwar l-enerġija, b'mod partikulari billi tiġi promossa l-unità tal-UE fin-negozjati mal-fornituri tal-enerġija u mal-pajjżi ta' tranżitu u billi jiġu difiżi l-interessi tal-UE kollha kemm hi, billi tiġi żviluppata diplomazija effiċjenti fil-qasam tal-enerġija, billi jiġu adottati mekkaniżmi aktar effettivi bħala rispons għall-kriżijiet, u billi tiġi żgurata d-diversifikazzjoni tal-fornituri tal-enerġija; ifakkar fil-bżonn li tiġi adottata strateġija għal dan il-għan flimkien mal-istrumenti meħtieġa biex titwettaq; jitlob li tingħata attenzjoni speċjali għall-bini tal-interkonnessjonijiet li għad hemm bżonn, b'mod partikulari fil-parti tal-Lvant tal-Ewropa;

V.  Patt Ewropew dwar l-immigrazzjoni u l-ażil

23.   Jilqa' l-inizjattiva tal-Presidenza Franċiża dwar il-Patt Ewropew dwar l-immigrazzjoni u l-ażil; jikkunsidra madankollu li hemm bżonn li tiġi akkumpanjata b'proposti leġiżlattivi konkreti, li għandhom ikunu mmirati biex jintlaħaq bilanċ bejn, minn naħa, l-approċċ Ewropew meħtieġ, inkluża l-integrazzjoni Ewropea ulterjuri f'dan il-qasam politiku, u min-naħa l-oħra, ir-rispett għall-prinċipju ta' sussidjarjetà u sovranità tal-Istati Membri, u f'dan ir-rigward jilqa' b'mod partikulari l-impenn li ma jkunx hemm regolarizzazzjonijiet fuq skala kbira fil-ġejjieni;

24.  Jaqbel mal-Kunsill li l-Patt dwar l-Immigrazzjoni għandu jipprovdi l-qafas għal azzjoni taħt il-Presidenzi futuri;

VI.  Segwitu għall-Kunsill Ewropew tal-1 ta' Settembru 2008

25.  Hu tal-fehma li ma jistax ikun hemm soluzzjoni militari għall-kunflitti fil-Kawkasu u jesprimi l-kundanna soda tiegħu ta' dawk kollha li rrikorrew għall-forza u l-vjolenza sabiex tinbidel is-sitwazzjoni fit-territorji seċċessjonisti tal-Ossezja tan-Nofsinhar u l-Abkażja;

26.  Ifakkar fl-azzjoni militari sproporzjonata li ħadet ir-Russja fil-Ġeorġja fil-bidu ta' Awissu u l-inkursjoni profonda tagħha fil-pajjiż, u anke fid-deċiżjoni unilaterali tagħha li tirrikonoxxi l-indipendenza tal-Abkażja u tal-Ossezja tan-Nofsnhar;

27.  Jistieden lir-Russja biex tirrispetta s-sovranità u l-integrità territorjali tar-Repubblika tal-Ġeorġja u l-invjolabilità tal-fruntieri tagħha, rikonoxxuti mill-Istati Membri kollha tal-UE;

28.  Jappoġġja l-idea ta' inkjesta indipendenti dwar il-kunflitt fil-Ġeorġja u jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iħaffu xogħolhom dwar il-kwistjoni;

29.   Jenfasizza li l-UE issa trid tirrevedi l-politika tagħha lejn ir-Russja jekk ir-Russja ma tikkonformax kompletament mal-impenji tagħha skont il-ftehimiet tat-12 ta' Awissu u t-8 ta' Settembru;

30.  Jinnota b'sodisfazzjoni li, wara li ġiet skjerata l-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea (MMUE), il-forzi armati Russi irtiraw kompletament mill-inħawi qrib l-Ossezja tan-Nofsinhar u l-Abkażja bħala pass addizzjonali essenzjali fl-implimentazzjoni tal-ftehimiet tat-12 ta' Awissu u tat-8 ta' Settembru;

31.  Jesprimi t-tama tiegħu li dan l-irtirar se jippermetti li dawk li ġew imċaqalqa internament imorru lura għal darhom u jikkontribwixxu għan-normalizzazzjoni tal-kundizzjonijiet t'għajxien f'dawn l-inħawi; jittama barra minn hekk li l-preżenza tal-MMUE f'dawn l-inħawi se tnaqqas it-tensjoni, tikkontribwixxi għal sens ta' sigurtà u ssaħħaħ ir-rispett għall-istat tad-dritt;

32.  Jisogħbih barra minn hekk li l-MMUE ma tħallietx tidħol fiż-żewġ reġjuni seċċessjonisti fejn ir-Russja qed tippjana li tistazzjona 7600 truppa tal-armata regolari biex tissostitwixxi l-kontinġenti żgħar tal-forżi Russi għaż-żamma tal-paċi li ġew skjerati fiż-żewġ territorji wara l-gwerra fl-1991-1992;

33.  Jinnota li l-kwistjonijiet kollha li għad fadal iridu jissolvew fil-konferenza internazzjonali għall-paċi f'Ġinevra, speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam mal-istatus u s-sitwazzjoni fl-Ossezja tan-Nofsinhar u l-Abkażja speċifikament mal-preżenza militari Russa li għad hemm f'Akalgori u Perevi fl-Ossezja tan-Nofsinhar u l-Ħandaq ta' Kodori fl-Abkażja, u li sa dakinhar ir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Russja ma jistgħux ikunu kompletament normalizzati;

34.   Ifakkar lill-awtoritajiet Russi li fis-sitwazzjoni attwali hu ħafna iktar importanti li jiġi żgurat li l-persuni u l-organizzazzjonijiet nongovernattivi li huma impenjati fid-difiża tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet ċivili jkunu jistgħu joperaw skont l-impenji tar-Russja quddiem il-Kunsill tal-Ewropea u bla intimidazzjoni; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li għad hemm każi ta' fastidju, qtil u l-possibilità ta' attentati fuq il-ħajja tal-attivisti għad-drittijiet tal-bniedem;

35.   Jinnota li hu importanti li jkun hemm relazzjoni kostruttiva bejn l-UE u r-Russja peress li ħafna sfidi internazzjonali huma komuni għat-tnejn u li r-Russja trid tissodisfa l-obbligi internazzjonali li jorbtu tagħha, li għandhom jiġu estiżi fil-ġejjieni;

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.