Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0589/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0589/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

12.11.2008

imressqa wara l-mistoqsija li titlob tweġiba orali B6‑0481/2008
skont l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura, minn
dwar il-Konvenzjoni dwar il-Munizzjon tat-tip Cluster

Proċedura : 2008/2665(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0589/2008
Testi mressqa :
B6-0589/2008
Testi adottati :

B6‑0589/2008

Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Konvenzjoni dwar il-Munizzjon tat-tip Cluster

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Munizzjon tat-tip Cluster adottata minn 107 pajjiżi fil-konferenza diplomatika li saret f'Dublin mid-19 sat-30 ta' Mejju 2008,

–  billi l-Konvenzjoni dwar il-Munizzjon tat-tip Cluster se tkun miftuħa għall-iffirmar mit-3 ta' Diċembru 2008 f'Oslo, u wara fin-Nazzjonijiet Uniti fi New York, u li se tidħol fis-seħħ wara li jkunu nkisbu 30 ratifika,

–  - wara li kkunsidra l-messaġġ tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fit-30 ta' Mejju 2008, li fih ħeġġeġ "lill-Istati biex jiffirmaw u jirratifikaw din il-ftehima importanti mingħajr dewmien," u li stqarr li hu jħares 'il quddiem 'għad-dħul fis-seħħ tiegħu fi żmien qasir,'

–  jilqa' b'sodisfazzjon ix-xogħol tas-soċjetà ċivili, b'mod partikulari tal-Koalizzjoni kontra l-Munizzjon tat-tip Cluster, talli jaħdmu biex itemmu t-tbatija umana maħluqa minn dan it-tip ta' munizzjon,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Konvenzjoni dwar il-Munizzjoni tat-tip Cluster se tipprojbixxi l-użu, il-produzzjoni, il-ħażna u t-trasferiment tal-Munizzjoni tat-tip Cluster bħala kategorija sħiħa ta' armi;

B.  billi l-Konvenzjoni dwar il-Munizzjon tat-tip Cluster se tirrikjedi l-qerda mill-Istati kontraenti tal-ħażniet ta' dan it-tip ta' munizjon,

C.  billi l-Konvenzjoni dwar il-Munizzjoni tat-tip Cluster se tistabbilixxi standard umanitarju ġdid għall-assistenza tal-vittmi, u tobbliga lill-Istati biex jeħilsu mill-munizzjon tat-tip cluster li ma splodewx u li tħallew wara l-kunflitt;

1.  Jistieden lill-Istati kollha, biex mal-ewwel opportunità, jiffirmaw, jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni dwar il-Munizzjon tat-tip Cluster;

2.  Jistieden lill-Istati kollha biex jieħu l-passi fuq il-livell nazzjonali sabiex jibdew l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni, anki qabel ma tiġi ffirmata u rratifikata;

3.  Jistieden lill-Istati kollha biex ma jużawx u ma jinvestux fil-ħażna, fil-produzzjoni, fit-trasferiment jew fl-esportazzjoni tal-munizzjoni tat-tip cluster, sakemm il-Konvenzjoni dwar il-Munizzjoni tat-tip Cluster ma tkunx daħlet fis-seħħ;

4.  Jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE li użaw munizzjoni tat-tip cluster biex jipprovdu għajnuna lill-popolazzjonijiet milquta u jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex iżżid l-għajnuna finanzjarja lill-komunitajiet u lill-individwi milquta minn munizzjoni tat-tip cluster li ma splodewx permezz tal-istrumenti kollha disponibbli;

5.  Jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE li użaw munizzjoni tat-tip cluster biex jipprovdu għajnuna teknika u finanzjarja għall-iżgumbrar u l-qerda tal-fdalijiet tal-munizzjoni tat-tip cluster u jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex iżżid l-għajnuna finanzjarja għall-istess għan permezz tal-istrumenti kollha disponibbli;

6.  Jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE biex ma jieħdu ebda azzjoni li tista' twassal biex ikunu evitati jew ipperikolati l-konvenzjoni u d-dispożizzjonijiet tagħha; b'mod partikulari, jistieden lill-Istati Membri kollha tal-UE biex ma jadottawx, ma jħaddnux jew sussegwentement ma jirratifikawx Portokoll tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Konvenzjonali (CCW) li jippermetti l-użu ta' munizzjon tat-tip cluster, li ma jkunx kompatibbli mal-projbizzjoni ta' dan it-tip ta' munizzjon skont l-Artikolu 1 u 2 tal-Konvenzjoni dwar il-Munizzjon tat-tip Cluster

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli għas-CFSP, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Koalizzjoni kontra l-Munizzjon tat-tip Cluster.