Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0595/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0595/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

17.11.2008

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Pasqualina Napoletano, Alain Hutchinson u Ana Maria Gomes
f'isem il-Grupp PSE
dwar ir-reazzjoni tal-UE għas-sitwazzjoni li sejra għall-agħar fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0590/2008

Proċedura : 2008/2673(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0595/2008
Testi mressqa :
B6-0595/2008
Testi adottati :

B6‑0595/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-reazzjoni tal-UE għas-sitwazzjoni li sejra għall-agħar fil-Lvant tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar is-sitwazzjoni fir-RDK tal-11 ta' Novembru 2008,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo: il-ġlied fiż-żoni tal-fruntiera tal-Lvant tar-RDK,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Frar 2008 dwar Kivu tat-Tramuntana,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Jannar 2008 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-istupru bħala reat tal-gwerra kif ukoll ir-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Novembru 2007 dwar ir-reazzjoni tal-Unjoni Ewropea għal sitwazzjonijiet ta’ fraġilità f'pajjiżi li qed jiżviluppaw,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-22 ta’ Novembru 2007 tal-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b’mod partikolari fil-Lvant tal-pajjiż, u l-impatt tagħha fuq ir-reġjun,

–  wara li kkunsidra r-rapport dwar il-missjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp f'Kivu tat-Tramuntana fl-2008,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Ġeneral Nkunda, il-kap tar-ribelli CNDP, qal li se jappoġġja proċess ta' paċi mal-Gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, wara taħditiet mal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u mal-ex-President tar-Repubblika tan-Niġerja, Olusegun Obasanjo,

B.   billi qed isiru sforzi diplomatiċi internazzjonali intensi li jinvolvu medjaturi Ewropej u reġjonali, bil-għan li jkun evitat li l-ġlied f'Kivu tat-Tramuntana jwassal għal gwerra oħra fil-Kongo bħal dik tal-1998-2003, li fih kienu involuti sitt stati ġirien; billi samit reġjonali dwar il-kriżi fil-Lvant tar-RDK kien organizzat fis-7 ta' Novembru f'Najrobi;

C.   billi mindu bdiet il-vjolenza, miljuni ta' nies inqatlu u ġew spustjati u billi madwar 250 000 ruħ ġew spustjati mill-Ġeneral Laurent Nkunda mindu reġa' beda l-ġlied fir-RDK f'Awwissu, u dan ikkaġuna katastrofi umanitarja fil-Lvant tal-Kongo,

D.  billi minkejja l-mandat tagħha li ngħatalha mill-Kapitolu VII tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, li jawtorizzaha biex tuża l-mezzi kollha meħtieġa biex jiskuraġġixxu kull attentat ta' użu ta' forza, u biex jipproteġu l-popolazjzoni ċivili,

-  l-MONUC wriet li mhijiex kapaċi tipproteġi lin-nies ċivili mindu reġa' beda l-ġlied fil-Lvant tar-RDK kif ukoll tiddiżarma u tirripatrija l-ġellieda Hutu mir-Rwanda li qegħdin fit-territorju Kongoliż,

-  l-MONUC sistematikament tistenna l-awtorizzazzjoni mill-Indja u mill-Pakistan biex tibgħat lis-suldati Indjani u Pakistani għall-ġlied, bil-kuntrarju tad-dispożizzjonijiet tal-mandat, li fuq il-bażi tagħha l-MONUC ntbagħtet hemm,

-  l-MONUC ma intervenietx biex twaqqaf il-massakru ta' aktar minn 200 ruħ li seħħ fil-5 ta' Novembru 2008 f'Kiwandja fejn, madankollu, hemm waħda mill-bażijiet militari tagħha,

E.  billi minn total ta' 17 000, 6 000 suldat biss tal-MONUC qegħdin f'Goma,

F.  billi l-Istati Membri tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU - li jinkludi l-Belġju, Franza, l-Italja u r-Renju Unit - dejjem irrifjutaw li jagħtu mezzi supplementari lill-MONUC sabiex tissodisfa l-missjoni tagħha,

G.  billi wara l-inizjattiva tal-Kummissarju Ewropew Louis Michel, seħħ samit reġjonali f'Najrobi, li matulu Joseph Kabila, il-Presidenti tal-Kongo, u Paul Kagame, il-President tar-Rwanda, qablu li jinfurzaw minnufih il-ftehimiet kollha li saru fl-imgħoddi sabiex ikunu żgurati l-paċi u stabilità politika sostenibbli,

H.  billi, madankollu, wara dik il-laqgħa l-ġlied fil-Lvant tar-RDK għadu ma waqafx, u ssokta l-ġlied vjolenti bejn il-partijiet fil-kunflitt, li laqat b'mod qawwi lill-popolazzjoni ċivili,

I.  billi l-MONUC stabbiliet b'mod ċar li l-ġellieda ta' Laurent Nkunda qed jirċievu l-appoġġ mir-Rwanda, u s-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Ban Ki-moon stieden lill-mexxejja Afrikani biex jassumu r-'responsabilità storika' tagħhom 'f'dan il-mument kruċjali għar-reġjun, għall-Afrika u għad-dinja',

J.  billi s-sitwazzjoni fil-kampijiet tar-refuġjati sejra għall-agħar minn jum ghal iehor wara l-influss massiv ta' ghexieren ta' eluf ta' persuni li kienu qed jippruvaw jaħarbu l-vjolenza, u billi l-Kummissarju Għoli ghar-Refuġjati jesprimi l-preokkupazzjoni li l-kampijiet tar-refuġjati jistgħu jiġu militarizzati,

K.  billi s-suldati tal-Angola waslu f'Kivu tat-Tramuntana biex jgħinu lit-truppi tal-gvern, wara t-talba tal-awtoritajiet Kongoliżi fil-qafas tal-ftehimiet dwar id-difiża tal-SADC,

L.  billi r-reklutaġġ tas-suldati tfal fil-Lvant tar-RDK żdied b'mod sinifikanti mindu kiber il-kunflitt,

M.  billi jidher li kemm it-truppi Kongoliżi kif ukoll il-ġellieda tal-FDLR (il-Forzi Demokratiċi għal-Liberazzjoni tar-Rwanda) huma involuti fl-isfruttament u l-bejgħ tal-minerali fil-Lvant tar-RDK,

N.  billi l-Pjan biex tintemm il-kriżi fil-Lvant tar-Repubblika tal-Kongo tfassal mill-parlamentari Kongoliżi li talbu mobilizzazzjoni ġenerali għal djalogu militari, politiku u diplomatiku bejn il-partijiet involuti fil-kunflitt,

O.  billi l-Ministri tal-Affarijiet Barranin ta' Franza u tar-Renju Unit, Bernard Kouchner u David Millibrand, irrakkomandaw li tissaħħaħ l-MONUC aktar milli tintbagħat forza Ewropea f'Kivu tat-Tramuntana iżda fl-istess ħin iddikjaraw li l-possibilità li tintbagħat forza Ewropea ma kenitx eskluża jekk ikun meħtieġ,

1.  Hu mħasseb ħafna dwar il-fatt li żdied il-ġlied f’Kivu tat-Tramuntana u l-konsegwenzi għall-popolazzjoni tal-Lvant tar-RDK u r-reġjun kollu kemm hu, b'mod partikolari l-konsegwenzi umanitarji b'riżultat tal-offensiva riċenti mis-CNDP, li wasslet għall-ispostar ta' għadd kbir ta’ nies f’Kivu tat-Tramuntana;

2.   Jilqa’ b’sodisfazzjon id-deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri biex iżidu l-għajnuna umanitarja għall-popolazzjoni ċivili effettwata minn din il-krizi; jistieden lill-partijiet kollha involuti biex jiggarantixxu aċċess mingħajr kundizzjonijiet għal dawn in-nies;

3.   Jikkundanna bil-qawwi l-ħafna ksur kontinwu tad-drittijiet tal-bniedem fil-Lvant tar-RDK, b’mod partikolari id-diversi każijiet ta’ vjolenza sesswali u r-reklutaġġ u l-użu ta’ suldati tfal mill-gruppi armati;

4.   Itenni t-twemmin sod tiegħu li l-proċessi ta’ Goma u ta’ Nairobi ghadhom il-qafas xieraq biex tkun stabbilizzata s-sitwazzjoni fil-Lvant tar-RDK fuq medda twila ta’ żmien;

5.   Jesprimi tama kawta wara d-dikjarazzjoni ta’ Laurent Nkunda b’appoġġ għall-proċess ta’ paċi għal-Lvant tar-RDK wara diskussjonijiet mal-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Ex-President tar-Repubblika tan-Niġerja, Olusegun Obasanjo; f’dan ir-rigward, jistieden lis-CNDP biex mingħajr dewmien jerġgħu jidħlu fil-proċess ta’ paċi; itenni l-appoġġ tiegħu għall-awtoritajiet Kongoliżi fit-tiftixa ta' soluzzjoni politika għall-kriżi; jilqa’ b’sodisfazzjon il-pjan ippreżentat mill-parlamentari Kongoliżi, li jitlob li jkun hemm mobilizzazzjoni ġenerali favur djalogu militari, politiku u diplomatiku;

6.   Jenfasizza l-ħtieġa għal aktar sforzi biex tintemm l-attività ta’ gruppi armati barranin fil-Lvant tar-RDK, b’mod partikulari tal-FDLR; jistieden lill-gvernijiet tar-RDK u ta’ pajjiżi oħra fir-reġjun biex jieħdu l-passi meħtieġa għal dan il-għan; jistieden lill-pajjiżi tar-reġjun biex jirrispettaw is-sovranità tar-RDK;

7.   Isemmi l-fatt li l-isfruttament illegali tar-riżorsi naturali fil-Lvant tar-RDK hu sors ta’ finanzjament għall-gruppi ribelli u għaldaqstant, sors ta’ instabilità fir-reġjun; itenni l-importanza li dan it-tip ta’ sfruttament illegali jiġi miġġieled; f’dan is-sens jistieden lill-awtoritajiet Kongoliżi b’kollaborazzjoni mal-MONUC biex jagħlqu l-bażijiet ekonomiċi tal-gruppi ribelli billi jwaqqfulhom l-aċċess għall-provvisti tal-minerali (b’mod partikolari il-landa, il-koltan u d-deheb) u n-netwerks ta’ kummerċ;

8.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-kumpaniji Ewropej mhumiex qed jagħmlu kummerċ, imexxu jew jimpurtaw prodotti derivati minn minerali li b'xi mod ikun servew ta’ benefiċċju għall-gruppi armati fir-RDK, u jżomm responsabbli lil kwalunkwe kumanija li tippersisti f'dawn il-prattiki;

9.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jagħmlu kull sforz biex tinstab soluzzjoni politika, li hi l-uniku mezz biex jintemmu l-kunflitti fir-RDK; jilqa’ b’sodisfazzjon, f’dan is-sens, l-inizjattiva meħuda mill-Kummissarju Michel biex jorganizza laqgħa bejn il-President tar-RDK u l-President tar-Repubblika tar-Rwanda f’Nairobi; jistieden lill-Kummissjoni sabiex timpenja ruħha mal-awtoritajiet tar-RDK bil-għan li timplimenta l-ftehim dwar ir-ritorn tal-ġellieda tal-FDLR lejn ir-Rwanda; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-RDK u tar-Repubblika tar-Rwanda biex iżidu l-koperazzjoni tagħhom sabiex jimplimentaw l-impenji li ħadu f’Nairobi, u biex jagħtu prijorità lid-djalogu u l-konsultazzjoni sabiex tinkiseb paċi dejjiema fil-Lvant tar-RDK u stabilità fir-reġjun;

10.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex ikomplu jagħtu kontribut għall-isforzi diplomatiċi li huma essenzjali biex ikun konsolidat il-waqfien mill-ġlied u biex jonqsu t-tensjonijiet fuq medda twila ta’ żmien, b’mod partikolari fil-qafas tal-faċilitazzjoni internazzjonali;

11.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-MONUC f’ċirkostanzi diffiċli u jħeġġeġ li jsiru l-isforzi kollha meħtieġa biex jippermettulha jkollha tagħmel il-ħidma mistennija mill-irwol tagħha b’mod sħiħ; f’dan ir-rigward, ifakkar il-ħtieġa li l-MONUC tiġi inforzata b’mod immedjat u jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u b’mod partikolari lill-Belġju, Franza, l-Italja u r-Renju Unit biex jieħdu rwol ewlieni sabiex jiżguraw li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jappoġġjaw dan ir-rinforz billi jsaħħu l-kapaċitajiet operattivi tal-MONUC mil-lat ta’ tagħmir u persunal xieraq;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iħeġġu lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti biex jipprovdu lill-MONUC bil-mandat u bil-mezzi biex jindirizzaw l-isfruttament tal-minerali minn gruppi armati, anke billi jagħmlu monitoraġġ u jikkontrollaw zoni ewlenin tal-fruntieri, l-airstrips, zoni speċifiċi tal-minjieri u r-rotot tal-provvista;

13.  Jistieden lill-Kunsill biex id-deċiżjoni jekk jibgħatx truppi Ewropej fil-Lvant tar-RDK tittieħed fuq il-bażi tas-sitwazzjoni fil-post u l-ħila tal-UE li ttejjibha; jekk il-Kunsill jiddeċiedi li jibgħat missjoni militari tal-ESDP, jitlob li l-mandat tagħha jkun jiffoka fuq il-ħarsien ta’ persuni ċivili, kif ukoll fuq l-appoġġ u l-kontribut lejn ir-rispett tat-trattati ta’ paċi ġodda li jistgħu jiġu konklużi;

14.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex flimkien mal-Gvern tar-RDK, man-NU u ma' donaturi ewlenin oħra, ifasslu pjan ġdid ta’ Diżarm, Dimobbilizzazzjoni u Riintegrazzjoni (DDR) fuq skala kbira għar-RDK, ibbażat fuq il-Kunċett tal-UE għal Appoġġ lid-DDR kif ukoll Strateġija ambizzjuża ta' Riforma fis-Settur tas-Sigurtà għar-RDK li tkun ibbażata fuq il-Qafas tal-Politika tal-UE għar-Riforma tas-Settur tas-Sigurtà, filwaqt li t-tnejn li huma jkunu finanzjati mill-Komunità u mis-CFSP;

15.  Jistieden lill-Gvern tar-RDK biex jagħmel dak kollu possibbli biex jidentifika lill-persuni responsabbli għar-reati tal-gwerra li saru f’Kiwandja, u biex iressquhom quddiem il-ġustizzja;

16.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-involviment tal-Istati tar-reġjun fit-tiftixa ta’ soluzzjoni għall-kriżi; jinnota b'interess il-ħatra ta’ tim ta’ faċilitaturi li jinkludi lill-Ex-President tar-Repubblika tan-Niġerja Olusegun Obasanjo u l-Ex-President tar-Repubblika Unita tat-Tanzanija Benjamin Mkapa; jistieden lill-Kunsill biex jaħdem flimkien mal-Konferenza Internazzjonali dwar ir-Reġjun tal-Lagi l-Kbar u mal-Unjoni Afrikana biex is-sitwazzjoni fil-Lvant tar-RDK tistabbilizza ruħha;

17.  Jistieden lill-Kunsill biex jaħdem mal-medjaturi internazzjonali u reġjonali biex jiġu indirizzati l-aġendi ekonomiċi tal-partijiet f’kunflitt espliċitament fil-kuntest tal-isforzi attwali ta’ medjazzjoni;

18.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex isegwu mill-qrib is-sitwazzjoni umanitarja u tas-sigurtà fil-Lvant tar-RDK;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni Afrikana u lill-gvernijiet tar-RDK u tal-SADC.