Proċedura : 2009/2504(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0058/2009

Testi mressqa :

B6-0058/2009

Dibattiti :

PV 14/01/2009 - 8
CRE 14/01/2009 - 8

Votazzjonijiet :

PV 15/01/2009 - 6.3
CRE 15/01/2009 - 6.3

Testi adottati :

P6_TA(2009)0025

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 104kWORD 51k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0051/2009
12.1.2009
PE416.183
 
B6‑0058/2009
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Annemie Neyts-Uyttebroeck
f'isem il-Grupp ALDE
dwar is-sitwazzjoni fil-Medda ta' Gaża

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Medda ta' Gaza  
B6‑0058/2009

Il-Parlament Ewropew,

–  - wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Lvant Nofsani, b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Novembru 2006 dwar is-sitwazzjoni fil-Medda ta' Gaża, tat-12 ta' Lulju 2007 dwar il-Lvant Nofsani, tal-11 ta' Ottubru 2007 dwar is-sitwazzjoni umanitarja f'Gaża u tal-21 ta' Frar 2008 dwar is-sitwazzjoni fil-medda ta' Gaża,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU 1860 tal-8 ta’ Jannar 2009;

–  wara li kkunsidra r-Raba' Konvenzjoni ta' Ġinevra (1949),

–  - wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Unjoni Ewropea tat-30 ta' Diċembru 2008 dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant Nofsani,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  Billi fis-27 ta' Diċembru, l-Iżrael nieda offensiva militari f'Gaża, imsejhħa "Operazzjoni Ċomb Maħdum", b'reazzjoni għall-missili li mill-ġdid reġgħu ġew sparati kontra objettivi ċivili minn mindu Ħamas ħadu l-kontrol tal-medda u in segwitu għall-kollass tal-waqfien tal-isparar,

B.  billi l-popolazzjoni ta' Gaża soffriet imblokk Iżraeljan tal-muviment tan-nies u l-merkanzija, inklużi wkoll il-mediċini, l-ikel u l-fjuwil, sa mill-2006,

C.  billi skont l-aħħar rapporti l-operazzjoni Iżraeljana s'issa qatlet xi elf ruħ f'Gaża, fosthom mijiet ta' nisa u tfal, darbet l-eluf, qerdet id-djar, skejjel, u infrastrutturi ċivili importanti oħrajn,

D.  billi l-politika ta' iżolament tal-Medda ta' Gaża falliet kemm fuq il-livell politiku u kemm fuq dak umanitarju; billi l-imblokk fuq il-Medda ta' Gaża jirrappreżenta kastig kollettiv bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali,

E.  billi l-appoġġ finanzjarju konsidervoli tal-Unjoni Ewropea għall-Palestinjani kellu rwol importanti biex tiġi evitata katastrofi umanitarji fil-Medda ta' Gaża u fix-Xatt tal-Punent; billi l-Unjoni Ewropea tissokta tipprovdi, partikolarment permezz tal-UNWRA, l-assistenza umanitarja lin-nies u s-sussidji diretti lill-impjegati tal-Awtorità Palestinjana fil-Medda ta' Gaża, permezz tal-mekkaniżmu ta' finanzjament PEGASE tal-UE u assistenza internazzjonali oħra għat-Territorji Palestinjani,

1.  Jilqa' l-adozzjoni tar-Riżoluzzjoni 1860 tat-8 ta' Jannar 2009 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u juri d-dispjaċir tiegħu li s'issa kemm l-Iżrael kif ukoll Ħamas ma rnexxielhomx jilqgħu t-talba tan-NU li jkun hemm waqfien fl-ostilitajiet; għalhekk iħeġġeġ lill-Iżrael u lill-Ħamas jgħaddu minnufih għall-waqfien mill-isparar, inkluż ukoll l-isparar ta' missili fuq l-Iżrael, u lill-Iżrael biex minnufih jirtira t-truppi tiegħu minn Gaża;

2.  Huwa konvint li ma hemm l-ebda soluzzjoni militari għall-kriżi u jwissi illi jekk titwal l-operazzjoni jkun hemm biss aktar twegħir tas-sofferenza kbira li għaddejja minna l-popolazzjoni ċivili u titkabbar l-insigurtà tar-reġjun;

3.  Ifisser x-xokk tiegħu quddiem is-sofferenza tal-popolazzjoni ċivili f'Gaża, minħabba fl-użu sproporzjonat tal-forza min-naħa tal-Armata Iżraeljana; jikkundanna b'mod partikulari l-attakki fuq objettivi ċivili u tan-NU u jfisser is-simpatija tiegħu għall-popolazzjoni ċivili milquta mill-vjolenza f'Gaża u f'Iżrael tan-Nofsinhar;

4.  Jemmen illi minħabba li tibqa' tipprovoka lill-Iżrael meta titfa' l-missili kontra l-objettivi ċivili, it-tmexxija tal-Ħamas qed iġġib lilha nfisha wkoll responsabbli għad-destin traġiku tal-popolazzjoni ċivili ta' Gaża;

5.  Jistieden lill-Kunsill iżid il-pressjoni tiegħu biex jitwaqqaf il-vjolenza li għaddejja bħalissa, jinkoraġġixxi l-isforzi diplomatiċi li saru s'issa mill-komunità internazzjonali, inklużi l-Eġittu u Franza, u jistieden li jkun hemm tregwa negozjata li għandha tkun garantita b'mekkaniżmu, li għandu jiġi ggarantit b'mekkaniżmu, li għandu jissawwar mill-komunità internazzjonali, li permezz tiegħu tkun ukoll tista' tintbagħat forza multinazzjonali;

6.  Jitlob li ssir Konferenza Internazzjonali, promossa mill-Kwartett u bil-parteċipazzjoni tal-partijiet reġjonali kollha, fuq il-bażi tal-ftehima preċedenti milħuqa bejn l-Iżraeljani u l-Palestinjani u tal-inizjattiva tal-Lega Għarbija,

7.  Jitlob lill-Iżrael ma jissuktax bil-ksur tal-obbligi tiegħu skont id-dritt umanitarju internazzjonali; jistieden lill-Ħamas biex iwaqqaf l-attakki bir-rokits u biex jassumi r-responsabilitajiet tiegħu billi jimpenja ruħu favur proċess politiku bil-għan li jerġa' jinbeda d-djalogu inter-Palestinjan kif ukoll li jagħti kontribut lill-proċess ta' negozjati li għaddej bħalissa,

8.  Jitlob b'qawwa lill-awtoritajiet Iżraeljani jippermettu li jitwasslu ikel, għajnuna medika urġenti u fjuwil fil-Medda ta' Gaża permezz tal-ftuħ tal-punt ta' passaġġ fuq il-fruntiera u t-tneħħija tal-imblokk; iħeġġeġ lill-awtoritajiet Iżraeljani jippermettu lill-istampa internazzjonali ssegwi dak li jkun għaddej;

9.  Jaqbel dwar il-ħtieġa li jiġu pprovduti b'mod urġenti, kif mitlub mir-Riżoluzzjoni 1860 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, arranġamenti u garanziji f'Gaża, sabiex ikun appoġġjat waqfien mill-isparar li jdum, inkluż li jiġi żgurat ftuħ mill-ġdid tal-punti ta' passaġġ u biex ikun hemm prevenzjoni tat-traffikar illeċitu tal-armi u l-munizzjon;

10.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni u lil donaturi internazzjonali oħrajn sabiex, b'kooperazzjoni man-Nazzjonijiet Uniti u mal-NGOs, jagħtu l-għajnuna xierqa bil-għan li jkun hemm it-tkomplija gradwali neċessarja tal-irkupru ekonomiku bażiku fil-Medda u r-restorazzjoni ta' kundizzjonijiet ta' ħajja deċenti għall-Palestinjani, l-aktar għaż-żgħażagħ;

11.  Jenfasizza li kull titjieb fir-relazzjonijiet politiċi bejn l-UE u l-Iżrael irid ikun suġġett għall-kondizzjoni li jiġi rrispettat id-dritt umanitarju internazzjonali, li jkun hemm impenn reali għal akkordju komprensiv ta' paċi, it-tmiem tal-kriżi umanitarja f'Gaża u fit-Territorju Palestinjan Okkupat, u r-rispett tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehima ta' Assoċjazzjoni Interim bejn il-KE u l-PLO; iqis illi l-assens ma jistax jingħata sakemm il-qagħda tibqa' tant kritika;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Barranija u ta' Sigurtà Komuni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Mibgħut tal-Kwartett għal-Lvant Nofsani, lill-President tal-Awtorità Palestinjana, lill-Kunsill Leġiżlattiv Palestinjan, lill-Gvern tal-Iżrael, lill-Knesset, u lill-Gvern u l-Parlament Eġizzjan.

Avviż legali - Politika tal-privatezza