Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0619/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0619/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

1.12.2008

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Raül Romeva i Rueda u Angelika Beer
f'isem il-Grupp Verts/ALE
dwar il-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar it-trasferimenti tal-armi – in-nuqqas min-naħa tal-Kunsill li jadotta Pożizzjoni Komuni u jibdel il-Kodiċi fi strument li jorbot legalment – il-ħtieġa tal-kontroll tas-senserija fil-bejgħ tal-armi

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0619/2008

Proċedura : 2008/2682(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0619/2008

B6‑0619/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar it-trasferimenti tal-armi – in-nuqqas min-naħa tal-Kunsill li jadotta Pożizzjoni Komuni u jibdel il-Kodiċi fi strument li jorbot legalment – il-ħtieġa tal-kontroll tas-senserija fil-bejgħ tal-armi

Il-Parlament Ewropew,,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-2008 kien iċċelebrat l-għaxar anniversarju tal-Kodiċi ta' Kondotta tal-Unjoni Ewropea dwar l-Esportazzjoni tal-Armi,

B.  billi aktar minn sentejn ilu, fit-30 ta’ Ġunju 2005, il-COARM (il-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Armi) qabel fuq livell tekniku dwar it-test ta’ Pożizzjoni Komuni wara proċess bir-reqqa sabiex il-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE fuq it-Trasferimenti tal-Armi tiġi riveduta bil-għan li tinbidel fi strument effiċjenti għall-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi mit-territorju tal-UE u minn kumpaniji tal-UE,

C.  billi bl-adozzjoni ta' din il-Pożizzjoni Komuni l-Kodiċi ser isir strument għall-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi li jorbot legalment lill-Istati Membri kollha tal-UE,

D.  billi minkejja diversi talbiet mill-Parlament biex jagħmel dan, il-Kunsill, sa mill-2005, xorta waħda naqas milli jadotta din il-Pożizzjoni Komuni fil-livell politiku, biex b'hekk din il-kwistjoni baqgħet mhix solvuta;

E.  billi din il-kwistjoni saret aktar urġenti minħabba numru ta’ żviluppi:

  • diversi inizjattivi sabiex jiġu armonizzati l-politiki nazzjonali għall-akkwist tal-armi kif ukoll it-trasferimenti u l-bejgħ intrakomunitarji tal-armi,
  • tiġdid ta' interess fil-kontroll tal-impatt tas-senserija fil-bejgħ tal-armi, b'mod partikulari mid-dħul fis-seħħ tar-regolamenti tas-sikurezza tal-ajru tal-UE fir-rigward tal-attivitajiet ta’ operaturi tal-ġarr tal-merkanzija bl-ajru,

1.  Itenni bil-qawwa l-kritika tiegħu dwar l-impass politiku attwali rigward in-nuqqas ta' adozzjoni ta' din il-Pożizzjoni Komuni, fid-dawl tal-għaxar anniversarju tal-Kodiċi;

2.  Iħeġġeġ lill-Presidenza Franċiża tal-UE biex issolvi l-kwistjoni billi tiżgura li l-Pożizzjoni Komuni tkun adottata qabel tmiem il-mandat tagħha;

3.  Itenni li l-kredibilità tal-kontribut tal-UE għal Trattat dwar il-Kummerċ fl-Armi li jorbot legalment fil-livell internazzjonali tiżdied sew hekk kif ir-reġim tagħha tal-kontroll tal-armi jsir jorbot legalment;

4.  Itenni li b'mod parallel mal-adozzjoni tal-Pożizzjoni Komuni, għandhom jittieħdu, fost oħrajn, il-miżuri li ġejjin:

  • (a)il-prevenzjoni tat-trasferimenti irresponsabbli tal-armi permezz tal-applikazzjoni stretta tal-kriterji tal-Kodiċi kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-forzi armati nazzjonali;
  • (b)it-titjib u l-applikazzjoni tal-kontrolli tas-senseriji; il-prevenzjoni tat-traffikar illegali tal-armi bl-ajru u bil-baħar, billi l-pożizzjoni komuni tal-UE dwar is-senseriji tkun ittrasformata f'leġiżlazzjoni li torbot fuq l-Istati Membri kollha tal-UE;
  • (c)l-investigazzjoni mill-ewwel tal-allegazzjonijiet riċenti ta' ksur ta' embargi fuq l-armi;
  • (d)il-prevenzjoni tal-bejgħ lil intermedjarji privati ta' armi miġbura matul operazzjonijiet tal-ESDP u l-SSR u matul inizjattivi oħra tal-UE, u t-trasferiment sussegwenti tagħhom lejn reġjuni fejn hemm kunflitti vjolenti jew tensjoni;
  • (e)it-titjib fit-trasparenza u l-kwalità tad-dejta ppreżentata mill-Istati Membri tal-UE fil-kuntest tar-Rapport Annwali dwar il-Kodiċi ta' Kondotta;

5.  Huwa konvint li l-adozzjoni tal-Pożizzjoni Komuni dwar il-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE fuq l-Esportazzjoni tal-Armi lejn pajjiżi terzi hija vitali sabiex ikun hemm implimentazzjoni organizzata tal-istrumenti futuri għall-armonizzazzjoni u l-liberalizzazzjoni tat-trasport intrakomunitarju ta’ materjali ta' difiża;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali kollha tal-Istati Membri tal-UE.