MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
12.1.2009
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Pasqualina Napoletano u Hannes Swoboda
f'isem il-Grupp PSE
dwar il-qagħda fil-Lvant Nofsani/il-Medda ta' Gaża
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0051/2009
B6‑0051/2009
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-qagħda fil-Lvant Nofsani/il-Medda ta' Gaża
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani, b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Novembru 2006 dwar is-sitwazzjoni fl-Istrixxa ta' Gaża[1], tat-12 ta' Lulju 2007 dwar il-Lvant Nofsani[2], tal-11 ta' Ottubru 2007 dwar is-sitwazzjoni umanitarja f'Gaża[3] u tal-21 ta' Frar 2008 dwar is-Sitwazzjoni f'Gaża[4],
– - wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 242 (1967), 338 (1973) u 1860 tat-8 ta' Jannar 2009 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,
– wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra (1949),
– - wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani tat-30 ta' Diċembru 2008,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fis-27 ta' Diċembru l-Iżrael beda offensiva militari f'Gaża bħala tweġiba għall-attakki bir-rokits tal-Ħamas fin-Nofsinhar ta' Iżrael,
B. billi, skont l-aħħar rapporti, l-operazzjoni Iżraeljana sa issa swiet il-ħajja ta' madwar elf persuna f'Gaża, ħafna minnhom nisa u tfal, u kkawżat ukoll eluf ta' feruti, il-qerda ta' djar, skejjel u infrastrutturi ċivili ewlenin oħra, kif raw ukoll xi Membri ta' din il-Kamra tul iż-żjara riċenti tagħhom f'Rafah,
C. billi ħafna rapporti jaffermaw li l-armata Iżraeljana użat munizzjonijiet bil-fosfru li jikkawżaw feriti aktar serji,
D. billi l-fruntieri li minnhom tista' toħroġ jew tidħol ġo Gaża ilhom magħluqin għal tmintax-il xahar, u billi l-embargo fuq iċ-ċaqliq tal-persuni u l-prodotti affettwa l-ħajja ta' kuljum tar-residenti u kompla jipparalizza l-ekonomija fil-Medda ta' Gaża,
E. billi l-politika ta' iżolament tal-Medda ta' Gaża falliet, kemm fil-livell politiku kif ukoll fil-livell umanitarju, u billi l-embargo fuq il-Medda ta' Gaża jirrappreżenta kastig kollettiv, li jikser il-liġi internazzjonali umanitarja,
F. billi l-appoġġ finanzjarju konsiderevoli tal-Unjoni Ewropea lill-Palestinjani kellu rwol importanti biex tiġi evitata katastrofi umanitarja fil-Medda ta' Gaża u fix-Xatt tal-Punent; billi l-Unjoni Ewropea għadha tipprovdi, fost mezzi oħra permezz tal-UNWRA, għajnuna umanitarja lin-nies u sussidji diretti lill-impjegati tal-Awtorità Palestinjana fil-Medda ta' Gaża, permezz tal-mekkaniżmu ta' finanzjament PEGASE tal-UE kif ukoll permezz ta' għajnuna internazzjonali oħra għat-Territorji Palestinjani,
1. Jesprimi r-rabja kbira tiegħu dwar il-vjolenza fil-Medda ta' Gaza, il-konsegwenzi tal-użu sproporzjonat tal-forza mill-armata Iżraeljana u l-eskalazzjoni militari li għadha għaddejja u li qed twassal għal mijiet ta' vittmi, il-parti l-kbira tagħhom ċivili, inklużi ħafna tfal; jesprimi s-simpatija tiegħu għall-popolazzjoni ċivili affettwata mill-vjolenza f'Gaża u fin-nofsinhar ta' l-Iżrael; jiddeplora ferm il-fatt li ntlaqtu wkoll miri ċivili u tan-NU;
2. Jitlob li jkun hemm waqfien mill-ġlied immedjat u bla kundizzjonijiet, li għandu jinkludi l-irtirar mit-territorju okkupat mill-ġdid fl-aħħar ġranet mill-armata Iżraeljana, u għal waqfien mill-ġlied negozjat fuq medda ta' żmien itwal, li għandu jkun garantit permezz ta' mekkaniżmu, li għandu jitwaqqaf mill-komunità internazzjonali, li għandu jipprovdi sabiex tintbagħat forza multinazzjonali li għandha tinkludi pajjiżi Għarab u Musulmani;
3. Jistieden lill-Iżrael biex jissodisfa l-obbligi tiegħu skont il-liġi internazzjonali u l-liġi umanitarja internazzjonali; jistieden lill-Ħamas biex iwaqqaf l-attakki bir-rokits u biex jassumi r-responsabilitajiet tiegħu billi jimpenja ruħu favur proċess politiku bil-għan li jerġa' jinbeda d-djalogu inter-Palestinjan kif ukoll li jagħti kontribut lill-proċess ta' negozjati li għaddej bħalissa,
4. Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 1860 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tat-8 ta' Jannar 2009 u, minkejja n-nuqqas ta' impenn għall-implimentazzjoni tagħha miż-żewġ naħat, jistieden lill-partijiet konċernati kollha biex jirrispettaw għalkollox id-dispożizzjonijiet tagħha, u jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri tal-UE biex iżidu l-pressjoni biex iwaqqfu l-vjolenza li qed tissokta,
5. Jaqbel dwar il-ħtieġa li jiġu pprovduti b'mod urġenti, kif mitlub mir-Riżoluzzjoni 1860 tal-UNSC, arranġamenti u garanziji f'Gaża, sabiex ikun appoġġjat waqfien mill-ġlied għal tul ta' żmien, inkluż l-appoġġ għall-ftuħ mill-ġdid u sostenut tal-postijiet għall-qsim tal-fruntieri, kif ukoll biex ma jkunx hemm traffikar illeċitu ta' armi u munizzjon;
6. Jitlob b'insistenza li l-awtoritajiet Iżraeljani jippermettu l-forniment ta' ikel, għajnuna medika urġenti u fjuwil lill-Medda ta' Gaża permezz tal-ftuħ tal-postijiet għall-qsim tal-fruntiera u t-tneħħija tal-imblokk kif ukoll li jiggarantixxu l-fluss kontinwu u adegwat ta' għajnuna mill-kuritur umanitarju f'Rafah; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iżraeljani biex jippermettu lill-istampa internazzjonali jsegwu dak li qed iseħħ;
7. Iqis li implimentazzjoni mill-ġdid immedjata tal-Ftehima dwar Il-Moviment u l-Aċċess (AMA) u tal-Prinċipji Miftiehma għall-Punt ta' Passaġġ fuq il-Fruntiera li hemm f'Rafah (APRC), konklużi f'Settembru 2005 minn Iżrael u mill-Awtorità Palestinjana wara l-irtirar unilaterali ta' Iżrael mill-Medda ta' Gaża, trid tkun iggarantita bla restrizzjoni u jistieden lill-Kunsill biex jerġa' jibda l-Missjoni ta' Monitoraġġ tal-UE f'Rafah;
8. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll donaturi oħra internazzjonali sabiex, f'koperazzjoni man-Nazzjonijiet Uniti u mal-NGOs, jipprovdu għajnuna adegwata fid-dawl tal-ħtiġijiet dejjem akbar u jitlob lill-Iżrael biex ma jxekkilx dan l-isforz umanitarju essenzjali; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li din l-għajnuna għandha tikkontribwixxi sabiex bil-mod il-mod l-ekonomija bażika fil-Medda terġa' tibda tirkupra u biex il-Palestinjani jerġa' jkollhom kundizzjonijiet ta' għajxien deċenti, b'mod partikulari ż-żgħażagħ;
9. Jafferma mill-ġdid li m'hemmx soluzzjoni militari għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestinjani u jqis li wasal iż-żmien għal ftehim ta' paċi komprensiv u dejjiemi fuq il-bażi tan-negozjati li tmexxew sal-lum miż-żewġ naħat,
10. Jitlob li ssir konferenza internazzjonali, promossa mill-Kwartett u bil-parteċipazzjoni tal-partijiet reġjonali kollha, fuq il-bażi tal-ftehim preċedenti li ntlaħaq bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani u tal-inizjattiva tal-Lega Għarbija;
11. Jenfasizza l-importanza kbira li jiġġeddu l-isforzi għar-rikonċiljazzjoni inter-Palestinjana u jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' konnessjoni ġeografika permanenti bejn il-Medda ta' Gaża u x-Xatt tal-Punent u r-riunifikazzjoni paċifika u dejjiema tagħhom;
12. Jenfasizza mill-ġdid li kwalunkwe żvilupp fir-relazzjonijiet politiċi bejn l-UE u l-Iżrael irid ikun ibbażat sewwa fuq il-kundizzjoni tar-rispett tal-liġi umanitarja internazzjonali, impenn ġenwin għal ftehim komprensiv ta' paċi, it-tmiem tal-kriżi umanitarja f'Gaża u fit-Territorju Palestinjan Okkupat, u r-rispett tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehima ta' Assoċjazzjoni Interim bejn il-KE u l-PLO; jiddikjara li sakemm is-sitwazzjoni tibqa' kritika hekk, se jżomm il-pożizzjoni negattiva tiegħu dwar il-vot ta' kunsens biex l-Iżrael ikompli jieħu sehem fi programmi tal-KE;
13. Huwa mħasseb dwar l-impatt serju tal-bidu mill-ġdid tal-kunflitt fuq il-prospetti politiċi għar-reġjun u jittama li jkun hemm paċi dejjiema fil-Lvant Nofsani kollu; jenfasizza l-fatt li l-impatt ta' dawn it-tensjonijiet serji jista' jhedded il-fehim u d-djalogu reċiproku bejn il-komunitajiet fl-Ewropa;
14. Jitlob li l-Unjoni Ewropea tieħu pożizzjoni politika aktar b'saħħitha u magħquda u jistieden lill-Kunsill biex jieħu l-opportunità biex jikkopera mal-Amministrazzjoni l-ġdida tal-Istati Uniti sabiex jintemm il-kunflitt bi ftehim ibbażat fuq is-soluzzjoni ta' żewġ Stati, li jagħti lill-Iżraeljani u lill-Palestinjani l-possibilità li jgħixu fil-paċi ħdejn xulxin fi ħdan fruntieri sikuri u rikonoxxuti fuq livell internazzjonali, bil-għan li tinbena struttura ġdida ta' paċi u sigurtà reġjonali fil-Lvant Nofsani;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-President tal-Awtorità Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lill-Gvern tal-Iżrael, lill-Knesset, u lill-Gvern u l-Parlament Eġizzjan.
- [1] Testi adottati: P6_TA(2006)0492.
- [2] Testi adottati: P6_TA(2007)0350.
- [3] Testi adottati: P6_TA(2007)0430.
- [4] Testi adottati: P6_TA(2008)0064.