Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0590/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0590/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

17.11.2008

biex jingħalaq id-dibattitu dwar dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura,
minn Frithjof Schmidt u Angelika Beer
f'isem il-Grupp Verts/ALE
dwar il-konflitt fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0590/2008

Proċedura : 2008/2673(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0590/2008
Testi mressqa :
B6-0590/2008
Testi adottati :

B6‑0590/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-konflitt fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikulari dik tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo: il-ġlied fiż-żoni tal-fruntiera tal-Lvant tar-RDK,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2001 dwar l-esplojtazzjoni illegali ta' riżorsi naturali fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2008 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-istupru bħala delitt tal-gwerra,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ġlied li reġa' faqqa' mill-ġdid bejn il-forzi mill-grupp ribelli Congrès National pour la Défense du Peuple (CNDP), immexxi minn dak li qabel kien il-Ġeneral Laurent Nkunda, u l-armata Kongoliża regolari alleata ma' milizji fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo ikkawża tbatija tremenda lill-popolazzjoni ċivili u mwiet fost il-poplu,

B.  billi gruppi armati, inklużi t-truppi tal-gvern, qed iwettqu abbużi gravi tad-drittijiet tal-bniedem fil-Lvant tar-RDK u qed jissakkeġġaw riżorsi naturali,

C.  billi f'Nairobi fis-7 ta' Novembru sar samit ta' emerġenza tal-Unjoni Afrikana sponsorjat min-NU u għalih attendew ukoll il-President tar-RDK Joseph Kabila u l-President tar-Rwanda Paul Kagame, u filwaqt li kien qed jinfetaħ is-samit, faqqa' ġlied ieħor ħdejn Goma,

D.  billi l-ftehima ta' paċi li kienet iffirmata bejn il-Gvern Kongoliż u t-22 grupp armat, inkluż il-grupp immexxi minn Laurent Nkunda, falliet f'Awissu,

E.  billi n-NU ħatret lis-Sur Obasanjo, li qabel kien President tan-Niġerja, bħala l-mibgħut speċjali tagħha biex ilaqqa' taħdidiet ta' paċi sponsorjati min-NU u biex jiftiehem dwar waqfien mill-ġlied u jiftaħ kuritur umanitarju biex jgħin lir-rifuġjati,

F.  billi huwa stmat li fil-provinċja tat-Tramuntana ta' Kivu biss madwar miljun ruħ hija spustjata,

G.  billi l-preżenza ta' rekluti Rwandiżi fl-armata ta' Laurent Nkunda tħeġġeġ l-ostilità lejn in-nies Tutsi Kongoliżi kif ukoll lejn ir-Rwanda u skont l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem hija appoġġjata mill-Gvern tar-Rwanda,

H.  billi l-esplojtazzjoni tar-riżorsi naturali tar-RDK bħal m'hu l-koltan li hu użat fit-telefonijiet ċellulari hija waħda mill-fatturi ewlenin li qed tħeġġeġ il-konflitt fir-reġjun, ħaġa li pperpetwat il-konflitt għal dawn l-aħħar għaxar snin,

I.  billi l-pajjiżi ġirien tar-RDK, jiġifieri r-Rwanda, l-Uganda, il-Burundi u t-Tanzanija, f'ħafna każijiet iservu ta' pajjiżi għall-esportazzjoni u t-tranżitu ta' riżorsi naturali li jkunu ġew esplojtati b'mod illeċitu mir-RDK li jħeġġu u jiffinanzjaw il-konflitt armat,

J.  billi mingħajr sorsi ta' finanzjament li jiġu mis-sakkeġġ ta' riżorsi naturali, hemm dubju jekk ħafna mill-gruppi armati li qed jitterrorizzaw il-popolazzjoni tal-Lvant tar-RDK jkunux jistgħu jibqgħu operazzjonali, filwaqt li, għall-anqas, il-kapaċità tagħhom tiddgħajjef b'mod sinifikanti,

K.  billi t-truppi għż-żamma tal-paċi tan-NU fil-Lvant ta' Kivu huma ftit wisq u m'huma attrezzati xejn tajjeb biex iħarsu adegwatament lill-popolazzjoni ċivili,

L.  billi l-Assemblea Nazzjonali tar-RDK adottat pożizzjoni li tenfasizza l-ħtieġa li jsir djalogu politiku dirett mal-Kumitat Nazzjonali tal-Poplu għad-Difiża u l-ħtieġa li jkunu indirizzati l-fatturi li hemm wara l-konflitt, b'mod partikulari l-esplojtazzjoni illegali ta' riżorsi minerali,

1.  Jikkundanna l-massakri tal-popolazzjoni ċivili u jqis li huwa importanti li tkun organizzata missjoni investigattiva indipendenti internazzjonali biex ikunu stabbiliti r-responsabilitajiet u tispiċċa għal kollox l-impunità;

2.  Jistieden lill-partijiet kollha biex jiddefendu l-impenji tagħhom biex iħarsu l-popolazzjoni ċivili u biex jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem kif inhuma mfissra fil-ftehima ta' paċi ta' Goma u fil-Communiqué ta' Nairobi;

3.  Iqis li huwa meħtieġ li jissaħħaħ il-mandat u t-tagħmir tal-MONUC sabiex il-MONUC tkun tista' twettaq ir-responsabilità tagħha li tħares lill-popolazzjoni ċivili fil-Lvant tar-RDK kontra attakki minn kull grupp armat;

4.  Iqis li għandha titlaqqa' konferenza internazzjonali ħdejn l-Għadajjar il-Kbar biex tinstab soluzzjoni politika vijabbli għall-konflitt u biex tkun promossa l-integrazzjoni soda tal-ekonomija reġjonali, li se tkun ta' ġid għall-pajjiżi kollha tar-reġjun;

5.  Iqis li l-kawżi fundamentali tal-konflitt fil-Lvant tal-Kongo huma l-preżenza ta' gruppi barranin armati, il-kontroll fuq ir-riżorsi minerali u agrikoli u l-kultura ta' impunità għall-abbużi li jsiru kontra d-drittijiet tal-bniedem;

6.  Jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni tal-Panel ta' Esperti dwar l-esplojtazzjoni illegali tar-riżorsi naturali tar-RDK, inklużi s-sanzjonijiet fuq dawk il-persuni u kumpaniji li l-parteċipazzjoni tagħhom fis-sakkeġġ ġiet ippruvata, sabiex jikkontribwixxu għall-istabbilizzazzjoni tal-pajjiż;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex fit-taħdidiet mal-gvernijiet tar-RDK u tal-pajjiżi ġirien tagħha jinsistu fuq azzjonijiet effettivi biex titrażżan l-esplojtazzjoni illeċita tar-riżorsi naturali tar-RDK u biex jimplimentaw sistemi effettivi ta' traċċabilità u ta' prova tal-oriġini tar-riżorsi naturali, jigifieri d-deheb, il-'cassiterite' (il-materjal minerali li minnu tiġi estratta l-landa), il-koltan, il-kobalt, id-djamanti, il-pirokloru u l-injam tas-siġar, inkluż li jaċċettaw li fit-territorju tagħhom isir l-iskjerar ta' monituri li jkollhom il-mandat tan-NU biex josservaw l-importazzjonijiet ta' riżorsi naturali mir-RDK u li jiżguraw il-ħarsien ta' dawn il-monituri maħtura min-NU;

8.  Itenni mill-ġdid it-talba insistenti tiegħu li jitwaqqfu b'mod effettiv mekkaniżmi ta' monitoraġġ li jkunu analogi għall-proċess ta' Kimberley għaċ-ċertifkazzjoni tal-oriġini tar-riżorsi naturali ġejjin mir-RDK importati għal ġol-UE;

9.  Jitlob li d-delitti tal-gwerra u s-sakkeġġ tar-riżorsi naturali tar-RDK jkunu investigati u li jsiru prosekuzzjonijiet skont il-prinċipju tal-ġustizzja universali sabiex tispiċċa għal kollox l-impunità;

10.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri tal-UE biex jitolbu lis-Segratarju Ġenerali tan-NU biex ifassal rapport dwar l-irwol ta' riżorsi naturali f'sitwazzjonijiet ta' konflitt;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Unjoni Afrikana u lill-gvernijiet tar-RDK u tal-pajjiżi ġirien.