Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0591/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0591/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

17.11.2008

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Tobias Pflüger
f'isem il-Grupp GUE/NGL
dwar ir-reazzjoni tal-Unjoni Ewropea għas-sitwazzjoni li sejra għall-agħar fil-lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0591/2008
Testi mressqa :
B6-0591/2008
Testi adottati :

B6‑0591/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewopew dwar ir-reazzjoni tal-UE għas-sitwazzjoni li sejra għall-agħar fil-lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Kapijiet ta' Stat tar-Reġjun tal-Għadajjar il-Kbar dwar is-sitwazzjoni fir-RDK magħmula f'Nairobi fis-7 ta' Novembru 2008;

–  wara li kkunsidra l-Komunikat tal-155 Laqgħa tal-Kunsill għall-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana li sar fil-31 ta' Ottubru 2008;

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Goma tat-23 ta' Jannar 2008;

–  wara li kkunsidra l-Konklużjoniiet tal-Kunsill dwar ir-RDK tal-10 u l-11 ta' Novembru 2008;

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu;

A.  billi l-ġlied reċenti bejn il-Forzi Armati tar-RDK u l-Kungress Nazzjonali għad-Difiża tal-Poplu (CNDP) ta' Laurent Nkunda kompla jaggrava aktar is-sitwazzjoni fil-lvant tar-RDK;

B.  billi dan il-ġlied jiġi wara ġlied fit-tul bejn l-Forzi Armati tar-RDK, is-CNDP, il-ġellieda tal-Forzi Demokratiċi għal-Liberazzjoni tal-Irwanda (FDLR), kif ukoll it-truppi tal-Armata ta' Reżistenza Lord (LRA) li ġab tbatija tremenda għall-popolazzjonijiet ċivili tar-reġjun tal-provinċji tal-lvant tar-RDK għal bosta xhur;

C.  billi skont it-rapporti li hemm li l-Forzi Armati tar-RDK qed jiġu akkużati li qegħdin jaħdmu flimkien mal-FDLR fl-esplojtazzjoni tal-minjieri rikki tar-reġjun minflokk jiġġieldu kontra din il-formazzjoni li suppost kellha tkun diżarmata sa tmien Awwissu;

D.  billi skont diversi rapporti truppi minn pajjizi ġirien jinsabu lesti biex jintervjenu;

E.  billi n-NU qed jikkunsidraw li jespnadu MONUC bi 3 000 suldati u pulizija oħrajn, minbarra l-missjoni ta' 17 000 attwali, u li jestendu aktar il-forzi fir-reġjun tal-lvant tar-RDK;

F.  billi tliet missjonijiet tal-UE diġà ilhom impenjati fir-RDK sa mill-2005;

G.  billi minn wara l-ftehima ta' paċi ta' Goma li saret fit-23 ta' Jannar 2008 saru massakri, stupri ta' tfajliet, ommijiet u nisa kbar fl-età, lieva furzata ta' persuni ċivili u suldati tfal, u atti oħra bla għadd ta' vjolenza u ta' abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fil-lvant tar-RDK, kemm mis-CNDP u l-FDLR, kif ukoll mill-Forzi Armati tar-RDK stess;

H.  billi hu importanti ħafna li tinstab soluzzjoni politika għall-kunflitt fil-provinċji tal-lvant tar-RDK sabiex tinkiseb il-fiduċja, tissaħħaħ il-paċi u hekk titwitta t-triq għad-demokrazija u l-iżvilupp soċjali u ekonomiku fir-reġjun għall-ġid tal-popli kollha tar-reġjun tal-Għadajjar il-Kbar;

I.  billi l-ġlied li qed jolqot lir-RDK sewa mill-1998 'l hawn il-ħajja ta' 5 400 000 persuna u għadu jikkawża, direttament jew indirettament, il-mewt ta' 1 500 ruħ kuljum;

J.  billi, skont rapporti tan-UNHCR, il-ġlied li reġa' beda fil-Kivu tat-Tramuntana wassal għal numru kbir ta' mwiet u korrimenti u għal aktar minn 250 000 persuna oħra spustata, li tella' numru ta' persuni spustati internament fil-Kivu tat-Tramuntana għal 1 000 000;

K.  billi l-MONUC qed tikkunsidra li jitneħħew 40 000 persuna spustata internament li jinsabu maqbudin f'nofs il-ġlied;

L.  billi hemm il-periklu li tfaqqa' epidemija tal-kolera fir-reġjun;      

M.  billi hemm ħtieġa urġenti li jitwasslu l-ikel u l-għajnuna medika fiż-żoni maqbuda fil-ġlied;

N.  billi l-UE wegħdet 4 miljun EUR aktar għall-għajnuna umanitarja fir-RDK;

1.  Iqis li l-ġlied fil-parti tal-lvant tar-RDK jista' jkollu biss soluzzjoni politika li għandha tinkiseb permezz ta' neguzjati bejn il-partijiet kollha involuti; għalhekk, jilqa' l-ħatra tal-Mibgħut Speċjali mis-Segretarju Ġenerali tan-NU u ta' tim ta' negozjaturi mmexxija mill-eks President Niġerjan Olusegun Obassanjo;

2.  Jilqa' l-fatt li l-Presdent Kabila u l-Ġeneral Laurent Nkunda stqarru li lesti li jikkooperaw mal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, u jħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti biex jidħlu għal proċess ta' paċi kif diġà miftiehem f'Goma f'Jannar 2008;

3.  Jistqarr li hu kontra kwalunkwe intervent militari ieħor mill-UE, kif ukoll li jiżdiedu t-truppi taħt il-kmand tal-MONUC;

4.  Jappoġġja s-sejħa magħmula mid-Dikjarazzjoni Konġunta ta' Kapijiet ta' Stat tar-Reġjun tal-Għadajjar il-Kbar dwar is-sitwazzjoni fir-RDK sabiex ikun hemm waqfien mill-ġlied immedjat mill-forzi u l-milizji armati kollha fit-Tramuntana tal-Kivu;

5.  Jitlob lill-partijiet kollha involuti biex jimplimentaw immedjatament il-Komunikat ta' Nairobi, il-ftehima ta' Goma u l-ftehimiet u l-protokolli l-oħra kollha rilevanti sabiex jiġu stabbiliti paċi sostenibbli u stabilità politika sostenibbli;

6.  Iħeġġeġ lill-gvernijiet kollha tar-Reġjun tal-Għadajjar il-Kbar biex jibdew djalogu bil-għan li jikkoordinaw l-isforzi tagħhom biex inaqqsu t-tensjoni u jwaqqfu l-vjolenza fil-lvant tar-RDK qabel ma l-kunflitt jinfirex mar-reġjun kollu kemm hu;

7.  Jitlob lill-pajjiżi ġirien biex ma jibgħatux truppi fir-RDK u biex ma jappoġġjawx gruppi ribelli fir-RDK;

8.  Jitlob li tintemm l-esplojtazzjoni illegali tar-riżorsi naturali fil-lvant tar-RDK u li tiġi rrispettata s-sjieda tar-riżorsi naturali tal-popli tar-reġjun tal-Għadajjar il-Kbar;

9.  Jesprimi l-kundanna qawwija tiegħu għall-massakri li saru kontinwament tul bosta u bosta snin fil-provinċji tal-lvant tar-RDK u jitlob lill-awtoritajiet relevanti kollha nazzjonali u internazzjonali biex iġibu sistematikament quddiem il-liġi lil dawk li kkomettewhom;

10.  Iħeġġeġ lill-parteċipanti kollha biex jerġgħu jistabbilixxu l-istat tad-dritt u biex jiġġieldu kontra l-impunità, partikolarment minħabba l-istupri tal-massa ta' nisa u bniet u r-reklutaġġ ta' tfal bħala suldati;

11.  Jitħasseb meta jinnota r-rapporti tal-UNHCR dwar madwar 80 tfal mitlufin li jikkonfermaw il-biżgħa ta' sforz ġdid għar-reklutraġġ sfurżat ta' tfal bħala suldati;

12.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea ta' 4 miljun EUR addizzjonali ta' għajnuna għar-RDK biex jilqa' għas-sitwazzjoni umanitarja attwali u jitlob li jkun hemm aktar żieda ta' għajnuna umanitarja mill-UE;

13.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex, b'effett immedjat, jimplimentaw programmi ta' għajnuna medika fuq skala kbira għall-popolazzjonijiet ċivili tal-lvant tar-RDK sabiex jintlaħqu l-bżonnijiet immedjati tal-popolazzjoni, kif ukoll biex tiġi antiċipata r-rikostruzzjoni tar-reġjun li se tkun meħtieġa;

14.  Jitlob li jiġu implimentati b'mod effettiv mekkaniżmi ta' kontroll, bħal fil-proċess ta' Kimberley, f'dak li għandu x'jaqsam maċ-ċertifkazzjoni tal-oriġini tar-riżorsi naturali, speċjalment il-koltan, li jiġu importati fl-Unjoni Ewropea;

15.  Jistieden lill-Kunsill u lil kull Stat Membru tal-UE biex jagħtu għajnuna speċjali lill-popolazzjonijiet tal-lvant tar-RDK;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni Afrikana, kif ukoll lill-parlamenti u l-gvernijiet tar-reġjun tal-Għadajjar il-Kbar.