Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0620/2008Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0620/2008

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

1.12.2008

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Ana Maria Gomes
f'isem il-Grupp PSE
dwar il-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE fuq l-Esportazzjoni tal-Armi

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0619/2008

Proċedura : 2008/2682(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0620/2008
Testi mressqa :
B6-0620/2008
Testi adottati :

B6‑0620/2008

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE fuq l-Esportazzjoni tal-Armi

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fl-2008 il-Kodiċi ta' Kondotta Ewropea dwar l-Esportazzjoni tal-Armi ċċelebrat l-għaxar anniversarju tagħha,

B.  billi aktar minn sentejn ilu, fit-30 ta’ Ġunju 2005, il-COARM (Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Armi) qabel fuq livell tekniku dwar it-test ta’ Pożizzjoni Komuni wara proċess fil-fond sabiex il-Kodiċi ta' Kondotta tal-UE dwar l-Esportazzjonijiet tal-Armi tiġi riveduta bil-għan li tinbidel fi strument effiċjenti għall-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi mit-territorju tal-UE u minn kumpaniji tal-UE,

C.  billi bl-adozzjoni ta' din il-Pożizzjoni Komuni l-Kodiċi ser isir strument għall-kontroll tal-esportazzjoni tal-armi li jkun jorbot legalment lill-Istati Membri kollha tal-UE,

D.  billi minkejja diversi appelli mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill mill-2005 'l hawn xorta waħda naqas milli jadotta din il-Pożizzjoni Komuni f'livell politiku, biex b'hekk din il-kwistjoni baqgħet mhix solvuta;

E.  billi din il-kwistjoni saret aktar urġenti minħabba numru ta’ żviluppi:

  • diversi inizjattivi sabiex jiġu armonizzati l-politiki nazzjonali dwar l-akkwist tal-armi u t-trasferimenti u l-bejgħ intra-komunitarji tal-armi,
  • tiġdid ta' interess fil-kontroll tal-impatt tas-senserija tal-armi, b'mod partikulari mid-dħul fis-seħħ tar-regolamenti tas-sikurezza tal-ajru tal-UE dwar l-attivitajiet ta’ operaturi tal-ġarr tal-merkanzija bl-ajru,

1.  Itenni b’qawwa l-kritika dwar l-impass politiku attwali rigward in-nuqqas ta' adozzjoni tal-Pożizzjoni Komuni, fid-dawl tal-għaxar anniversarju tal-Kodiċi;

2.  Iħeġġeġ lill-Presidenza Franċiża tal-UE biex issolvi l-kwistjoni billi tagħmel żgur li l-Pożizzjoni Komuni tkun adottata qabel tmiem il-Presidenza tagħha;

3.  Itenni li l-kredibilità tal-kontribut tal-UE għal Trattat dwar il-Kummerċ fl-Armi li jorbot internazzjonalment tiżdied sew hekk kif ir-reġim tagħha dwar il-kontroll tal-armi jsir jorbot legalment;

4.  Itenni li b'mod parallel mal-adozzjoni tal-Pożizzjoni Komuni, fost oħrajn, għandhom jittieħdu l-miżuri li ġejjin:

  • (a)il-prevenzjoni tat-trasferimenti irresponsabbli tal-armi permezz tal-applikazzjoni stretta tal-kriterji tal-Kodiċi kemm għall-kumpaniji kif ukoll għall-forzi armati nazzjonali;
  • (b)il-prevenzjoni tat-traffiku illegali tal-armi bl-ajru u bil-baħar; jittejbu u jiġu applikati l-kontrolli tas-senserija billi jħeġġeġ lill-Istati Membri li s’issa għadhom m’għamlux dan biex jintegraw l-ittra u l-ispirtu tal-Pożizzjoni Komuni tal-UE 2003 dwar il-kontroll tas-Senserija tal-Armi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom;
  • (c)l-istħarriġ dwar l-allegazzjonijiet riċenti ta' ksur tal-embargos tal-armi;
  • (d)il-prevenzjoni tal-bejgħ lil intermedjarji privati ta' armi miġbura matul operazzjonijiet tal-ESDP u l-SSR u matul inizjattivi oħra tal-UE, u t-trasferiment sussegwenti tagħhom f’reġjuni ta’ kunflitt vjolenti jew tensjoni;
  • (e)it-titjib fit-trasparenza u l-kwalità tad-dejta ppreżentata mill-Istati Membri tal-UE fil-kuntest tar-Rapport Annwali dwar il-Kodiċi ta' Kondotta;

5.  Huwa konvint li l-adozzjoni tal-Pożizzjoni Komuni dwar il-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE fuq l-Esportazzjonijiet tal-Armi lil pajjiżi terzi hija vitali sabiex ikun hemm implimentazzjoni organizzata tad-Direttiva tal-ġejjieni fuq trasferimenti intra-Komunitarji ta’ materjali ta' difiża;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti nazzjonali kollha tal-Istati Membri.