Proċedura : 2008/2647(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0580/2008

Testi mressqa :

B6-0580/2008

Dibattiti :

PV 20/11/2008 - 5
CRE 20/11/2008 - 5

Votazzjonijiet :

PV 20/11/2008 - 6.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0568

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 103kWORD 46k
10.11.2008
PE413.400
 
B6‑0580/08
imressqa wara l-mistoqsija li titlob tweġiba orali B6‑0479/2008
skont l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Miroslav Ouzký u Caroline Jackson
f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
dwar ir-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni 2001/331/KE li tipprovdi għal kriterji minimi ta' spezzjonijiet ambjentali fl-Istati Membri

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni 2001/331/KE li tipprovdi għal kriterji minimi ta' spezzjonijiet ambjentali fl-Istati Membri  
B6‑0580/08

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' April 2001 li tipprovdi għal kriterji minimi ta' spezzjonijiet ambjentali fl-Istati Membri (2001/331/KE),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni COM(2007)707 mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar ir-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni 2001/331/KE li tipprovdi għal kriterji minimi ta’ spezzjonijiet ambjentali fl-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Parlament Ewropew u l-Kunsill fl-2001 adottaw ir-Rakkomandazzjoni 2001/331/KE, li kien fiha kriterji li ma jorbtux għall-ippjanar, it-twettiq u s-segwitu tal-ispezzjonijiet ambjentali, u ir-rappurtar dwarhom, filwaqt li jagħrfu li kien hemm differenzi kbar bejn is-sistemi ta' spezzjoni fl-Istati Membri,

B.  billi din ir-Rakkomandazzjoni kellha l-għan li ssaħħaħ il-konformità mal-liġi ambjentali Komunitarja u biex tikkontribwixxi sabiex din tkun implimentata u infurzata b'aktar konsistenza fl-Istati Membri kollha,

C.  billi l-Komunikazzjoni COM(2007)707 turi l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp tar-Rakkomandazzjoni, ibbażata, fost l-oħrajn, fuq ir-rapporti mressqa mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tagħhom tar-Rakkomandazzjoni,

D.  billi l-Komunikazzjoni ppreċiżat li l-informazzjoni mressqa mill-Istati Membri dwar kif kienu qed jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni kienet "mhux kompleta jew diffiċli biex titqabbel",

E.  billi l-informazzjoni mressqa mill-Istati Membri wriet li 'ftit minnhom biss kisbu implimentazzjoni sħiħa", u li "għad hemm differenzi kbar fil-mod kif qed jitwettqu l-ispezzjonijiet ambjentali fil-Komunità',

F.  billi skont il-Kummissjoni s-sitwazzjoni ta' implimentazzjoni mhux sħiħa hija parzjalment minħabba l-interpretazzjoni differenti mill-Istati Membri tad-definizzjonijiet u l-kriterji tar-rakkomandazzjoni u tal-ħtiġijiet ta' rappurtar,

G.  billi l-Kummissjoni tagħraf li l-għan tar-rakkomandazzjoni mhuwiex adegwat u ma jinkludix ħafna attivitajiet importanti, bħan-Natura 2000, il-kontroll tal-ġarr illegali ta' skart, ir-reġistrazzjoni u l-awtorizzazzjoni tas-sustanzi kimiċi (REACH), ir-restrizzjoni fuq l-użu ta' ċerti sustanzi ta' ħsara fi prodotti (eż. id-Direttiva RoHS), il-kummerċ ta' speċijiet fil-periklu, kif ukoll attivitajiet li għandhom x'jaqsmu ma' organiżmi ġenetikament modifikati u ma' sistemi bbażati fuq il-prinċipju tar-responsabilità tal-produttur,

1.  Juri t-tħassib tiegħu li l-Kummissjoni kkonkludiet li l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni ambjentali fil-Komunità ma tistax tiġi ggarantita, peress li din mhux biss twassal biex tissokkta l-ħsara lill-ambjent iżda wkoll għal tgħawwiġ fil-kompetizzjoni;

2.  Jenfasizza li infurzar tajjeb u uniformi tal-liġi ambjentali Komunitarja huwa essenzjali, u li jekk dan ma jkunx il-każ, dan ikun qed imur kontra l-aspettattivi tal-pubbliku u jkun qed idgħajjef ir-reputazzjoni tal-Komunità bħala gwardjana effettiva tal-ambjent;

3.  Ma jaqbilx mal-intenzjoni tal-Kummissjoni li sempliċement tindirizza l-problema permezz ta' rakkomandazzjoni li ma torbotx u billi ddaħħal rekwiżiti speċifiċi li jorbtu legalment fil-leġiżlazzjoni settorjali;

4.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex minflok, tippreżenta proposta għal direttiva dwar l-ispezzjonijiet ambjentali qabel tmiem l-2009, li fiha tiċċara d-definizzjonijiet u l-kriterji u testendi l-kamp ta' applikazzjoni;

5.  Iqis li huwa essenzjali li n-Netwerk tal-Unjoni Ewropea għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali (IMPEL) jissaħħaħ u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tindika, qabel tmiem l-2009, mezzi possibbli biex dan isir, inkluż l-istabbiliment ta' forza Komunitarja ta' spezzjoni ambjentali;

6.  Jipproponi li titpoġġa enfażi akbar fuq l-appoġġ għall-edukazzjoni ambjentali u l-għoti tal-informazzjoni, li l-kontenut speċifiku tagħhom għandu jkun determinat fuq livell lokali, reġjonali u nazzjonali fuq il-bażi tal-bżonnijiet u l-problemi identifikati f'qasam partikolari;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Avviż legali - Politika tal-privatezza