Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0615/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0615/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

18.11.2008

imressqa wara l-mistoqsija li titlob tweġiba orali B6‑0476/2008
skond l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Sophia in 't Veld
f'isem il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, l-Ġustizzja u l-Intern
dwar il-proposta għal deċiżjoni ta’ Qafas tal-Kunsill dwar l-użu tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (Passenger Name Record - PNR) għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi

Proċedura : 2008/2650(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0615/2008
Testi mressqa :
B6-0615/2008
Dibattiti :
Testi adottati :

B6‑0615/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-proposta għal deċiżjoni ta’ qafas tal-Kunsill dwar l-użu tar-Reġistri tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (Passenger Name Record - PNR) għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija tal-Kummissjoni waqt id-dibattitu tal-21 ta' Ottubru 2008, wara l-mistoqsija orali dwar il-PNR tal-UE (B6-0476/08) dwar il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Qafas tal-Kunsill dwar l-użu tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (Passenger Name Record - PNR) għal finijiet ta’ infurzar tal-liġi (COM/2007/654),

–  wara li kkunsidra d-dibattiti attwali fil-Kunsill fil-livell ministerjali u ta' gruppi ta' ħidma dwar il-proposta msemmija hawn fuq,

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet mogħtijin mill-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-Pulizija u l-Ġustizzja,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tal-Parlament Ewropew dwar il-ftehima tal- PNR bejn l-UE u l-Istati Uniti[1], il-ftehima tal-PNR bejn l-UE u l-Kanada[2], u l-ftehima tal- PNR bejn l-UE u l-Awstralja[3],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Prinċipji tal-Ħarsien tad-Data li għandhom jiġu sodisfati mill-Istituzzjonijiet u l-Istati Membri tal-UE huma msemmija fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fl-Artikolu 7 u Artikolu 52 tal-Karta tal-Drittijiet Fundamentali tal-UE, Artikolu 286 tat-Trattat KE, Artikolu 5 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Individwi rigward tal-Ipproċessar Awtomatiku tad-Data, u fuq livell sekondarju mid-Direttiva 95/46 u mid-Deċiżjoni ta' Qafas tal-Kunsill dwar il-ħarsien tad-data personali pproċessata fil-qafas tal-kooperazzjoni bejn il-pulizija u l-ġudizzjarju fi kwistjonijiet kriminali (16069/2007 – 2005/0202(CNS));

B.  billi jfakkar li kull leġiżlazzjoni Ewropea ġdida għandha tikkonforma mal-kriterji tal-proporzjonalità u s-sussidjarjetà kif delineati fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar il-Komunità Ewropea u l-Protokol 30 tagħha,

Dwar l-aspetti proċedurali

1.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa għal koperazzjoni aktar b’saħħitha fil-livell Ewropew u internazzjonali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-reati serji; jirrikonoxxi li l-ġbir u l-ipproċessar tad-data jistgħu ikunu għodda siewja għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi;

2.  Hu tal-fehma li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi għandhom jiġu pprovduti bl-għodda kollha li jeħtieġu biex iwettqu x-xogħol tagħhom b’mod adegwat, inkluż l-aċċess għad-data; jenfasizza, madankollu, li minħabba li dan it-tip ta’ miżuri għandu impatt fuq l-isfera tal-ħajja personali taċ-ċittadini Ewropej, il-ġustifikazzjoni tagħhom f’termini ta’ neċessità, proporzjonalità u unità bil-għan li jiksbu l-objettivi tagħhom jeħtieġ li tkun sostanzjata b’mod konvinċenti u jenfasizza li għandu jkun hemm salvagwardji effettivi għall-privatezza u l-protezzjoni legali; jemmen li din hi prekundizzjoni sabiex ikun hemm il-leġittimità politika meħtieġa għal miżura li ċ-ċittadini jistgħu iqisu bħala indħil mhux xierqa fil-privatezza tagħhom;

3.  Jiddispjaċih li t-tiswir u l-ġustifikazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni ħallew ħafna inċertezzi legali rigward il-kompatibilità mal-ECHR u mal-Karta tad-Drittijiet fundamentali, iżda wkoll il-bażi legali tagħha, li qajjem mistoqsijiet dwar l-irwol xieraq tal-Parlament fil-proċedura leġiżlattiva; Jinnota li l-istess tħassib dwar in-nuqqas ta' ċertezza legali tal-proposta:

  • tqajjem fl-opinjonijiet mogħtija mill-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u l-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-Pulizija u l-Ġustizzja;
  • jirrikjedi li l-Kunsill jagħmel reviżjoni sostanzjali tal-kamp ta’ appikazzjoni u l-impatt possibbli ta’ inizjattiva Ewropea ġejjiena f’dan il-qasam, u jinkorpora ammonti sinjifikanti ta’ informazzjoni addizzjonali, inklużi l-opinjonijiet imsemmija hawn fuq;

4.  Iqis li b’dawn il-kundizzjonijiet il-Parlament mhux se jagħti l-opinjoni formali tiegħu skont il-proċedura formali ta’ konsultazzjoni sakemm t-tħassib inqajjem f’din ir-riżoluzzjoni ikun ġie indirizzat kif jixraq u tiġi provduta l-informazzjoni minima meħtieġa;

5.  Isostni r-riservi qawwija tiegħu dwar il-ħtieġa u l-valur miżjud tal-proposta għat-twaqqif ta’ skema tal-PNR tal-UE u s-salwagwardji inklużi fiha, minkejja l-ispjegi u l-kjarifiki mogħtija s’issa mill-Kummissjoni u mill-Kunsill, kemm oralment kif ukoll bil-miktub; josserva, barra minn hekk, li ħafna mill-mistoqsijiet imqajma mill-Parlament Ewropew, mill-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-Pulizija u l-Ġustizzja, mill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS) u mill-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali ma ġewx imwieġba b’mod sodisfaċenti;

6.  Hu tal-istess fehma bħall-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali li l-fatt biss li data kummerċjali tinġabar mill-kumpaniji privati u tista' tkun utli wkoll għal skopijiet ta' sigurtà mhumiex raġuni biżżejjed biex tiġi sfruttata dik id-data jekk setgħu jinkisbu l-istess riżultat jekk saħansitra riżultati aħjar billi titjieb l-assistenza legali reċiproka bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi;

7.  Jistieden lill-Kunsill, jekk beħsiebu jissokta jeżamina t-test tal-Kummissjoni, biex iqis ir-rakkomandazzjonijiet ta’ din ir-riżoluzzjoni u jiġġustifika kif jixraq il-kundizzjonijiet ta’ ħtieġa soċjali urġenti li tista' tagħmel dan l-intervent ġdid tal-UE "meħtieġ" kif mitlub fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; iqis li dawn huma l-kundizzjonijiet minimi biex tiġi appoġġjata l-introduzzjoni ta’ skema tal-PNR tal-UE; jinsab lest li jagħti kontribut u jipparteċipa f’din il-ħidma fil-livell kollha;

8.  Itenni t-talbiet tiegħu għal kjarifika tar-relazzjoni bejn l-użu tal-PNR u miżuri oħrajn bħalma huma d-Direttiva API (Direttiva 2004/82/KE), l-iskema Dħul-Ħruġ proposta, is-Sistema Elettronika għall-Awtorizzazzjoni tal-Ivvjaġġar, il-bijometrika fil-passaporti u l-viżi, l-SIS, il-VIS, ir-Regolament UE 2320/2002, u l-iskemi ta' protezzjoni tal-fruntieri nazzjonali; jinnota b’dispjaċir li l-implimentazzjoni ta’ wħud minn dawn il-miżuri sofriet dewmien konsiderevoli u jqis li evalwazzjoni sħiħa u sistematika tal-mekkaniżmi u l-għodda attwali ta’ koperazzjoni għas-sigurtà tal-UE u ta’ Schengen immirati biex jiżguraw is-sigurtà fl-avjazzjoni, jipproteġu l-fruntieri esterni, u jiġġieldu t-terroriżmu jistgħu jgħinu biex ikun evalwat il-valur miżjud tal-PNR tal-UE propost;

9.  Ifakkar li d-dibattitu dwar il-bażi legali xierqa għall-proposta għadu miftuħ u jtenni li skont l-Artikolu 47 tat-Trattat UE, il-miżuri leġiżlattivi fil-qafas tal-koperazzjoni ġudizzjali u tal-pulizija għandhom jiġu akkumpanjati mill-miżuri Komunitarji meħtieġa li għandhom jiġu adottati b'kodeċiżjoni mal-Parlament fl-aspetti kollha relatati mal-ewwel pilastru, b’mod partikolari dawk li jiddefinixxu l-firxa tal-obbligi li jridu jiġu mwettqa mill-operaturi ekonomiċi[4];

10.  Ifakkar li l-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fil-Lussemburgu diġà kkontestat il-ftehima tal-PNR bejn l-UE u l-Istati Uniti għal raġunijiet ta’ bażi legali ħażina; jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni biex teżamina bir-reqqa liema bażi legali huwa xieraq;

11.  Iqis li, b’relazzjoni mat-tressiq tal-leġiżlazzjoni l-ġdida, il-parlamenti nazzjonali għandhom ikunu involuti b’mod sħiħ fil-proċess leġiżlattiv, minħabba l-impatt tal-proposta kemm fuq iċ-ċittadini kif ukoll fuq l-ordnijiet legali nazzjonali tal-Istati Membri;

12.  Jenfasizza li leġiżlazzjoni ġejjiena possibbli li tistabbilixxi l-PNR tal-UE bħaal qafas ġdida għall-koperazzjoni tal-pulizija tal-UE għandha tinkludi klawżola ta’ reviżjoni u dispożizzjonijiet għal evalwazzjoni perjodika tal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni, is-siwi u l-ksur ta' salvagwardji; iqis li l-parlamenti nazzjonali, l-EDPS, il-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 u l-Aġenzija tad-Drittijiet Fundametali għandhom jiġu mistiedna jkollhom sehem fir-reviżjoni kif ukoll fl-evalwazzjoni; għaldaqstant, iqis, li l-leġiżlazzjoni l-ġdida għandha tinkludi klawżola ta' tmiem awtomatiku;

13.  Jenfasizza f’dan il-kuntest, li kull Stat Membru għandu r-responsabilità inizjali għall-ġbir ta' dik id-data tal-PNR u għall-protezzjoni tagħha; jenfasizza li s-salvagwardji huma obbligatorji, meta din id-data tal-PNR tiġi trażmessa, skambjata jew trasferita lejn jew bejn Stati Membri oħra; għaldaqstant hu tal-opinjoni li l-aċċess għad-data tal-PNR skambjata bejn Stati Membri għandha tkun strettament limitata biss għal dawk l-awtoritajiet li jaħdmu kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata; iqis li aġenziji oħra tal-infurzar tal-liġi jistgħu jingħataw aċċess suġġett għall-approvazzjoni tal-qorti;

Sussidjarjetà

14.  Jinnota bi tħassib li l-ħtieġa għal azzjoni Komunitarja għadha ma ntwerietx biżżejjed; f'dan ir-rigward, iqajjem mistoqsija dwar dak li qiegħda tgħid il-Kummissjoni li l-għan iddikjarat tal-proposta huwa l-armonizzazzjoni tal-iskemi nazzjonali, meta huma biss ftit l-Istati Membri li għandhom sistema għall-użu tad-data tal-PNR għall-infurzar tal-liġi u skopijiet oħrajn, jew pjanijiet għal tali skema. iqis, għalhekk, li l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea ma tarmonizzax is-sistemi nazzjonali (ladarba dawn ma jeżisux), imma sempliċement toħloq l-obbligu fuq l-Istati Membri kollha illi jwaqqfu sistema bħal din;

15.  Jinnota li l-Kummissjoni tipproponi skema "diċentralizzata", illi tfisser illi l-valur miżjud Ewropew huwa wisq inqas ċar;

Il-proporzjonalità

16.  Ifakkar li l-Artikolu 8 tal-ECHR u l-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE jesiġu li indħil daqshekk kbir fid-dritt għall-ħarsien tad-data personali jkun leġittimu u ġġustifikat bi bżonn soċjali urġenti, skont il-liġi u proporzjonat għall-fini maħsub, li għandu jkun meħtieġ u ġenwin f'soċjetà demokratika; jiddeplora, f'dan ir-rigward, il-fatt li l-għan ta' din il-miżura eventwali ta' koperazzjoni bejn il-pulizija mhix limitata għal kwistjonijiet bħall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata;

17.  Huwa mħasseb li l-proposta essenzjalment tagħti lill-awtoritajiet ta' infurzar tal-liġi aċċess għad-data kollha; jirrimarka li l-Kummissjoni ma turix il-ħtieġa għal setgħat ġodda għall-infurzar tal-liġi, u lanqas li dan l-objettiv ma jistax jintlaħaq b'miżuri b'anqas konsegwenzi; jikkritika l-fatt li ma hemmx tagħrif dwar kif is-setgħat eżistenti tal-infurzar tal-liġi ma jlaħħqux mal-ħtieġa, u fejn u meta l-awtoritajiet b'mod dimonstrabbli ma kellhomx is-setgħat meħtieġa biex jilħqu l-objettiv iddikjarat; jitlob li ssir reviżjoni tal-miżuri eżistenti msemmijin aktar ’l isfel qabel ma jsir żvilupp ulterjuri tas-sistema tal-PNR tal-UE;

18.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li "l-UE setgħet tivvaluta l-valur tad-data tal-PNR u /tirrealizza l-potenzjal tagħha għal skopijiet ta’ infurzar tal-liġi" imma jenfasizza li sal-lum għad m'hemmx evidenza li tissostanzja din id-dikjarazzjoni, peress li:

  • kwalunkwe evidenza miġjuba sal-lum mill-Istati Uniti hija aneddottali u l-Istati Uniti qatt ma tat prova b'mod konklussiv li l-użu sistematiku u fil-kobor tad-data tal-PNR huwa meħtieġ fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità serja,
  • s'issa kien hemm biss reviżjoni konġunta waħda tal-ftehima tal-PNR bejn l-UE u l-Istati Uniti, li fliet biss l-implimentazzjoni u mhux ir-riżultati;
  • il-konklużjonijiet preliminari mis-sistema tar-Renju Unit għall-użu tad-data tal-PNR ma tagħti l-ebda evidenza tal-utilità tal-ġbir u l-użu fil-kobor tad-data tal-PNR għal skopijiet ta' kontroterroriżmu (hija tagħti evidenza tal-utilità tagħha għal skopijiet oħra, kif ukoll tal-valur tal-użu tal-PNR fuq bażi ta' kull każ għalih fl-ambitu tal-investigazzjonijiet li għaddejjin bħalissa, fuq il-bażi ta' mandat u ta' kawża ġusta);

Il-limitazzjoni tal-Iskop

19.  Jenfasizza li l-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop huwa wieħed mill-prinċipji bażiċi tal-ħarsien tad-data; jirrimarka, b'mod partikolari, li l-Konvenzjoni 108 tgħid li d-data personali għandha tkun 'maħżuna għal skopijiet speċifikati u leġittimi u m'għandhiex tintuża b'mod inkompatbibbli ma' dawk l-iskopijiet' (Artikolu 5(b)); jinnota wkoll li d-derogi minn dan il-prinċipju huma permessi biss sakemm tipprovdi għalihom il-liġi u jikkostitwixxu miżura neċessarja f'soċjetà demokratika u fl-interessi, inter alia, tas-"soppressjoni tar-reati kriminali" (Arrtikolu 9); jirrimarka li l-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tagħmilha ċara li dawn id-derogi jridu jkunu proporzjonati, preċiżi u prevedibbli, skont l-Artikolu 8 (2) tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem;

20.  Jiddeplora n-nuqqas ta' limitazzjoni preċiża tal-iskop li hija garanzija essenzjali fl-impożizzjoni ta' miżuri restrittivi, u jqis li din il-protezzjoni terġa' hija aktar importanti għal dak li għandu x'jaqsam mal-miżuri ta' sorveljanza sigrieta, minħabba r-riskji akbar ta' arbitrarjetà f'ċirkostanzi bħal dawn; iqis li, billi l-għanijiet u d-definizzjonijiet iddikjarati huma impreċiżi u indeterminati, dawn għandhom ikunu speċifikati b'mod strett sabiex l-iskema tal-PNR tal-UE ma tiġix sfidata legalment;

21.  Itenni li d-data tal-PNR tista' tkun utli ħafna bħala evidenza awżiljari u addizzjonali f'investigazzjoni speċifika fuq persuni magħrufa ssuspettati bit-terroriżmu u fuq dawk kompliċi magħhom. jirrimarka, madankollu, li m'hemm l-ebda evidenza li d-data tal-PNR hija utli għal tiftix u analiżijiet fuq il-bażi ta' kriterji jew xejriet ta' riskju (jiġifieri, il-profiling jew data mining) fit-tfittxija għal terroristi potenzjali[5];

22.  Jenfasizza, barra minn hekk, li r-regoli Ewropej ghall-harsien tad-data jipprojbixxu l-profiling fuq il-bażi ta' dejta personali (L-Artikolu 8 tal-Karta Ewropea tad-Drittijiet Fundamentali u l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem); Jaqbel, għalhekk, mal-opinjoni tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali li l-profiling ibbażat fuq id-data tal-PNR għandu jkun immexxi mis-servizzi sigrieti, ibbażat fuq każijiet individwali u parametri fattwali;

23.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-miżuri li jenfasizzaw l-użu indiskriminat tad-data tal-PNR għall-profiling u għad-definizzjoni tal-parametri tal-evalwazzjoni tar-riskju; ifakkar li kull tip ta' profiling ibbażat fuq l-etniċità, in-nazzjonalità, ir-reliġjon, l-orjentazzjoni sesswali, il-ġeneru, l-età jew il-kundizzjoni medika għandu jkun ipprojbit minħabba l-inkompatibilità tiegħu mal-projbizzjoni ta' kull diskriminazzjoni ddefinita fit-Trattati tal-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundmanetali tal-UE;

24.  Ifakkar li, f'każ li jkun hemm twessigħ tal-kamp ta' applikazzjoni tal-proposta, il-Kummissjoni u l-Kunsill għandhom jiċċaraw b'mod dettaljat għal kull skop iddikjarat x'użu se jsir mid-data tal-PNR u għaliex is-setgħat eżistenti tal-infurzar tal-liġi mhumiex biżżejjed; iqis li, għal kull skop speċifiku, għandha tiġi stabbilita l-bażi legali xierqa;

Il-ħarsien tad-dejta personali

25.  Jenfasizza li l-adozzjoni ta' qafas adegwat għall-ħarsien tad-data skont it-tielet pilastru hija pre-kondizzjoni assoluta għal kull skema tal-PNR tal-UE, kif inhuma wkoll ir-regoli speċifiċi għat-trasferiment u l-użu tad-data tal-PNR li ma jkunux koperti mill-qafas tal-UE għall-ħarsien tad-data għall-ewwel u t-tielet pilastru; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ċċarat liema regoli tal-ħarsien tad-data japplikaw għall-Unitajiet ta' Informazzjoni dwar il-Passiġġier (PIUs) u li jiġi żgurat li jkun hemm traċċabilità ta' kull aċċess, trasferiment u użu tad-data tal-PNR;

26.  Jenfasizza li data sensittiva tista' tiġi użata biss fuq bażi ta' kull każ għalih fil-kuntest ta' investigazzjoni jew prosekuzzujoni regolari, u miksuba b'mandat legali. Jinnota t-tħassib tal-linji tal-arju minħabba li data sensittiva ma tistax tiġi sseparata mill-osservazzjonijiet ġenerali; għaldaqstant jappella sabiex ikun hemm definizzjoni tal-kundizzjonijiet rigorużi għall-ipproċessar ta' din id-data mill-PIUs, kif definit fl-opinjoni tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali;

Id-dettalji tal-implimentazzjoni

27.  Jenfasizza li, fir-rigward taż-żmien ta' ħażna, il-Kummissjoni ma tiġġustifikax il-perjodu propost ta' żamma; iqis, madankollu, li għall-finijiet tal-iżvilupp ta' indikaturi tar-riskju u tal-istabbiliment ta' xejriet ta' safar u ta' mġiba, id-data anonimizzata għandha tkun biżżejjed; iqis ukoll li jekk l-ambitu tal-iskema PNR jiġi estiż, il-perjodi ta' żamma jridu jiġu ġġustifikati separatament għal kull skop;

28.  Itenni li t-trasferimenti tad-data għandhom isiru biss bl-użu tal-metodu PUSH u li pajjiżi terzi ma jkollhomx aċċess dirett għall-PNR fis-sistemi Ewropej tal-bukings;

29.  Jilqa' l-fatt li, fir-rigward tal-aċċess għad-data tal-PNR il-proposta tgħid li l-entitajiet kollha li għandhom aċċess għad-data tal-PNR għandhom jitniżżlu f'lista eżawstiva;

30.  Jisħaq li, fir-rigward tat-trasferimenti lejn pajjiżi terzi, id-data ma tistax tiġi ttrasferita lil pajjiżi terzi sakemm dawn il-partijiet terzi kkonċernati ma jagħtux garanziji dwar il-livell adegwat ta' ħarsien (kif speċifikat fid-Direttiva 95/46/KE u fl-istrumenti legali li jistabbilixxu l-Europol u l-Eurojust) jew dwar salvagwardji xierqa (b'konformità mal-Konvenzjoni 108), u li t-trasferimenti jsiru biss fuq bażi ta' kull każ għalih;

31.  Itenni li l-passiġġieri għandhom ikunu mgħarrfa b'mod sħiħ u b'manjiera aċċessibbli dwar id-dettalji tal-iskema u dwar drittijiethom, u li l-awtoritajiet tal-Istat Membru huma responsabbli għall-għoti ta' din l-informazzjoni; jissuġġerixxi li għandu jintuża l-eżempju tal-informazzjoni dwar l-"imbark miċħud" fl-ajruporti; iqis li huwa essenzjali li jiġi ddefinit dritt ta' aċċess, rettifika u appell għall-passiġġieri;

32.  Jitlob li jiġu stipulati regoli dettaljati u armonizzati dwar is-sigurtà tad-data tal-PNR, kemm f'termini kemm ta' soluzzjonijiet tal-IT kif ukoll f'termini ta' regoli ta' awtorizzazzjoni u ta' aċċess.

Il-konsegwenzi għat-trasportaturi bl-ajru

33  Jinnota li t-trasportaturi bl-ajru jiġbru data tal-PNR għall-għanijiet kummerċjali u li d-data mhix miġbura sistematikament biex jimtlew it-taqsimiet kollha tal-PNR; jinsisti li l-linji tal-ajru m'għandhomx ikunu meħtieġa li jiġbru data aktar minn dik li qed jiġbru għall-finijiet kummerċjali tagħhom; iqis li t-trasportaturi bl-ajru m'għandux ikollhom ir-responsabilità li jivverifikaw jekk ir-rekords humiex sħaħ jew preċiżi, u lanqas m'għandhom jiġu applikati sanzjonijiet għal data mhux sħiħa jew mhux korretta; jitlob li jkun hemm evalwazzjoni ċara tal-ispejjeż involuti fil-PNR tal-UE; iqis li kwalunkwe spiża ulterjuri għandhom jagħmlu tajjeb għaliha l-partijiet li qed jagħmlu t-talba.

L-intermedjarji/Unitajiet għall-Informazzjoni dwar il-Passiġġieri (PIUs)

34.  Jappella għal definizzjoni ċara tal-irwol u s-setgħat tal-PIUs, b'mod partikulari f'termini tat-trasparenza u r-responsabilità demokratika u sabiex jiġu stipulati regoli adegwati dwar il-ħarsien tad-data; jitlob li l-irwol tal-PIUs ikun limitat għat-trasferiment tad-data lill-awtoritajiet kompetenti, sabiex ikun żgurat li l-evalwazzjonijiet tar-riskju jkunu jistgħu jitwettqu biss mill-awtoritajiet kompetenti u fl-ambitu ta' inkjesta; jitlob kjarifika tal-liġi li għandha tirregola l-evalwazzjoni tar-riskju magħmula mill-PIU, u r-responsabbiltà tal-awtortitajiet ta' ħarsien tad-dejta f'każijiet fejn l-Istati Membri jikkooperaw biex iwaqqfu PIU konġunt;

35.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-EDPS, lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u l-Grupp ta' Ħidma "Artikolu 29" u lill-Grupp ta' Ġidma dwar il-Pulizija u l-Ġustizzja.