MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
8.12.2008
minn Pervenche Berès
f’isem il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
dwar l-abbozz ta' direttiva tal-Kummissjoni dwar l-emenda ta' ċerti annessi tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward id-dispożizzjonijiet tekniċi dwar l-immaniġġjar tar-riskju
B6‑0623/2008
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' direttiva tal-Kummissjoni dwar l-emenda ta' ċerti annessi tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward id-dispożizzjonijiet tekniċi dwar l-immaniġġjar tar-riskju
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tal-kummerċ tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu (riformulazzjoni)[1], u b'mod partikulari l-Artikolu 150(1) tagħha,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' direttiva tal-Kummissjoni dwar l-emenda ta' ċerti annessi tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward id-dispożizzjonijiet tekniċi dwar l-immaniġġjar tar-riskju,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-1 t'Ottubru 2008 għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE dwar banek affiljati ma’ istituzzjonijiet ċentrali, ċerti elementi ta’ fondi proprji, skoperturi kbar, arranġamenti superviżorji, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (COM(2008)0602) (proposta ta' Reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-12 ta' Novembru 2008 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu (COM(2008)0704) (proposta għal Regolament dwar Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 5a(3)(b) tad-Deċiżjoni 1999/468/KE tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni[2],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 81(2) u (4)(b) tar-Regoli ta' Proċedura,
A. billi l-Kummissjoni ressqet il-proposta tagħha għal reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali (CRD),
B. billi l-Kummissjoni ressqet ukoll abbozz ta' direttiva li temenda ċerti annessi tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward id-dispożizzjonijiet tekniċi dwar l-immaniġġjar tar-riskju, li tinkludi dispożizzjoni rigward l-iżvelar mill-Istituzzjonijiet Esterni tal-Valutazzjoni tal-Kreditu (ECAIs),
C. billi l-Kummissjoni sussegwentement ressqet il-proposta tagħha għal Regolament dwar Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu (CRA),
D. billi l-obbligi tal-iżvelar u t-trasparenza mill-ECAIs u l-Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu għandhom ikunu ttrattati b'mod koerenti u konsistenti,
E. billi l-obbligi tal-iżvelar relatati mal-ECAIs proposti mill-Kummissjoni jmorru lil hinn mill-aġġustament tekniku u għalhekk jirrikjedu kunsiderazzjoni xierqa mill-Parlament u għandhom ikunu ttrattati bi qbil mal-proċedura ta' kodeċiżjoni,
F. billi tali koerenza u konsistenza u l-kunsiderazzjoni xierqa mill-Parlament jirrikjedu li d-dispożizzjoni rigward l-iżvelar relatata mal-ECAIs tkun ittrattata, bi qbil mal-proċedura ta' kodeċiżjoni, fil-qafas tal-proposta għal reviżjoni tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali (CRD) jew f'dak tal-proposta għal Regolament dwar Aġenziji tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu (CRA),
G. billi l-Parlament jappoġġa l-emendi tekniċi l-oħra,
1. Jopponi l-abbozz imressaq mill-Kummissjoni ta' Direttiva li temenda ċerti annessi tad-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward id-dispożizzjonijiet tekniċi dwar l-immaniġġjar tar-riskju;
2. Iqis li l-abbozz ta' Direttiva tal-Kummissjoni jeċċedi s-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fid-Direttiva 2006/48/KE;
3. Jistieden lill-Kummissjoni biex tirtira l-abbozz ta' miżura u tressaq wieħed ġdid quddiem il-Kumitat;
4. Jipproponi li l-abbozz ta' direttiva jkun emendat kif ġej:
Modifika 1
Abbozz ta’ direttiva – att li jemenda
Artikolu 1 – punt 3
Direttiva 2006/48/KE
Anness VI – Parti 2 – punt 7
Test propost mill-Kummissjoni | Modifika |
(3) Fil-Parti 2 tal-Anness VI, il-punt 7 qed jitbiddel b'dan li ġej: | imħassar |
‘7. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-prinċipji tal-metodoloġija użata mill-ECAI għall-formulazzjoni tal-valutazzjonijiet ta’ kreditu tagħha jkunu disponibbli għall-pubbliku sabiex l-utenti potenzjali kollha jkunu jistgħu jiddeċiedu jekk dawn il-valutazzjonijiet humiex idderivati b'mod raġonevoli. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fir-rigward ta' valutazzjonijiet tal-kreditu relatati ma' pożizzjonijiet tat-titolizzazzjoni, l-ECAI hija impenjata tipproduċi, fuq bażi kontinwa, tagħrif fil-qosor dwar l-istruttura tat-tranżazzjoni, ir-rendiment tal-assi maqsumin u kif dan jaffettwa l-valutazzjoni tal-kreditu tagħha. Dan it-tagħrif fil-qosor għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-istituzzjonijiet tal-kreditu kollha bl-użu tal-valutazzjonijiet tal-kreditu għall-għanijiet tal-Artikolu 96.’ |
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.