Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0592/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0592/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

17.11.2008

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Thierry Cornillet, Philippe Morillon, Renate Weber, Marios Matsakis, Fiona Hall u Frédérique Ries
f'isem il-Grupp ALDE
dwar id-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0590/2008

Proċedura : 2008/2673(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0592/2008
Testi mressqa :
B6-0592/2008
Testi adottati :

B6‑0592/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Ottubru 2008 dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo: konfrontazzjonijiet fl-inħawi transkonfinali fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-21 ta’ Frar 2008 dwar Kivu tat-Tramuntana,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Jannar 2008 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u dwar l-istupru bħala reat tal-gwerra u wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (DRC),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-22 ta’ Novembru 2007 tal-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b’mod partikolari fil-Lvant u l-impatt tagħha fuq ir-reġjun,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Novembru 2007 dwar ir-reazzjoni tal-UE għas-sitwazzjonijiet ta’ fraġilità fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bl-isem ‘Lejn reazzjoni ta’ l-UE għal sitwazzjonijiet ta’ fraġilità - l-involviment f’ambjenti diffiċli għall-iżvilupp sostenibbli, l-istabilità u l-paċi (COM(2007)0643) u d-dokument ta’ ħidma tal-istaff tal-Kummissjoni li huwa mehmuż (SEC(2007)1417),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 60/1 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti ta' Ottubru 2005 dwar ir-riżultati tas-Samit Dinji tal-2005, u b'mod partikolari l-paragrafi 138 sa 140 dwar ir-responsabilità li l-popolazzjonijiet jiġu protetti,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta’ Ottubru 2008, dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant tad-DRC,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo tal-10 u l-11 ta’ Novembru 2008,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Samit tal-Komunità għall-Iżvilupp tan-Nofsinhar tal-Afrika (SADC) li ddikjarat li lesta tibgħat “jekk ikun neċessarju” truppi għaż-żamma ta’ paċi f’Kivu tat-Tramuntana,

–  wara li kkunsidra l-Konsensus Ewropew dwar l-għajnuna umanitarja ffirmat fit-18 ta’ Diċembru 2007,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ġlied bejn l-armata tal-Kongo, it-truppi ribelli tal-Ġeneral Laurent Nkunda li tkeċċa mill-armata, u l-ġellieda tal-Forzi Demokratiċi għal-Liberazzjoni tal-Irwanda (FDLR) kif ukoll it-truppi tal-Armata ta' Reżistenza Lord (LRA) tal-Uganda intensifika u qed ikompli jikkawża tbatija kbira għall-popolazzjonijiet ċivili f’Kivu tat-Tramuntana,

B.  billi l-azzjoni mnidija fis-16 ta’ Diċembru mill-ex President Niġerjan Olusegun Obasanjo, mibgħut tan-Nazzjonijiet Uniti, wasslet għal ftehima mal-kap tar-ribelli Laurent Nkunda għat-twaqqif ta' kumitat tripartitiku sabiex ikun osservat waqfien mill-ġlied mill-armata/ribelli u li jeħtieġ b'urġenza l-appoġġ b'saħħtu tal-Istati msieħba kkonċernati biex tkun imposta soluzzjoni,

C.  billi wara l-bidu mill-ġdid tal-ġlied f’Kivu tat-Tramuntana fid-DRC fit-28 ta’ Awwissu 2008 mis-suldati tal-ġeneral Laurent Nkunda, kienu spustati 252 000 persuna li minnhom 100 000 ġew spustati fl-aħħar jiem, u l-konfronti ħallew numru kbir ta’ vittmi ċivili,

D.  billi l-għada tas-samit reġjonali f’Nairobi tas-7 ta’ Novembru 2008 dwar it-tfittxija ta' soluzzjoni negozjata għall-kriżi fil-Lvant tad-DRC, il-ġlied bejn il-forzi tal-gvern u r-ribelli malajr reġa' beda,

E.  billi l-“pjan ta’ ħruġ mill-kriżi”, adottat fid-29 ta’ Ottubru mill-Membri eletti Kongoliżi, jipproponi soluzzjoni diplomatika u politika,

F.  billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fil-11 ta’ Novembru 2008 iddiskuta mill-ġdid is-sitwazzjoni fil-Lvant tad-DRC mingħajr ma aċċetta li jsaħħaħ il-kapaċitajiet tal-MONUC billi bagħat 3000 suldat tan-NU għaż-żamma ta’ paċi supplimentari.

G.  billi l-kunflitt qed jirriskja “l-internazzjonalizzazzjoni” minħabba t-truppi li ntbagħtu mill-Angola u ż-Żimbabwe biex jappoġġjaw il-gvern tal-RDC u t-truppi tar-Ruwanda biex jappoġġjaw lil Laurent Nkunda,

H.  billi l-organizzazzjonijiet umanitarji bħalissa qed jieħdu ħsieb 200 000 refuġjat fil-kampijiet madwar il-belt ta’ Goma u jqisu li n-numru ta’ ċittadini ċivili mxerrdin ’l hawn u ’l hemm biex jaħarbu mill-vjolenza huwa ta’ miljun,

I.  billi l-ħaddiema umanitarji rrappurtaw li l-popolazzjonijiet lokali u spustati fil-provinċji tal-Lvant tad-DRC progressivament qed isiru iktar dgħajfin u li l-ġlied li qed ikompli għaddej qed ixekkel lill-ħaddiema umanitarji milli jkollhom aċċess għal ċertu nħawi li jeħtieġu b’mod urġenti ikel u għajnuna medika,

J.  billi s-sitwazzjoni tal-epidemiji f’Kivu tat-Tramuntana qed taggrava minħabba t-tixrid kostanti tal-kolera, tal-ħożba u tas-sogħla konvulsiva, b’kunsiderazzjoni għall-ispustar qawwi tal-popolazzjoni lejn inħawi prekarji,

K.  billi s-suldati tal-armata Kongoliża qed iwettqu attroċitajiet u sakkeġġ fuq il-popolazzjoni ċivili speċjalment fl-inħawi ta’ Kanyabayonga (fit-Tramuntana ta’ Rutshuru),

L.  billi twettqu diversi attentati gravi fuq id-drittijiet tal-bniedem fil-Lvant tad-DRC, b’mod partikolari diversi atti ta’ vjolenza sesswali, u r-reklutaġġ furzat ta’ tfal-suldati minn gruppi armati differenti

M.  billi l-esplojtazzjoni illegali tar-riżorsi naturali fil-Lvant tal-Kongo tikkostitwixxi sors ta’ finanzjament għall-gruppi ribelli, fatt li jikkontribwixxi għad-destabbilizzazzjoni tar-reġjun

1.  Jinsab imħasseb ħafna dwar il-ġlied li reġa’ beda bejn l-armata Kongoliża u l-milizji li reġgħu qamu mill-ġdid f’Kivu tat-Tramuntana;

2.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu għall-fatt li l-gwerra qiegħda f’riskju li tieħu dimensjoni reġjonali;

3.  Jiġbed l-attenzjoni li s-sitwazzjoni umanitarja f’Kivu tat-Tramuntana għada kaotika, wara l-ġlied li wassal għal spustar qawwi tal-popolazzjoni. Jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjonijiet meħuda mid-donaturi prinċipali (ECHO, l-Istati Membri ...) li għandhom l-għan li jżidu l-għajnuna umanitarja għall-popolazzjonijiet ċivili affettwati.

4.  Jenfasizza d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom l-organizzazzjonijiet umanitarji differenti biex iwasslu l-għajnuna umanitarja, b’kunsiderazzjoni għas-sitwazzjoni tas-sigurtà f’Kivu tat-Tramuntana; jappella lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jiggarantixxu l-aċċess għall-popolazzjonijiet dgħajfin u s-sigurtà għall-ħaddiema umanitarji sakemm ikun konservat l-ispazju umanitarju; ifakkar li huwa essenzjali li l-mezzi u l-kapaċitajiet militari ma jintużawx ħlief f’każijiet limitati ħafna u meta ma jkun hemm l-ebda għażla oħra, b’appoġġ għall-attivitajiet tal-għajnuna umanitarja;

5.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-inizjattiva Ewropea li għandha l-għan li tforni l-mezzi tal-ajru biex tiżgura l-kunsinna ta’ ikel bl-ajru lill-eluf ta’ refuġjati li jinsabu f’riskju li jmutu bil-ġuħ minħabba l-ġlied;

6.  Jappella immedjatament lill-partijiet ikkonċernati biex jirrispettaw il-waqfien mill-ġlied u jenfasizza l-bżonn li jkunu segwiti l-isforzi bil-għan li jintemmu l-attivitajiet tal-gruppi armati barranin fil-Lvant tad-DRC;

7.  Jerġa’ jtenni l-appoġġ tiegħu għall-MONUC fiċ-ċirkostanzi drammatiċi fejn il-preżenza tagħha, minkejja d-dgħufijiet tagħha, tibqa’ indispensabbli u jitlob li jkun implimentat dak kollu possibbli li jippermettilha tassumi b’mod sħiħ il-mandat tagħha u l-possibilità li tirrikorri għall-forza tal-armati tagħha biex tipproteġi l-persuni mhedda;

8.  Jitlob lill-Komunità internazzjonali u lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex isaħħu l-MONUC billi jipprovdu materjali xierqa u staff sabiex tkun tista’ twettaq il-mandat tagħha, kif intalab mill-MONUC;

9.  Jappella għat-tisħiħ tal-koperazzjoni bejn l-UE, l-Istati Membri u l-MONUC;

10.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Presidenti tad-DRC u tar-Ruwanda ltaqgħu fis-7 ta’ Novembru 2008 waqt is-Samit ta’ Nairobi dwar il-paċi u l-istabilità fir-reġjun tal-Lagi l-Kbar tal-Afrika, fuq inizjattiva ta’ Louis Michel, membru tal-Kummissjoni;

11.  Jitlob lill-Kunsill isegwi mill-qrib l-iżviluppi umanitarji u tas-sigurtà fil-Lvant tad-DRC biex iwessa’ l-linji ta’ azzjoni differenti previsti fiċ-ċirkostanzi;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex iressaq din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet ta' l-Istati Membri tal-UE, lill-gvernijiet tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u tal-pajjiżi tal-Lagi l-Kbar tal-Afrika, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana, lill-SADC u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.