MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
20.10.2008
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
imressqa minn Daniel Cohn-Bendit u Monica Frassoni
f'isem il-Grupp Verts/ALE
dwar il-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta' Ottubru 2008
B6‑0560/2008
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Kunsill Ewropew tal-15 u s-16 ta' Ottubru 2008
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-15-16 ta' Ottubru 2008,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi l-għadd ta' problemi li spikkaw minħabba l-kriżi huma ġejjin mill-kumplessità u ż-żieda fl-opaċità tal-istrumenti finanzjarji,
B. billi l-innovazzjoni finanzjarja ħalliet effetti ħżiena fuq l-istabilità finanzjarja, minħabba li l-ħolqien ta' strumenti finanzjarji kumplessi li jippermettu lill-banek li jaħarbu mir-riskji, wasslu biex tonqos l-attenzjoni fuq l-assi prinċipali u l-prinċipji ekonomiċi bażiċi,
C. billi l-iskemi ta' remunerazzjoni tal-eżekuttiv f'istituzzjonijiet finanzjarji huma wieħed mill-kawżi fundamentali tal-kriżi attwali għaliex ikkontribwew biex tingħata importanza fuq ir-riskju u l-profit fuq terminu ta' żmien qasir,
D. billi l-irwol tal-aġenziji li jikklassifikaw il-mertu tal-kreditu hu li jevalwaw ir-riskji marbuta mal-prodotti ġodda finanzjarji li qed isiru dejjem iżjed kumplessi, u billi prodotti tossiċi bħal dawk ta' ipoteki subprime ingħataw stimi għoljin, li b'mod żbaljat jimplikaw riskji baxxi għall-investituri, għall-kumpaniji finanzjarji u għal utenti oħrajn,
E. billi n-nuqqas ta' regolamentazzjoni tas-swieq finanzjarji ħejja t-triq għall-iżvilupp ta' prodotti finanzjarji ġodda li ma kellhom l-ebda rabta mar-realtà ekonomika, u billi l-akkumulu ta' riskji reali (bħall-faqar li qed jiżdied ta' dawk li jisselfu kif ukoll tal-kriżi tal-klima u tal-enerġija), ġiet moħbija u l-kriżi finanzjarja saret reċessjoni, b'konsegwenzi drammatiċi għall-persuni ordinarji u għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju, li sabu ma' wiċċhom kriżi ta' kreditu,
F. billi l-UE għandha tkun eżemplari fil-promozzjoni ta' investiment fit-tul, speċjalment biex jintlaħqu l-objettivi tal-pakkett tal-enerġija u l-klima,
G. billi t-twettiq tal-objettivi tal-istrateġija ta' Liżbona-Göteborg u tal-pakkett tal-enerġija u l-klima jitolbu investimenti fit-tul, u billi l-irwol tal-Bank Ewropew għall-Investiment għandu jkun usa' f'dan ir-rigward, flimkien mal-BĊE, li żviluppa l-prattika ta' rimborż matul din il-kriżi finanzjarja,
H. billi r-rikapitulazzjoni tal-banek teħtieġ fondi pubbliċi, u billi l-miżuri li ttieħdu mill-Istat għandhom ikunu suġġetti għall-kundizzjonijiet stretti dwar il-ġestjoni, l-iskemi ta' kumpens, l-istrateġiji ta' investiment, ir-regoli ta' kontabilità realistiċi, il-bidla adegwata fil-mudelli tal-kummerċ u responsabilità sħiħa lejn l-awtoritajiet pubbliċi,
I. billi teżisti interdipendenza qawwija bejn il-parteċipanti finanzjarji kollha, u billi l-koeżistenza ta' swieq li m'għandhomx regoli jew mhumiex regolati sew (bħal fil-każ ta' fondi ta' kapital privat u fondi protetti) flimkien ma' istituzzjonijiet regolati sew, żiedet l-instabilità finanzjarja,
J. billi sorveljanza tfisser għassa fuq is-suq kollu biex ikunu identifikati tendenzi ta' tħassib u biex ikun hemm aċċess għal informazzjoni suffiċjenti dwar tranżazzjonijiet barra mis-swieq organizzati,
K. billi l-għodda attwali tal-pajjiżi tal-UE m'għadhomx aktar adegwati biex inaqqsu l-impatt tal-kriżi finanzjarja b'modi li jnaqqsu l-ispejjeż kollettivi u jevitaw periklu morali, u billi metodu Ewropew tal-espożizzjoni tar-riskji, entità Ewropea ta' kontroll prudenti u struttura Ewropea li tippermetti skambju rapidu ta' informazzjoni u l-għoti ta' responsabilitajiet ta' superviżjoni għadhom ma jeżistux,
Is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja
1. Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattivi li ħa l-Kunsill Ewropew biex ifassal soluzzjonijiet urġenti u prattiċi li jlaħħqu mal-kriżi finanzjarja fir-rigward tad-depożiti ta' kontijiet ta' tifdil jew tas-suq bejn il-banek; jaqbel li dawk il-miżuri kienu meħtieġa biex jikkontrollaw il-kriżi finanzjarja attwali u biex iġibu lura parti mill-fiduċja fis-swieq finanzjarji; jenfasizza, madankollu, li jeħtieġ li jittieħdu miżuri oħra fuq terminu ta' żmien medju u fit-tul biex jiffaċċjaw ir-riskji li fadal u jevitaw kriżi sistematika fil-futur; iqis bħala kruċjali, pereżempju, li jkunu projbiti b'mod permanenti ċerti prattiċi tas-suq, bħal 'short-selling';
2. Jenfasizza li l-Ewropa qed tiffaċċja recessioni, investiment li qed jonqos u qgħad li qed jiżdied minħabba l-kriżi finanzjarja; hu tal-opinjoni li jeħtieġ isiru investigazzjonijiet sabiex jiddeterminaw jekk il-qafas superviżorju u regolatorju attwali, minkejja li hu limitat, kienx segwit (speċjalment f'termini ta' trasparenza) u jekk għandhomx jinbdew prosekuzzjonijiet fejn jeħtieġ;
3. Jikkundanna l-inabilità tal-Kummissjoni (Barroso, Kroes, McCreevy) li tkun evitata u ttrattata kif xieraq il-kriżi finanzjarja, kif rifless fil-fatt li din ippromoviet b'mod sistematiku l-awtoregolazzjoni fuq ir-regolazzjoni;
4. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-effetti tal-kriżi finanzjarja fuq l-impenn tal-UE li tilħaq l-objettivi tal-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millenju; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex ma jużawx il-kriżi finanzjarja bħala skuża biex jipposponu l-obbligi internazzjonali tagħhom fir-rigward tal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u l-faqar; jirrimarka li, għall-kuntrarju, l-isforzi tagħhom biex jipprovdu għajnuna għall-iżvilupp għandhom jiżdiedu sew fid-diversi fora internazzjonali jew istituzzjonijiet (Nazzjonijiet Uniti, Moviment Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, Oxfam, Brot fur die Welts, eċc.).biex jilqgħu għall-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq il-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-poplu;
5. Jaqbel mal-Kunsill Ewropew li hemm bżonn ta' riforma ġenwina u kompleta tas-sistema finanzjarja internazzjonali; jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu inizjattivi immedjati ħalli jsaħħu l-arkitettura regolatorja globali;
6. Jitlob biex, qabel il-laqgħat li jmiss dwar ir-riforma tal-istituzzjonijiet tal-Bretton Woods, tissaħħaħ il-koperazzjoni multilaterali sabiex ikunu stabilizzati l-flussi kapitali inklużi rekwiżiti aktar stretti dwar żvelar u regolamentazzjoni aktar iebsa għall-parteċipanti istituzzjonali li jinvestu fl-ikel u fl-enerġija; jitlob biex jitwaqqfu regoli dwar rappurtar trasparenti tad-dħul minn korporazzjonijiet transnazzjonali u għal tassazzjoni effettiva tagħhom; jitlob biex tissaħħaħ il-koperazzjoni dinjija dwar it-taxxa u t-twaqqif ta' Organizzazzjoni Internazzjonali tat-Taxxa; jitlob biex titwaqqaf faċilità multilaterali fi ħdan l-FMI sabiex tgħin l-ekonomiji li qed jiżvilupaw u li qed iħabbtu wiċċhom ma' kapital qawwi li ħiereġ fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja globali, inkluż qafas ta' garanzija multilaterali; isejjaħ għal riforma tat-tmexxija tal-istituzzjonijiet tal-Bretton Woods;
7. Iqis bħala kruċjali l-introduzzjoni ta' taxxa speċjali dwar tranżazzjonijiet finanzjarji spekulattivi, bħal Tobin-tax, li d-dħul tagħha imur biex jiffinanzja objettivi komuni relatati mat-twettiq tal-pakkett tal-bidla fl-Enerġija-Klima jew biex jintlaħqu l-objettivi tal-Għanijiet tal-Iżvilupp tal-Millenju; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu favur ftehima internazzjonali li timpenja lill-firmatarji kollha biex jimponu din it-taxxa dwar tranżazzjonijiet finanzjarji;
8. Iqis li l-objettiv li tkun evitata kriżi finanzjarja u li titħares l-istabilità finanzjarja eventwalment tista' tintlaħaq biss jekk l-Istati Membri juru rieda li jiffaċċjaw il-problemi li nħolqu miċ-ċentri finanzjarji offshore (fejn hemm fondi protetti pereżempju għal raġunijiet ta' taxxa jew ta' regolamentazzjoni ħafifa); hu tal-fehma, f'dan ir-rigward, li jeħtieġu azzjonijiet sodi biex jevitaw frodi tat-taxxa u evażjoni tat-taxxa b'mod effettiv, li jingħalqu r-rifuġji fiskali fl-UE u li ssir pressjoni fuq dawk li hemm barra l-UE; jitlob sabiex tissaħħaħ id-direttiva dwar it-taxxa u t-tifdil sabiex tinkludi persuni legali u s-sorsi kollha ta' dħul kapitali;
9. Hu tal-opinjoni li neħtieġu "Ftehima Ġdida" biex nerġgħu inniedu l-ekonomija reali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' azzjoni flimkien fl-Ewropa kollha, speċjalment dwar strateġija tal-investiment biex tintlaħaq l-effiċjenzja fl-enerġija u l-għanijiet ta' tnaqqis tas-CO2; iqis li l-Bank Ewropew għall-Investiment għandu jkollu rwol akbar biex jikkontribwixxi ħalli jintlaħqu dawn l-objettivi; jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-BEI li jimmobilizza EUR 30 biljun biex jappoġġja l-SMEs Ewropej u l-impenn tiegħu li jżid il-kapaċità ta' intervent fi proġetti ta' infrastruttura sostenibbli; jenfasizza li miljuni ta' proġetti żgħar, bħall-iżolament fid-djar u l-installazzjoni ta' apparat mingħajr karbonju, huma l-aktar forma effettiva mil-lat ta' spejjeż u biex jinħolqu l-impjiegi fi Ftehima Ġdida ekoloġika;
10. Jenfasizza l-irwol ta' investituri fuq perjodu ta' żmien twil biex jiffinanzjaw l-istrateġija Liżbona-Göteborg; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex joħolqu inizjattivi li bihom jagħtu kuraġġ lill-banek u lill-istituzzjonijiet finanzjarji biex jimplimentaw strateġiji fuq perjodu twil ta' żmien, u biex jieħdu miżuri li jindirizzaw mill-ġdid il-likwidità lejn investimenti fuq perjodi twil ta' żmien;
11. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar id-differenzi attwali bejn tranżazzjonijiet mingħajr kontroll (over-the-counter) u s-swieq organizzati jew bejn entitajiet regolati u dawk li mhumiex; jistieden lill-Istati Membri biex jerġgħu ifasslu kompletament l-iffunzjonar tas-sistema finanzjarja attwali jekk iridu jkunu serji dwar ir-rieda tagħhom li jerġgħu iġibu l-fiduċja fis-swieq finanzjarji u biex jiffaċċjaw il-kriżi finanzjarja globali, li tfisser li jirrikonoxxu l-interdipendenza tal-ekonomiji nazzjonali, u li jnaqqsu d-distakk bejn entitajiet regolati u dawk li mhumiex biex ikun hemm kundizzjonijiet ugwali għall-parteċipanti finanzjarji kollha;
12. Hu tal-opinjoni li t-tisħiħ tat-trasparenza ta' swieq mhux regolati hi fost il-problemi ewlenin li għandhom ikunu indirizzati biex tkun evitata kriżi finanzjarja sistematika ġdida; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jindirizzaw dawn il-kwistjonijiet b'mod effettiv u biex mingħajr telf ta' żmien jieħdu miżuri f'dan ir-rigward;
13. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, biex tressaq proposta leġiżlattivi dwar fondi protetti u dwar fondi ta' kapital privat; itenni l-konvinzjoni tiegħu li din il-leġiżlazzjoni għandu jkollha l-għan, inter alia, li twaqqaf qafas tal-UE għar-reġistrazzjoni u l-liċenzjar ta' fondi protetti u ta' maniġers ta' fondi protetti u biex toħloq reġistru tal-UE għall-prodotti strutturati;
14. Jenfasizza li l-kriżi uriet il-ħtieġa ta' viġilanza akbar fir-rigward ta' prodotti finanzjarji kumplessi; jinnota, f'dan ir-rigward, li s-sigurtajiet, li inħolqu bħala għodda biex inaqqsu r-riskji, minflok, arbitrarjament, xerrdu r-riskju tal-kreditu fis-sistema finanzjarja kollha;
15. Jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jħaffef ix-xogħol dwar id-Direttiva tar-Rekwiżiti tal-Kapital; iqis bħala kruċjali li l-entitajiet jew l-attivitajiet kollha bl-istess potenzjal li joħolqu r-riskju għandhom ikunu suġġetti għall-istess regoli ta' prudenza; jenfasizza li l-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-rekwiżiti tal-kapital għandhom jitolbu li l-oriġinaturi ikollhom ishma ta' self ta' sigurtajiet fuq il-karti tal-bilanċ tagħhom; iqis bħala kruċjali, barra minn hekk, li l-banek għandhom ikunu mitluba li jkollhom tmexxija soda u li jirrapurtaw riskji li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ;
16. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew fir-rigward tal-iskemi tar-remunerazzjoni għal eżekuttiv tal-kumpaniji; hu tal-opinjoni li dawn għandhom ikunu konformi mal-kontribuzzjoni attwali li l-persuni fl-eżekuttiv jagħtu għas-suċċess tal-kumpanija u m'għandhomx jinkoraġġuhom li jieħdu riskji żejda; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq immedjatament inizjattiva leġiżlattiva dwar il-kwistjoni biex tiżgura li l-istituzzjonijiet finanzjarji jiżvelaw il-politiki ta' remunerazzjoni tagħhom, partikolarment il-pakketti ta' remunerazzjoni u ta' kumpens tal-membri tal-bord, u li superviżuri prudenzjali jinkludu, fl-evalwazzjoni tar-riskju tat-tmexxija, l-influenza tar-remunerazzjoni, ta' skemi ta' bonus u ta' tassazzjoni sabiex ma jinkoraġġux teħid ta' riskji żejda;
17. Jirrimarka li aġenziji ta' klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom is-sehem tagħhom ta' responsabilità għall-kriżi; jilqa' b'sodisfazzjon is-sejħa tal-Kunsill Ewropew biex titħaffef il-proposta leġiżlattiva li ilha mistennija biex tissikka aktar ir-regolu dwar l-aġenziji ta' klassifikazzjoni; iqis,f'dan ir-rigward, li hu ferm importanti li jkun żgurat li l-aġenziji ta' klassifikazzjoni jkunu reġistrati, biex ikun inkoraġġit l-iżvilupp ta' mudelli alternattivi u biex ikun żgurat li l-aġenziji jisseparaw in-negozji ta' klassifikazzjoni minn kull servizz ieħor (bħall-parir dwar it-tranżazzjonijiet li jirristrutturaw) li huma jipprovdu fir-rigward ta' kwalunkwe obbligu jew entità li huma jikklassifikaw; hu tal-opinjoni li l-Kummissjoni għandha tistabbilixxi aġenzija ta' klassifikazzjoni tal-kreditu pubblika u indipendenti tal-UE sabiex ittejjeb it-trasparenza f'dan is-settur;
18. Japprova d-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew biex jippermetti aktar flessibilità fl-applikazzjoni ta’ regoli ta’ valur ġust fir-rigward ta’ ‘ċirkustanzi tas-suq ta’ eċċezzjoni’; iżda jinnota li hemm ħtieġa li jkunu indirizzati fil-futur is-serje ta’ nuqqasijiet relatati mal-mod li sistemi ta’ verifika differenti jistabbilixxu valur fuq assi f’reġistri ta’ bank u biex tkun indirizzata b’mod aktar ġenerali l-kwistjoni ta’ volatilità tas-suq maħluqa mis-sistema attwali ta’ ‘valur ġust’;
19. Jiddeplora l-fatt li d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew relatati mat-tisħiħ tas-superviżjoni tas-settur finanzjarju Ewropew, b'mod partikulari gruppi transkonfinali, m'humiex biżżejjed biex jindirizzaw l-isfidi preżentati mir-riskji finanzjarji sistematiċi attwali;
20. F’dan ir-rigward ifakkar li l-fatt li superviżjoni finanzjarja ma żammitx il-pass ma’ integrazzjoni tas-suq kien fattur li ggrava t-tifrix tal-kriżi, peress li l-korpi superviżorji nazzjonali ma setax ikollhom opinjoni Ewropea ta’ riskji maħluqa b’dawn l-innovazzjonijiet finanzjarji kumplessi ġodda;
21. Jerġa’ jfakkar għalhekk il-konvinzjoni tiegħu li hemm ħtieġa li jitwaqqaf korp superviżorju Ewropew biex ikopri tranżazzjonijiet finanzjarji transewropej; ifakkar li din l-awtorità superviżorja ta’ l-UE għandha tkun tista’ tiġbor u tanalizza informazzjoni kunfidenzjali mikro u makro mal-banek ċentrali, u għandha tipproċedi forza ta’ reazzjoni rapida f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi b’impatt sistematiku għall-UE;
22. Jinnota li xi flessibilità hija meħtieġa fl-implimentazzjoni ta’ politika ta’ għajnuniet ta’ l-Istat bil-ħsieb ta' dawn iċ-ċirkustanzi attwali ta' eċċezzjoni, iżda jenfasizza l-ħtieġa li jinbidlu inċentivi għal istituzzjonijiet finanzjarji kbar b’riskji sistematiċi potenzjali, li jqisu li jekk huma “kbar wisq biex ifallu”, dawn l-istituzzjonijiet huma inkoraġġuti biex jimmassimizzaw ir-riskji li huma jieħdu;
23. Jistaqsi r-rwol tal-Kummissjoni biex tevita t-tkabbir ta' istituzzjonijiet finanzjarji kbar b'riskji sistematiċi; rigward l-għajnuna mill-Istat, iqis essenzjali li jkunu implimentati regoli ta’ kondotta xierqa ta’ benefiċjarji li jevitaw kull abbuż ta’ appoġġ ta’ Stat, bħal espansjoni u strateġiji aggressivi tas-suq, b'mod partikulari fir-rigward ta’ istituzzjonijiet żgħar, bl-appoġġ ta' garanziji mill-istat;
24. Jenfasizza wkoll li kontribuzzjoni xierqa tas-settur privat hija meħtieġa, bħala korrispondenti għall-introduzzjoni ta’ l-iskema ta’ garanzija ta’ l-Istat; huwa tal-ħsieb li l-Kummissjoni għandha tikkonsultah dwar l-implimentazzjoni ta' dawn il-prinċipji;
Trattat ta’ Liżbona
25. Jagħraf li hemm nuqqas ta’ fiduċja jiżdied min-naħa taċ-ċittadini Ewropej lejn l-Unjoni Ewropea; iżda jsostni mill-ġdid li t-Trattat ta’ Liżbona fih l-elementi meħtieġa biex jegħleb dan in-nuqqas ta’ fiduċja bit-tisħiħ ta’ demokrazija parlamentari, trasparenza u l-istat tad-dritt, billi jistabbilixxi drittijiet fundamentali, jiżviluppa ċ-ċittadinanza u jsaħħaħ il-kapaċità ta’ l-Unjoni mkabbra biex tipproċedi b’mod effettiv internament u esternament; iżda jagħraf ukoll li l-kriżi finanzjarja wriet li l-istrumenti komunitarji fil-qasam ta’ politika ekonomika u finanzjarja mhumiex xierqa;
26. Jilqa’ l-analiżi fil-fond mill-gvern Irlandiż tal-kawżi tar-riżultat negattiv tar-referendum iżda huwa mħasseb bid-dewmien; iħeġġeġ lill-gvern Irlandiż biex iwettaq l-isforzi possibbli kollha biex iressaq proposta konkreta li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li bihom tista' titkompla l-proċedura ta' ratifika fil-ħin biex tippermetti d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Liżbona qabel l-elezzjonijiet Ewropej ta' l-2009;
27. Jistieden lill-awtoritajiet responsabbli ta’ l-Iżvezja u tar-Repubblika Ċeka biex iwettqu l-proċeduri ta’ ratifika rispettivi tagħhom qabel tmiem is-sena attwali;
L-Enerġija u l-bidla fil-klima
28. Huwa konvint li l-każ ekonomiku għal indirizzar tal-bidla fil-klima huwa ċar u kull pass li jdewwem l-azzjoni meħtieġa fl-aħħar se jwassal għal spejjeż akbar; minbarra dan, iqis li t-titjib ta’ l-effiċjenza fl-enerġija u ċ-ċaqlieq lejn sorsi ta’ enerġija li jerġgħu jiġġeddu u ekonomija li ma tagħmilx ħsara lill-klima se jiffranka l-flus, inaqqas id-dipendenza tagħna fuq importazzjonijiet ta’ l-enerġija u jkollu impatt pożittiv fuq il-ħolqien tax-xogħol fl-Ewropa f’dan iż-żmien kritiku;
29. Jilqa’ l-progress imwettaq fi ħdan il-Parlament Ewropew u l-kunsens li nstab dwar il-bidu ta’ negozjati bil-ħsieb li jintlaħaq qbil ta’ l-ewwel qari mal-Kunsill qabel it-tmiem ta’ dan il-perjodu parlamentari;
30. Jikkundanna b’mod qawwi l-attentat tal-Kunsill Ewropew li jiddomina l-pakkett tal-klima u l-enerġija billi jneħħieħ mill-iskop tal-proċedura normali ta' kodeċiżjoni u jagħmlu suġġett tar-regola ta' l-unanimità fi ħdan il-Kunsill; huwa mħasseb li dan jista’ jissottovaluta b’mod serju l-integrità tal-pakkett u jpoġġi f’riskju l-isforzi ta’ l-UE biex tipprovdi spinta għal qbil dwar il-klima internazzjonali fil-futur;
Sigurtà ta’ l-enerġija
31. Jagħraf li l-UE bħalissa qed timporta 82.5% taż-żejt tagħha u jekk l-UE twaqqaf b’mod immedjat l-importazzjoni taż-żejt, ir-riservi attwali fi ħdan l-Istati Membri jservu 15-il xahar;
32. Jagħraf li madwar 70% tal-konsum taż-żejt fl-Ewropa jintuża mis-settur tat-trasport, bl-20% li jifdal jintużaw fil-bini u 10% bħala materja prima; jinnota li l-Kummissjoni tistenna li d-domanda għall-enerġija mis-settur tat-trasport tiżdied mill-inqas bi 30% sal-2030, b’żieda mhux aċċettabbli sa 5% kull sena għas-settur tat-trasport bl-ajru, li żżid l-emissjonijiet ta’ CO2 u d-dipendenza fuq enerġija impurtata;
33. Jenfasizza li żviluppi fis-settur tat-trasport huma kritiċi rigward id-dipendenza taż-żejt u ambjent aħjar u jiddeplora li l-Kunsill Ewropew bilkemm indirizza l-kwistjoni tad-dipendenza taż-żejt u ħalla barra kompletament li jindirizza s-settur ta' trasport;
34. Huwa fiduċjuż li żvilupp sostenibbli ta’ l-effiċjenza fl-enerġija u ta’ enerġiji li jerġgħu jiġġeddu se jtejjeb is-sigurtà fl-enerġija, inaqqas iż-żieda proġettata ta’ prezzijiet ta’ l-enerġija u jnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet bl-effett serra; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi frankar ta’ enerġija, effiċjenza fl-enerġija u enerġiji li jerġgħu jiġġeddu bħala miżuri ewlenin biex jinkisbu l-miri tal-klima ta' l-UE waqt li fl-istess ħin tiżdied is-sigurtà tal-provvista fl-UE;
35. Iqis li mira biex tittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija l-fuq minn 20% sal-2020, kif diġà sar qbil dwarha mill-Kunsill Ewropew f'Marzu 2007, hija fil-possibilità li tintlaħaq teknikament u ekonomikament; għalhekk jiddeplora l-fatt li l-Kunsill Ewropew m’għamilx din il-mira bħala obbligatorja;
36. Jistieden għal darb’oħra lill-UE biex tieħu miżuri konkreti biex tfassal l-ekonomija tagħha bħala l-inqas dipendenti fuq fjuwils fossili u l-aktar effiċjenti fl-enerġija sal-2020; għalhekk iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jinvestu b’mod urġenti u bil-qawwi f’miżuri ta’ frankar ta’ enerġija u effiċjenza fl-enerġija u fl-iżvilupp ta’ proġetti li jerġgħu jiġġeddu ta’ l-UE konġunti, li jistgħu mhux biss jiżguraw s-sigurtà tal-provvista ta’ l-UE iżda jistgħu joħolqu wkoll ħolqa bejn din il-mira u l-mira ta’ Liżbona (żvilupp ekonomiku u soċjali) u l-mira ta’ Göteborg (ambjent);
37. Jistieden lill-Kummissjoni wkoll biex tniedi skond it-Tieni Reviżjoni Strateġika ta’ Enerġija programm wiesa’ ta’ effiċjenza ta’ enerġija, inkluż sett ta’ inizjattivi relevanti ġodda, bħal reviżjoni tad-direttiva ta’ bini ta’ l-UE attwali, inizjattiva ġdida dwar koġenerazzjoni, u faċilitajiet baġitarji ġodda għal investimenti fi frankar ta’ enerġija u effiċjenza ta’ enerġija; jenfasizza li frankar fl-enerġija, effiċjenza fl-enerġija u l-użu ta’ enerġija li tiġġedded joffru l-akbar, kif ukoll bl-aktar prezz baxx, potenzjal ta’ tnaqqis ta’ CO2, waqt li jtejbu l-indipendenza ġeopolitika ta’ l-UE; itenni mill-ġdid li permezz ta’ miżuri bħal dawn biss l-UE tista’ toffri għajnuna konkreta fuq perjodu ta’ żmien fit-tul liċ-ċittadini u negozji tagħha fil-ġlieda tagħhom kontra prezzijiet ta’ l-enerġija dejjem jiżdiedu;
Il-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil
38. Jiddeplora l-fatt li l-patt dwar l-immigrazzjoni u l-ażil jiffoka fuq kontroll tal-fruntiera milli jagħti prijorità fuq il-mezzi ta’ emigrazzjoni legali; l-iffukar fuq kontrolli tal-fruntiera u r-ritorn sistematiku ta' immigranti illegali jirrappreżenta ostakolu għal aċċess għal ażil u għaqda mill-ġdid tal-familja;
39. Waqt li jaċċetta l-proposta tal-Blue Card bħala l-ewwel pass lejn programm aktar miftuħ ta' emigrazzjoni, jirrifjuta kull ġerarkija ta' drittijiet għal ħaddiema emigranti; jistieden f’dan ir-rigward, lill-Istati Membri biex jirratifikaw il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Emigranti Kollha u l-Membri tal-Familji Tagħhom;
40. Jistieden għall-mandat ta’ FRONTEX biex b’mod espliċitu tinkludi l-obbligu li tilħaq standards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u d-dover tagħha lejn persuni li jfittxu ażil, i.e. fir-rigward ta’ operazzjonijiet FRONTEX fl-ibħra internazzjonali;
41. Iħares ‘il quddiem lejn reviżjoni ambizzjuża ta’ direttivi ta’ ażil Ewropej, segwiti bl-implimentazzjoni effettiva tagħhom, inkluża reviżjoni fid-dettal tar-regolament Dublin II;
Segwitu tal-kriżi fil-Ġorġja
42. Jiddeplora l-fatt li t-taħdidiet internazzjonali dwar l-arranġamenti ta’ sigurtà u stabilità fl-Abkhazia u l-Ossetja tan-Nofsinhar (kif provdut fil-pjan ta' sitt punti tat-12 ta' Awissu 2008) li bdew f'Ġinevra fil-15 ta' Ottubru 2008 kienu mmarkati b'kontroversji proċedurali li evitaw li l-partijiet jinnegozjaw b’mod sostanzjali u wiċċ imb’wiċċ mal-punti fl-aġenda;
43. Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li tissolva l-problema ta’ persuni mċaqalqa u, b’mod partikulari, jistieden għar-ritorn fil-waqt, f’sigurtà u f’dinjità, tal-persuni kollha li jgħixu fil-Kodori Gorge ta’ Fuq fl-Abkhazia u r-reġjun ta’ Akhalgori fl-Ossetja tan-Nofsinhar;
44. Jistenna bil-ħerqa l-konklużjonijiet tal-Konferenza Internazzjonali tad-Donaturi dwar il-Ġorġja biex isseħħ fit-22 ta’ Ottubru 2008; jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni biex tipprovdi appoġġ b'saħħtu politiku, finanzjarju u prattiku għal Ġorġja; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq u ssegwi mill-qrib miżuri mmirati lejn ir-rijabilitazzjoni u l-irkupru taz-zoni ta’ konflitt u biex tħaffef l-għajnuna umanitarja bil-ħsieb li ċċaqlaq mill-ġdid u tipprovdi rifuġju qabel ix-xitwa lill-persuni affettwati mill-gwerra;
45. Jilqa’ l-iskjerament tal-persuni li jimmonitorjaw ta’ l-UE fiz-zoni newtrali, miżura li ttejjeb ir-rwol u r-responsabilitajiet ta’ l-UE fir-reġjun u tħejji t-triq għal relazzjonijiet imsaħħa aktar mal-Ġorġja; jistieden lill-awtoritajiet de facto tal-Abkhazja u tal-Ossetja u lill-Federazzjoni Russa biex tippermetti l-operazzjonijiet ta’ mmonitorjar ta’ l-UE biex iseħħu fit-territorji li nqatgħu;
46. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex tiċċara mal-President Russu fis-sammit li jmiss bejn l-UE u r-Russja tal-14 ta’ Novembru 2008 li ebda sħubija strateġika mhi possibbli ma’ pajjiżi li ma jikkonformawx mal-liġi internazzjonali u jiksru l-integrità territorjali tal-ġirien tagħhom;
47. Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal bħala parti integrali d-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fil-ftehima ta’ sħubija u koperazzjoni fil-futur mal-Federazzjoni Russa, b’mekkaniżmu ċar għal implimentazzjoni tal-klawsola ta’ sospensjoni;
48. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti tal-Istati Membri.