MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
7.1.2009
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Elisabeth Schroedter, Hélène Flautre u Milan Horáček
f'isem il-Grupp Verts/ALE
dwar l-istrateġija tal-UE rigward il-Belarus
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0028/2009
B6‑0030/2009
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istrateġija tal-UE rigward il-Belarus
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Belarus, b'mod partikolari dik tad-9 ta' Ottubru 2008,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni mill-Presidenza f'isem l-Unjoni Ewropea dwar il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/844/CFSP tal-10 ta' Novembru 2008 li temenda l-Pożizzjoni Komuni 2006/276/CFSP dwar miżuri restrittivi kontra ċertu uffiċjali tal-Belarus,
– wara li kkunsidra r-rapport finali tal-OSCE/ODIHR dwar l-elezzjonijiet parlamentari li saru fil-Belarus fit-28 ta' Settembru 2008,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2008 dwar il-Belarus,
– wara li kkunsidra r-rapport dwar iż-żjara tad-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Belarus f'Vilnius bejn is-27 u d-29 ta' Ottubru 2008,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Novembru 2006 dwar ir-rieda min-naħa tal-Unjoni Ewropea biex iġġedded ir-relazzjoni tagħha mal-Belarus u l-poplu tiegħu fi ħdan il-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat (ENP),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu tat-13 ta' Ottubru 2008, ikkonferma tamiet li r-relazzjonijiet mal-Belarus jiġu gradwalment stabbiliti mill-ġdid u r-rieda tiegħu li jiżviluppa djalogu mal-awtoritajiet tal-Belarus, u ma' dawk kollha li jipparteċipaw fid-dibattitu demokratiku, bl-għan li jitrawwem progress ġenwin lejn it-tisħiħ tad-demokrazija u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż imsemmi,
B. billi, sabiex jinkoraġġixxi djalogu mal-awtoritajiet tal-Belarus u l-adozzjoni ta' miżuri pożittivi biex jissaħħu d-demokrazija u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-Kunsill iddeċieda li r-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar imposti minn ċertu figuri ewlenin fil-Belarus, bl-eċċezzjoni ta' dawk involuti fil-każijiet ta' għajbien li ġraw bejn l-1999 u l-2000 u tal-President tal-Kummissjoni Elettorali Ċentrali, ma japplikawx għal perjodu ta' sitt xhur li jista' jiġi mġedded,
C. billi, bħala reazzjoni għall-passi pożittivi meħudin mill-Belarus, il-Kummissjoni diġà daħlet fi djalogu intensifikat mal-pajjiż imsemmi f'oqsma bħalma huma l-enerġija, l-ambjent, id-dwana, it-trasport u s-sikurezza tal-ikel u kkonfermat ir-rieda tagħha biex tkompli tkabbar il-firxa ta' suġġetti trattati minn dawn it-taħdidiet tekniċi, li huma ta' benefiċċju għaż-żewġ naħat,
D. billi l-Kummissjoni nediet l-'Inizjattiva ta' Sħubija mal-Lvant' biex issaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-Lvant tal-Ewropa li huma parti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat, inkluż il-Belarus sakemm il-pajjiż imsemmi jissodisfa l-kriterji speċifiċi dwar id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt,
E. billi l-Belarus wera interess fil-proġett ta' Sħubija mal-Lvant, u billi l-Belarus huwa l-unika pajjiż Ewropew li m'għandu l-ebda relazzjoni kuntrattwali mal-UE,
F. billi l-awtoritajiet tal-Belarus imponew sentenza ta' 'liberta ristretta' għal sena fuq l-attivist tal-oppożizzjoni Alyaksandr Barazenka minħabba l-irwol tiegħu f'dimostrazzjoni li seħħet fl-2008,
1. Jappoġġja l-isforzi tal-Kunsill u tal-Kummissjoni sabiex jinfetaħ mill-ġdid id-djalogu mal-awtoritajiet tal-Belarus; huwa tal-fehma li l-iżvilupp futur tar-relazzjonijiet għandu jkun suġġett għal kundizzjonalità pożittiva stretta bbażata fuq approċċ gradwali u li jimxi pass wara pass, li jinkorpora benchmarks, skedi, klawżola ta' reviżjoni u li jkollu riżorsi finanzjarji adegwati; jesprimi t-tama li l-Belarus tissodisfa malajr il-kundizzjonijiet kollha li jkunu jippermettu lill-pajjiż biex jibbenefika mill-opportunitajiet kollha offruti mill-Politika Ewropea ta' Viċinat u li jkollhom rwol attiv fl-iżvilupp tagħha;
2. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-awtoritajiet tal-Belarus biex jirreġistraw il-moviment 'Għall-Ħelsien' immexxi mill-ex-kandidat presidenzjali tal-Belarus Aliaksandr Milinkevich u jistenna li l-awtoritajiet tal-Belarus jirreġistraw iċ-Ċentru tad-Drittijiet tal-Bniedem 'Vesna';
3. Jinnota d-deċiżjoni tal-awtoritajiet tal-Belarus li jippermettu l-istampar u d-distribuzzjoni taż-żewġ gazzetti indipendenti, Narodnaia Volia u Nasha Niva, u li jiddiskutu standards internazzjonali tal-midja tal-Internet; jittama li jinħolqu kundizzjonijiet xierqa wkoll għall-ħidma ta' midja oħra indipendenti fil-Belarus;
4. Jinnota r-rieda tal-Belarus biex tiddiskuti fid-dettall ir-rakkomandazzjonijiet tal-OSCE/ODIHR dwar titjib fil-liġi elettorali u jistenna b'ħerqa l-bidu ta' dawn it-taħdidiet;
5. Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li, jekk ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Belarus għandhom jiġu normalizzati kompletament, huwa kruċjali li l-Belarus jibqa' pajjiż li m'għandu l-ebda priġunieri politiċi, jirrispetta l-libertà tal-espressjoni, tal-assoċjazzjoni u tal-assemblea u jtejjeb il-kundizzjonijiet li jistgħu jaħdmu fihom għaqdiet mhux governattivi;
6. Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Belarus li jneħħi projbizzjoni fuq l-ivvjaġġar għal numru ta' tfal li joqogħdu ħdejn l-impjant nukleari abbandunat ta' Chernobyl;
7. Iħeġġeġ lil-Gvern tal-Belarus biex jagħmel bidliet sostanzjali lill-Kodiċi Penali tal-Belarus billi jabolixxi Artikoli 193, 367, 368 u 369-1, li wħud minnhom, b'mod partikolari Artikolu 193, huma ta' spiss użati b'mod ħazin bħala forma ta' repressjoni, u biex ma jagħmilx theddidiet ta' prosekuzzjoni kriminali, inkluż għal min jevita s-servizz militari fil-Belarus, lil dawk l-istudenti li ġew imkeċċija mill-universitajiet minħabba l-pożizzjoni ċivika tagħhom u li huma obbligati jkomplu l-istudji tagħhom barra minn pajjiżhom;
8. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu passi ulterjuri biex jissimplifikaw u jilliberalizzaw il-proċeduri tal-viżi għaċ-ċittadini tal-Belarus, peress li azzjoni ta' dan it-tip hija kruċjali biex jitwettaq l-għan ewlieni tal-politika tal-UE rigward il-Belarus, jiġifieri li jiġu ffaċilitati u intensifikati l-kuntatti bejn il-popli u biex il-pajjiż jiġi ddemokratizzat; iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, biex jikkunsidraw il-firxa ta' possibilitajiet li titnaqqas l-ispiża tal-viżi għaċ-ċittadini tal-Belarus li jkunu deħlin fiż-żona ta' Schengen, li huwa l-unika mod kif jiġi evitat li l-Belarus u ċ-ċittadini tiegħu jsiru dejjem aktar iżolati; jitlob lill-awtoritajiet tal-Belarus biex itemmu l-prattika tagħhom li joħorġu viżi liċ-ċittadini tagħhom biex joħorġu mill-pajjiż, b'mod partikolari tfal u studenti;
9. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jikkunsidraw li l-applikazzjoni għall-Belarus tal-ENP u l-istrument tas-Sħubija u l-Istrument Ewropew għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija ssir selettivament billi jingħata aktar appoġġ lis-soċjetà ċivili tal-Belarus u, b'mod partikolari, biex tiżdied l-għajnuna finanzjarja lill-midja indipendenti, lill-NGOs u lill-istudenti tal-Belarus li jistudjaw barra l-pajjiż; jilqa' b'sodisfazzjon l-appoġġ finanzjarju mogħti mill-Kummissjoni lill-Università tal-Istudji Umanistiċi Ewropej tal-Belarus li tinsab f'eżilju f'Vilnius (il-Litwanja); jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iħeġġu lill-gvern tal-Belarus jagħti sinjal ta' volontà tajba u ta' tibdil pożittiv billi jippermetti li l-Università tal-Istudji Umanistiċi Ewropej li tinsab f'eżilju f'Vilnius tirritorna b'mod legali fil-Belarus u terġa' tistabbilixxi ruħha f'kundizzjonijiet adegwati għall-iżvilupp futur tagħha f'Minsk; jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni sabiex jagħtu appoġġ finanzjarju lill-istazzjon televiżiv indipendenti tal-Belarus Belsat;
10. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, biex iqisu miżuri sabiex itejbu l-ambjent tan-negozju, il-kummerċ, l-investiment, l-infrastuttura tal-enerġija u tat-trasport u l-kooperazzjoni li taqsam il-fruntieri bejn l-UE u l-Belarus, sabiex ikun hemm kontribut għall-benesseri u l-prosperità taċ-ċittadini tal-Belarus, kif ukoll għall-abilità tagħhom li jikkomunikaw mal-UE u jivvjaġġaw b'mod ħieles lejn l-UE;
11. Jiddeplora d-deċiżjoni ripetuta tal-awtoritajiet tal-Belarus fuq dan l-aħħar sentejn biex jirrifjutaw viżi ta’ dħul lill-Membri tal-Parlament Ewropew u l-parlamentari nazzjonali; jitlob lill-awtoritajiet tal-Belarus biex ma joħolqux iktar xkiel li jżommu lid-delegazzjonijiet għar-relazzjonijet mal-Belarus milli jżuru l-pajjiż;
12. Jilqa' b'sodisfazzjon l-approċċ li ħadu s'issa l-awtoritajiet tal-Belarus, minkejja l-pressjoni enormi, biex ma jirrikonoxxux l-indipendenza unilaterali ddikjarata mill-Ossezja tan-Nofsinhar u mill-Abkażja;
13. Jinnota li l-Belarus huwa l-unika pajjiż fl-Ewropa li għad għandu l-piena tal-mewt u jitlob lill-awtoritajiet ta' Minsk biex jabolixxu prattika li tmur kontra l-valuri Ewropej;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Assembleji Parlamentari ta' l-OSCE u l-Kunsill tal-Ewropea, lis-Segretarjat tal-Komunità tal-Istati Independenti (CIS) u lill-Gvern u l-Parlament tal-Belarus.