Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0070/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0070/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

28.1.2009

skont l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta’ Proċedura, minn
dwar il-Gwantanamo

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0066/2009

Proċedura : 2009/2516(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0070/2009
Testi mressqa :
B6-0070/2009
Votazzjonijiet :
Testi adottati :

B6‑0070/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Gwantanamo

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-istrumenti internazzjonali, Ewropej u nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali u l-projbizzjoni fuq id-detenzjoni arbitrarja, l-għejbien furzat u t-tortura, bħall-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Kastigi oħra Krudili, Inumani jew Degradanti tal-10 ta' Diċembru 1984,

–  wara li kkunsidra l-koperazzjoni transatlantika bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, inkluża dik rigward il-ġlieda kontra t-terroriżmu,

–  wara li kkunsidra:

  • ir-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Ġunju 2006[1] dwar is-sitwazzjoni tal-priġunieri f'Gwantanamo,
  • ir-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Frar 2006, P6_TA(2006)0070, dwar il-Gwantanamo[2];
  • ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2004 dwar id-dritt tal-priġunieri ta' Gwantanamo li jkollhom smigħ xieraq,
  • r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2002 dwar il-priġunieri fi Gwantanamo Bay,
  • ir-riżoluzzjonijiet Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa,
  • ir-rapport tal-15 ta' Frar 2006 tal-Kummissjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem,
  • id-dikjarazzjonijiet tar-Rapporteurs Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti,
  • il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Torturi rigward l-Istati Uniti,
  • id-dikjarazzjoni tal-20 ta' Jannar 2009 tal-President tal-Parlament Ewropew,
  • id-dikjarazzjoni tad-19 ta' Jannar 2009 tal-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa,
  • id-dikjarazzjoni tal-koordinatur tal-UE kontra t-terroriżmu,
  • id-dikjarazzjonijiet tal-Kummissarju Ewropew għal-Libertà, is-Sikurezza u l-Ġustizzja u tal-Presidenza tal-UE,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Frar 2007 dwar l-allegat użu tal-pajjiżi Ewropej miċ-CIA għat-trasport u għaż-żamma illegali ta' priġunieri (rapport Fava) u wara li kkunsidra l-attivitajiet tal-Kunsill tal-Ewropa dwar l-istess kwistjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi wara l-attakki terroristi tal-11 ta' Settembru 2001, l-Istati Uniti, f'Jannar 2002, stabillixxew faċilità ta' detenzjoni ta' sigurtà kbira fi Gwantanamo Bay, Kuba fejn inżammu dawk suspettati ta' terroriżmu u billi l-Istati Uniti żamm lil dawk il-persuni suspettati ta' terroriżmu f'faċilitajiet ta' detenzjoni sigrieti fid-dinja kollha, inkluż fl-Istati Membri tal-UE,

B.  billi l-priġunieri fi Gwantanamo Bay u f'faċilitajiet ta' detenzjoni sigrieti ġew miċħuda mid-drittijiet fundamentali tagħhom, inkluż dak ta' smigħ xieraq, u ġew ittorturati,

C.  billi f'għadd ta' sentenzi tal-Qrati tal-Istati Uniti, inkluża l-Qorti Suprema, ġew rikonoxxuti drittijiet parzjali u limitati, inkluża l-possibilità li jingħata aċċess għall-qrati ċivili Amerikani,

D.  billi erba' prinġunieri kkommettew suwiċidju fi Gwantanamo Bay wara li kienu suġġetti għal tekniki ta' interrogazzjoni ħarxa, bħall-waterboarding, li huwa meqjus bħala tortura u trattament krudili, inuman jew degradanti,

E.  billi d-Direttur tas-CIA preċedenti, Michael Hayden, iddikjara li l-Aġenzija żammet kważi 100 persuna ssuspettata li tagħmel parti mill-Al-Qaida f'faċilitajiet ta' detenzjoni sigrieti, fejn terz minn dawn il-prigunieri kienu suġġetti għal interrogazzjonijiet b'impożizzjoni, inkluż Khalid Sheikh Mohammed, akkużat li kien l-awtur tal-9/11, u ntużat it-teknika ta' waterboarding,

F.  billi l-priġunieri fi Gwantanamo twasslu hemm mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti fuq titjiriet militari u tas-CIA, li taru fuq it-territorju tal-UE u f'xi każijiet waqfu wkoll f'xi Stati Membri tal-UE; billi f'xi każijiet il-priġunieri ta' Gwantanamo inħatfu f'xi Stati Membri fil-qafas tal-programm ta' konsenji straordinarji, filwaqt li oħrajn ġew meħuda f'pajjiżi terzi u kienu sottoposti għal tortura fil-ħabsijiet lokali; billi f'xi każijiet il-priġunieri ta' Gwantanamo inħatfu f'xi Stati Membri fil-qafas tal-programm ta' konsenji straordinarji, filwaqt li oħrajn ġew meħuda f'pajjiżi terzi u kienu sottoposti għal tortura fil-ħabsijiet lokali;

G.  billi xi Stati Membri avviċinaw l-awtoritajiet tal-Istati Uniti u talbu l-ħelsien u r-ripatrijazzjoni tal-priġunieri li għandhom nazzjonalità tal-Istati membri jew li preċedentement kienu residenti fit-territorju tagħhom; billi xi uffiċjali f'xi Stati Membri kellhom aċċess għall-prinġunieri ta' Gwantanamo, kif ukoll biex jinterrogawhom biex jivverifikaw l-akkużi miġjuba kontra tagħhom mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti,

H.  billi f'lista ppubblikata mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti kien hemm 759 priġunier tal-passat u tal-preżent fi Gwantanamo; billi inħelsu 525 priġunier, filwaqt li 5 mietu waqt id-detenzjoni billi bħalissa hemm madwar 250 priġunier fi Gwantanamo, li minnhom:

  • għadd ta' priġunieri meqjusta li jistgħu jinħelsu minħabba li qatt ma kienu akkużati u ma jidhirx li se jkunu akkużati b'xi delitt, u minnhom madwar 30 diġà għandhom id-dikjarazzjoni tal-Istati Uniti li m'hemmx suspetti fir-rigward tagħhom u li jistgħu jinħelsu, imma ma jistgħux imorru lura fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom minħabba li hemm ir-riskju li jkunu persegwitati jew torturati jew minħabba li l-gvernijiet tagħhom jirrifjutaw li jaċċettawhom (fosthom hemm 17-il Uighur, Musulmani miċ-Ċina li dwarhom hemm ordni ta' mħallef Amerikan biex jinħelsu fl-Istati Uniti f'Ottubru; il-Gvern qed jappella din id-deċiżjoni) (hemm il-potenzjal li jkun hemm ftehim),
  • għadd ta' priġunieri li l-Istati Uniti ddeċieda li ma jressaqx quddiem il-ġustizzja imma li għad iridu jinżammu jew irid ikollhom superviżjoni stretta mill-gvernijiet tagħhom minħabba li jippreżentaw theddida potenzjali (hemm il-potenzjal li jkun hemm ftehim),
  • għadd ta' priġunieri meqjusa 'perikolużi' mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti,

I.  billi l-amministrazzjoni preċedenti tal-Istati Uniti ddikjara li għal ħafna snin talbet b'mod informali lill-Istati Membri tal-UE biex jikkollaboraw sabiex tinstab soluzzjoni komuni għall-kwistjoni tal-prinġunieri ta' Gwantanamo li kontrihom ma nġabux akkużi jew li nħelsu mill-akkużi u li ma jistgħux jintbagħtu lura f'pajjiżhom, u billi l-ministru tal-affarijiet barranin Portugiż talab lill-isħab fl-UE biex jieħdu deċiżjoni politika biex dawn il-prinġunieri jinsabilhom post fl-Istati Membri tal-UE u esprima l-volontà tal-Portugal f'dak is-sens,

J.  billi l-użu tat-tortura u ta' meżżi oħra illegali timplika li l-"provi" miġbura mhumiex ammissibbli fil-Qrati, u b'hekk huwa impossibbli li jsiru ġurijiet u li jkun hemm sejbien ta' ħtija marbuta mat-terroriżmu, u billi Gwantanamo sar problema globali, u biss minħabba l-eżistenza tiegħu il-kredibilità tal-komunità internazzjonali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu ddgħajfet,

1.  Ifakkar fis-sejħiet ripetuti għall-għeluq tal-faċilitajiet ta' detenzjoni ta' Gwantanamo Bay u ta' kull faċilità ta' detenzjoni oħra simili li hija mmexxija direttament jew indirettament mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti u dan irrispettivament minn fejn tinsab u għalhekk jilqa' b'sodisfazzjon id-dikjarazzjonijiet u l-ordnijiet eżekuttivi tal-President tal-Istati Uniti Barak Obama għas-sospensjoni tal-kummissjonijiet militari u għall-għeluq ta' Gwantanamo fi zmien tnax-il xahar; jilqa' l-impenn tal-Amministrazzjoni tiegħu fir-reviżjoni tal-użu tat-tekniki ta' interrogazzjoni u ta' prattiċi illegali bħall-waterboarding,

2.  Ifakkar li l-ġlieda kontra t-terroriżmu internazzjonali, li huwa ta' theddida għad-drittijiet bażiċi u fundamentali tal-bniedem li jgawdu minnhom s-soċjetajiet tagħha, hija waħda mill-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea u tal-Istati Uniti u tista' tkun msejsa biss fuq valuri komuni bħar-rispett għal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, għad-demokrazija u għall-istat tad-dritt, u jappella lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Uniti biex isaħħu d-djalogu transatlantiku dwar approċċ komuni lejn it-terroriżmu, imsejjes fuq dawn il-valuri komuni;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex jirrikonoxxu d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali lill-priġunieri ta' Gwantanamo, fuq il-bażi ta' liġijiet internazzjonali u tal-Istati Uniti, biex kull persuna tirċievi trattament skont il-liġi internazzjonali u tad-drittijiet tal-bniedem u, jekk jiġiebu akkużi kontra tagħhom, jirċievu smigħ pubbliku xieraq mingħajr dewmien minn qorti kompetenti, indipendenti u imparzjali jew minn tribunal internazzjonali; jappella lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex ineħħu l-kummissjonijiet militari u ma jadottawx liġi li tippermetti detenzjoni indefinita fl-Istati Uniti;

4.  Jemmen li peress li kienu l-awtoritajiet tal-Istati Uniti li ħolqu l-problema, huma prinċipalent responsabbli biex tinstab soluzzjoni li tiżgura li l-priġunieri ta' Gwantanamo jingħataw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali fuq il-bażi tal-liġi internazzjonali u tal-liġi kostituzzjonali tal-Istati Uniti, u jiżguraw li:

  • li jingħatalhom smigħ pubbliku xieraq mingħajr dewmien minn qorti kompetenti, indipendenti u imparzjali u li tingħatalhom sentenza u jinżammu f'ħabs fl-Istati Uniti jekk jinstabu ħatja ta' delitti li akkużathom bihom l-Istati Uniti,
  • dawk li ma ġewx akkużati jew li nħelsu mill-akkużi għandhom jingħataw l-għażla li jingħataw residenza jew iċ-ċittadinanza tal-Istati Uniti jew jintbagħtu lura fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom, jew li jingħataw l-ażil jew protezzjoni umanitarja mill-Istati Uniti, jew f'pajjiż terz, jekk ikun hemm ir-riskju li fil-pajjiż tagħhom ikunu persegwitati, u għandhom jingħataw l-aċċess għal mekkaniżmu ta' rimedju jew kumpens skont l-Artikolu 14 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura;

5.  Ifakkar li bosta Stati Membri tal-UE kienu involuti jew ikkooperaw b'mod attiv jew passiv mal-awtoritajiet tal-Istati Uniti fit-trasport illegali u/jew fiż-żamma ta' priġunieri mis-CIA u mill-militar tal-Istati Uniti lejn Gwantanamo u lejn 'ħabsijiet sigrieti' rikonoxxuti mill-President Bush - kif intwera minn informazzjoni żvelata reċentement rigward l-awtorizzazzjonijiet tal-gvernijiet għat-talbiet tal-Istati Uniti biex isiru titjiriet u minn informazzjoni tal-gvern dwar il-ħabsijiet sigrieti - u li l-Istati Membri tal-UE għandhom parti mir-responsabilità politika għaż-żamma tal-persuni fi Gwantanamo u fil-faċilitajiet ta' detenzjoni;

6.  Jemmen li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom jesprimu d-disponibilità tagħhom li jilqgħu l-prinġunieri li ma ġewx akkużati, li kienu lliberati jew meħlusa mill-akkużi u li hemm ir-riskju li jkunu persegwitati f'pajjiżhom, u jagħtuhom l-ażil jew il-protezzjoni umanitarja, jekk l-Istati Uniti jonqos milli jagħmel dan;

7.  Jilqa' l-fatt li l-Kunsill, l-Istati Membri tal-UE u l-Kummissjoni ddiskutew dwar il-Gwantanamo fil-Laqgħa Ġenerali tal-Kunsill tas-26 ta' Jannar u jistidinhom jilħqu pożizzjoni komuni dwar il-ħtieġa li l-Istati Membri jilqgħu l-prinġunieri li kontrihom mhux se jinġiebu akkużi imma ma jistgħux immorru lura fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom minħabba biża' li jiġu ttorturati jew li jsir ksur ieħor serju tad-drittijiet tal-bniedem; għandhom ukoll jagħmlu monitoraġġ kontinwu tal-proċess tal-għeluq ta' Gwantanamo u tad-destin tal-priġunieri fi Gwantanamo u fil-ħabsijiet sigrieti, biex ikunu żgurat li jingħataw id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali li jisħoqqilhom u jkunu eżaminati talbiet potenzjali mill-awtoritajiet tal-Istati Uniti; jilqa' ż-żjara tas-Sur Barrot u tal-Presidenza Ċeka fl-Istati Uniti biex tiġi diskussa l-kwistjoni ta' Gwantanamo;

8.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet tal-Istati Uniti biex jinvestigaw u jiċċaraw kompletament l-abbużi u l-ksur tal-liġi internazzjonali u nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-libertajiet fundamentali, il-projbizzjoni kontra t-tortura u t-trattament ħażin, l-għebien infurzat u d-dritt għal smigħ xieraq b'konnessjoni mal-"gwerra kontra t-terroriżmu'" sabiex ikunu stabbiliti r-responsabilitajiet, inkluża dik għal Gwantanamo, għaċ-ċentri ta' detenzjoni sigrieti u għall-programm ta' konsenji straordinarji, u biex ikun żgurat li ksur bħal dan ma jerġax isir fil-futur u li l-ġlieda kontra t-terroriżmu ssir billi jkun hemm rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;

9.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Frar 2007 dwar l-allegat użu tal-pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u ż-żamma illegali ta' priġunieri;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Għoli għall-Politika Komuni Barranija u ta' Sigurtà, lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO, lis-Segretarju Ġenerali u lill-President tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lill-President u lill-Kungress tal-Istati Uniti tal-Amerika.