Proċedura : 2008/2672(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0614/2008

Testi mressqa :

B6-0614/2008

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 20/11/2008 - 6.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P6_TA(2008)0562

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 104kWORD 49k
17.11.2008
PE416.070
 
B6‑0614/2008
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skond l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Pervenche Berès
f'isem il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
dwar il-ħolqien ta' faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja fuq medda medja ta' żmien għall-bilanċi ta' pagament tal-Istati Membri

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ħolqien ta' faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja fuq medda medja ta' żmien għall-bilanċi ta' pagament tal-Istati Membri 
B6‑0614/2008

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-31 ta' Ottubru 2008 għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 332/2002 li joħloq faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja fuq medda medja ta' żmien għall-bilanċi ta' pagament tal-Istati Membri (COM(2008)0717),

–  wara li kkunsidra li r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-31 ta' Ottubru 2008 għal deċiżjoni tal-Kunsill li tagħti għajnuna reċiproka lill-Ungerija u proposta għal deċiżjoni tal-Kunisll li tipprovdi għajnuna fuq medda medja ta' żmien għall-Ungerija (COM(2008)0716),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 332/2002 tat-18 ta' Frar 2002 li jistabbilixxi faċilità li tipprovdi għajnuna finanzjarja fuq medda medja ta' żmien għall-bilanċi ta' pagament tal-Istati Membri(1) u r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Settembru 2001 dwar għajnuna finanzjarja fuq medda medja ta' żmien għall-bilanċi ta' pagament tal-Istati Membri(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 100 u 119 tat-Trattat tal-KE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Kummissjoni tirrakkomanda l-għoti ta' għajnuna finanzjarja fuq medda medja ta' żmien lill-Ungerija sa 6.5 biljun EUR fuq il-bażi tal-Artikolu 119 tat-Trattat, flimkien ma' arranġament tal-IMF,

B.  billi strateġija globali għal għajnuna finanzjarja fuq medda medja ta' żmien għall-Istati Membri kollha hija preferita,

C.  billi wieħed għandu jżomm f’moħħu l-impatt tal-kriżi ekonomika u finanzjarja globali attwali,

D.  billi l-ekonomiji tal-Istati Membri li dan l-aħħar daħlu fl-Unjoni Ewropea ma jibbenefikawx mill-vantaġġi li jkollhom valuta ta' riżerva tagħhom stess,

E.  billi l-valuti ta’ dawk l-Istati Membri reċentement ġew suġġetti għal attakki spekulattivi qawwija u billi l-kobor tal-iżbilanċi esterni attwali prinċipalment kien ikkaġunat minn espansjoni b’saħħitha tal-kreditu mhux governattiv,

F.  billi hemm il-bżonn ta’ politiki li jindirizzaw il-problemi speċifiċi ta' dawk l-ekonomiji tal-Istati Membri meta mqiegħda fl-isfond tal-kriżi finanzjarja globali u r-reċessjoni li qed tinfirex fl-Ewropa,

G.  billi l-ispazju ta’ mmanuvrar tal-politika tal-baġit sabiex jiġu indirizzati żbilanċi esterni kbar u sabiex tiġi evitata instabilità finanzjarja jaf ikun pjuttost limitat meta wieħed iqis ir-reċessjoni ekonomika attwali li qed tinfirex madwar l-Unjoni Ewropea,

1.  Jemmen li l-Istati Membri barra miz-zona tal-Euro għandhom ikunu mħeġġa li jfittxu għajnuna finanzjarja potenzjali fuq medda medja ta' żmien fir-rigward tad-defiċit tal-bilanċi ta' pagament fi ħdan il-Komunità qabel ifittxu għajnuna fuq il-livell internazzjonali;

2.  Iqis li s-sitwazzjoni attwali hija prova ulterjuri tar-rilevanza tal-Euro fir-rigward tal-ħarsien tal-Istati Membri fiz-zona tal-Euro u jistieden lill-Istati Membri barra minn din iz-zona biex jingħaqdu magħha malli jilħqu l-kriterji ta' Maastricht;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tanalizza fid-dettall b'liema mod l-imġiba tal-banek individwali li ċaqalqu l-assi tagħhom mill-Ungerija wara l-adozzjoni ta' pjanijiet ta' salvataġġ minn Stati Membri oħra laqtu l-bilanċi ta' pagament tal-Ungerija;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni biex teżemina bir-reqqa l-attakki spekulattivi ('short-selling') kontra l-valuti tal-Istati Membri li ngħaqdu iktar reċentement, u x’jista’ jsir biex jiġi evitat li l-fiduċja fil-valuti u fis-sistemi bankarji lokali tagħhom jittieklu b’mod drastiku;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkomunika r-riżultati ta’ dawn l-analiżi lill-grupp de Larosière u lill-Kumitat għall-Ekonomija u l-Affarijiet Monetarji tal-Parlament Ewropew;

6.  Jirrikonoxxi li huwa meħtieġ li jiżdied b'mod sinifikanti l-limitu massimu għall-ammont ta' self li jkun għadu pendenti li jingħata lill-Istati Membri stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 332/2002 ladarba mill-adozzjoni tiegħu l-għadd ta' Stati Membri barra miz-zona Euro żdied b'mod sostanzjali; jenfasizza li żieda bħal din se ssaħħaħ ukoll il-flessibilità tal-Komunità bħala reazzjoni għal rikjesti ulterjuri għal għajnuna finanzjarja għal żmien medju pereżempju fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja globali attwali;

7.  Jiġbed l-attenzjoni li ma jkun hemm ebda impatt baġitarju jekk jiżdied il-limitu tal-għoti b'self għaliex dan jiġi missellef mill-Kummissjoni fis-swieq finanzjarji u l-Istati Membri benefiċjarji jkollhom iħallsuhom lura; jenfasizza li l-uniku impatt baġitarju possibbli jkun meta Stat Membru jonqos milli jrendi lura d-dejn li jkun ingħata;

8.  Ifakkar li qabel id-diffikultajiet finanzjarji attwali tal-Ungerija, ir-Regolament (KE) Nru 332/2002 ilu ma jiġi applikat mill-2002 li hija s-sena tal-adozzjoni tiegħu, u li l-predeċessur tiegħu, ir-Regolament (KEE) Nru 1969/88 li jimplimenta l-mekkaniżmu previst fl-Artikolu 19 tat-Trattat, kien applikat darbtejn, darba fil-Greċja fl-1991 u darba fl-Italja fl-1993, u li l-Greċja u l-Italja rrispettaw bis-sħiħ l-impenji tagħhom lejn il-Kummissjoni;

9.  Ifakkar li l-Parlament talab li l-Kunsill jeżamina, kull sentejn, fuq il-bażi ta' rapport mill-Kummissjoni, wara konsultazzjoni mal-Parlament u wara li tkun tressqet l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, jekk il-faċilità stabbilita twettaqx il-bżonnjiet li wasslu għall-ħolqien tagħha; jistaqsi jekk dawn ir-rapporti ġewx imfassla mill-adozzjoni tar-Regolament (KE) Nru 332/202 'l hawn;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Ewrogrupp u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1)   ĠU L 53, 23.2.2002, p. 1.
(2)   ĠU C 72 E, 21.3.2002, p 313.

Avviż legali - Politika tal-privatezza