MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
12.1.2009
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Daniel Cohn-Bendit, Monica Frassoni, David Hammerstein, Hélène Flautre, Caroline Lucas, Margrete Auken, Jill Evans, Angelika Beer u Cem Özdemir
f'isem il-Grupp Verts/ALE
dwar il-kunflitt fil-Medda ta' Gaża
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0051/2009
B6‑0054/2009
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kunflitt fil-Medda ta' Gaża
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani, b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Novembru 2006 dwar is-sitwazzjoni fl-Istrixxa ta' Gaża, tat-12 ta' Lulju 2007 dwar il-Lvant Nofsani, tal-11 ta' Ottubru 2007 dwar is-sitwazzjoni umanitarja f'Gaża u tal-21 ta' Frar 2008 dwar is-Sitwazzjoni f'Gaża,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 242 (1967), 338 (1973) u 1860 tat-8 ta' Jannar 2009 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,
– wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra (1949) u l-ħames prinċipji tagħha;
– - wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea tat-30 ta' Diċembru 2008 dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fis-27 ta’ Diċembru 2008, wara li skada l-perjodu ta’ sitt xhur waqfien mill-ġlied bejn l-Iżrael u l-Ħamas innegozjat fit-18 ta’ Ġunju 2008 mill-Eġittu, il-forzi militari Iżraeljani bdew kampanja ta’ attakki bl-ajru segwiti minn invażjoni mill-art tal-Medda ta’ Gaża, b’ritaljazzjoni għall-isparar ta’ rokits minn militanti Palestinjani,
B. billi l-waqfien mill-ġlied sikwit inkiser miż-żewġ naħat u ma wassalx għall-waqfien tal-imblokk Iżraeljan fuq il-medda ta’ Ġaża kif kienu ftehmu l-partijiet, inħolqot kriżi umanitarja kbira li affettwat il-popolazzjoni kollha tal-Medda ta’ Gaża u titjib limitat u mhux sostanzjali tas-sitwazzjoni fix-Xatt tal-Punent,
C. billi l-offensiva Iżraeljana s’issa ħalliet aktar minn 1000 ruħ mejta u 3000 ruħ midruba, fil-parti l-kbira nisa u tfal, u l-qerda ta’ infrastrutturi ċivili, djar u anke skola tan-NU użata bħala kenn għal familji refuġjati,
D. billi d-Dikjarazzjoni ta’ Annapolis tas-27 ta’ Novembru 2007 mill-Iżraeljani u l-Palestinjani esprimiet id-determinazzjoni tagħhom li jniedu negozjati bilaterali bona fede biex jikkonkludu trattat ta’ paċi għar-riżoluzzjoni tal-kwistjonijiet kollha pendenti qabel it-tmiem tal-2008 u b'mod immedjat jimplimentaw l-obbligi rispettivi tagħhom skont il-Pjan Direzzjonali fosthom l-iffriżar tal-attivitajiet kollha ta' stabbiliment ta’ rħula, it-tneħħija tas-sanzjonijiet fuq iċ-ċaqliq tal-merkanzija u tal-persuni fit-Territorji Okkupati u t-tmiem tal-vjolenza u tat-terroriżmu,
1. Jikkundanna bil-qawwi l-offensivi kbar u sproporzjonati mill-forzi tal-ajru u tal-art Iżraeljani f’żona b’densità għolja ta’ popolazzjoni li kkawżat numru dejjem akbar ta’ vittmi fost il-popolazzjoni ċivili u l-qerda kbira tal-infrastrutturi ċivili u, f’dan ir-rigward, jitlob lill-Iżrael biex iwettaq l-obbligi tiegħu skont il-liġi umanitarja u l-liġijiet tad-drittijiet tal-bniedem biex jingħata aċċess umanitarju mingħajr ebda xkiel fiż-żona tal-kunflitt; fl-istess waqt jikkundanna l-isparar ta’ rokits mill-Ħamas fuq persuni ċivili Iżraeljani;
2. Itenni l-fehma tiegħu li ma jistax ikun hemm soluzzjoni militari għall-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestinjani; jilqa’ b’sodisfazzjon, għaldaqstant, l-azzjonijiet kollha diplomatiċi mmirati lejn il-kisba ta’ waqfien mill-ġlied sostenibbli bbażat fuq il-waqfien tal-isparar ta’ rokits mill-Ħamas, it-tmiem tad-dħul illeċitu ta’ armi mill-mini u t-tmiem tal-imblokk Iżraeljan fuq il-medda ta’ Gaża, flimkien mal-ftuħ tal-fruntieri u ftehim ġdid u effettiv dwar l-immaniġġjar tal-punti tal-qsim tal-fruntieri;
3. Jappoġġja, b’mod partikolari, l-inizjattiva Franko-Eġizzjana u jistieden lill-Kunsill sabiex jagħmel kull sforz biex jagħti ħajja ġdida lill-Kwartett, jiffaċilita n-negozjati bejn il-partijiet kollha ikkonċernati; jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU li titlob għal waqfien mill-ġlied immedjat, dejjiemi u rispettat bis-sħiħ li jwassal għall-irtirar tal-forzi Iżraeljani minn Gaża u l-provvista u d-distribuzzjoni ta’ assistenza umanitarja mingħajr ebda xkiel u f’Gaża kollha, u jiddeplora n-nuqqas ta’ rieda miż-żewġ naħat li jirrispettaw it-termini ta’ din ir-riżoluzzjoni;
4. Jerġa’ jafferma d-dritt ta’ Iżrael li jiddefendi ruħu, iżda jisħaq li tali dritt irid ikun proporzjonali għat-theddida li jirċievi, u għandu jiġi eżerċitat b'mod konformi bis-sħiħ mal-liġi umanitarja u mal-obbligi internazzjonali fir-rigward tal-Konvenzjonijiet ta’ Ġinevra li jpoġġu importanza kbira fuq ir-rispett u l-ħarsien ta’ ċivili mill-effetti tal-ġlied, u jfakkar lill-Iżrael, b’mod partikulari, dwar l-obbligi tiegħu bħala setgħa li qed tokkupa, skont ir-Raba’ Konvenzjoni ta’ Ġinevra dwar il-Protezzjoni ta’ Persuni Pajżana fi Żmien ta’ Gwerra; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jieqfu jgħaddu l-armi lill-Iżrael sakemm ma jkun hemm ebda garanziji li tali armi ma jintużawx bi ksur tal-liġi internazzjonali u li l-Iżrael ma jużax armi pprojbiti mil-liġi internazzjonali, bħall-balal tal-fosfru abjad;
5. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu għad-destin u s-sikureza tal-1.5 miljun Palestinjan maqbuda f’Gaża mingħajr ebda possibilità li jitilqu mill-Medda, u għas-sitwazzjoni umanitarja tal-Palestinjani li jgħixu fix-Xatt tal-Punent li l-kundizzjoni tagħhom ma tjibitx minkejja l-attitudni koperattiva tal-Awtorità Nazzjonali Palestinjana; hu tal-fehma li waqfien tal-ibbumbardjar ta’ tliet sigħat kuljum għadu mhux biżżejjed biex jiġi indirizzat id-diżastru umanitarju ta’ bħalissa, li jista’ jiġi trattat biss permezz ta’ waqfien mill-ġlied immedjat u dejjiemi; ifakkar li l-kriżi preżenti hi aggravament ulterjuri tas-sitwazzjoni li nħalqet mill-imblokk twil fuq il-medda ta’ Gaża mill-awtoritajiet Iżraeljani sa mill-2007;
6. jistieden, għaldaqstant, liż-żewġ partijiet sabiex jieqfu mill-ġlied sabiex jagħtu lok għal assistenza umanitarja adegwata lill-popolazzjoni ċivili, jagħtu ċans li l-midbruba jiġu evakwati, jirranġaw l-infrastrutturi ta' emerġenza u dawk vitali u jagħmluha possibbli għall-Palestinjani li jixtiequ jitilqu miż-żona tal-kunflitt li jagħmlu dan b'sikurezza u bl-assistenza tal-istati ġirien;
7. iħeġġeġ, b'mod partikolari, lill-awtoritajiet Eġizzjani biex jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jiftħu l-punt ta' passaġġ fuq il-fruntiera li hemm f'Rafaħ u jippermettu t-tluq tar-refuġjati u tal-popolazzjoni ċivili u l-provvista ta' għajnuna umanitarja;
8. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-kundizzjoni fundamentali għal ftehim stabbli u involviment internazzjonali fil-kriżi preżenti hu l-ftehim intern bejn il-komponenti kollha tas-soċjetà Palestinjana bbażat fuq il-Ftehima ta’ Mecca ta’ Frar 2007;
9. Jirrimarka li l-azzjoni militari Iżraeljana qed tkisser b'mod irriversibbli l-proċess ta' Annapolis u qed tipperikola l-kisbiet limitati kollha u t-tamiet li għad fadal għal soluzzjoni nnegozjata komprensiva tal-kunflitt fuq perjodu medju ta' żmien; għaldaqstant jitlob lill-UE sabiex bla aktar dewmien tieħu inizjattiva b’saħħitha, bil-għan li tlaqqa’ konferenza internazzjonali bil-parteċipazzjoni tal-atturi ewlenin kollha, biex tiffinalizza l-proposti ta’ paċi eżistenti, b’referenza partikulari għall-proposta tal-Lega Għarbija, u għat-tiswir tal-pedamenti għal ftehim komprensiv ibbażat fuq soluzzjoni li tipprevedi żewġ stati, jiġifieri l-Istat ta’ Iżrael bi fruntieri sikuri u rikonoxxuti u stat Palestinjan vijabbli li jkollu l-Ġerusalem tal-Lvant bħala l-kapitali tiegħu;
10. Jistieden lill-Kunsill sabiex jibda jħejji għat-tpoġġija ta’ forza internazzjonali taż-żamma tal-paċi fil-Medda ta’ Gaża, b’mandat mill-NU u mmexxija mill-UE, li għandha tinkludi wkoll kontinġenti minn pajjiżi Għarab u Musulmani;
11. Jistieden lill-Kunsill sabiex jiffriża l-proċess ta’ titjib tar-relazzjonijiet mal-Iżrael sakemm isir qbil għal waqfien mill-ġlied sħiħ, komplut u permanenti mill-partijiet kollha, u sakemm l-Iżrael jipprovdi aċċess umanitarju mingħajr ebda xkiel; jerġa' jafferma fl-istess ħin li l-iżvilupp tar-relazzjonijiet bejn l-UE u Iżrael irid ikun ibbażat b'mod qawwi fuq ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali, fuq it-tmiem tal-kriżi umanitarja f'Gaża u fit-Territorji Okkupati Palestinjani, fuq impenji reali għal soluzzjoni ta' paċi komprensiva u fuq l-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehima ta' Assoċjazzjoni Interim bejn l-UE u l-Organizzazzjoni għal-Liberazzjoni tal-Palestina;
12. Iqis li l-attakki Iżraeljani fuq Gaża jmorru kontra d-dispozizzjonijiet previsti fil-ftehima ta' assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Iżrael, l-aktar dawk relatati mal-klawżola tad-drittijiet tal-bniedem li legalment hi meqjusa bħala element essenzjali tal-ftehima; għal darba oħra jenfasizza l-ħtieġa li jinħoloq mekkaniżmu ċar għall-implimentazzjoni ta’ tali klawżola;
13. Jiddeplora d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Iżraeljani li ma jħallux il-ġurnalisti jidħlu fil-Medda ta' Gaża u li jippermettu biss numru limitat ta' konvojs umanitarji; jitlob li l-osservaturi internazzjonali jingħataw aċċess mingħajr xkiel u mingħajr kontrolli biex ikun possibbli li jkun hemm investigazzjoni tad-delitti mwettqa qabel u matul l-offensiva militari; jiddeplora d-deċiżjoni tal-awtoritajiet Iżraeljani li fil-15 ta’ Diċembru 2008 żammew u keċċew lil Richard Falk, il-mibgħut tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU għat-Territorji Okkupati, li qed jinvestiga it-trattament Iżraeljan tal-Palestinjani;
14. Hu mħasseb serjament dwar l-impatt serju madwar id-dinja kollha tal-offensiva Iżraeljana, li qed tkebbes stmerrija reċiproka fost il-popli kollha kkonċernati, iddgħajjef il-komponenti moderati tad-dinja Iżlamika u xxerred klima ta’ vjolenza li twassal għal radikalizzazzjoni ta’ gruppi estremisti u żżid l-atti anti-Semitiċi;
15. Jitlob, f'dan il-kuntest, biex jinħelsu numru sostanzjali ulterjuri ta' priġunieri Palestinjani, u b’mod partikulari għall-ħelsien tal-priġunieri li huma Membri tal-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, fosthom Marwan Barghouti; jenfasizza li dan l-att jista’ jinkoraġġixxi lill-partijiet sabiex jerġgħu ikompli bid-djalogu;
16. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-President tal-Awtorità Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lill-Gvern tal-Iżrael, lill-Knesset, u lill-Gvern u l-Parlament Eġizzjan.