Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0107/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0107/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

4.3.2009

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Daniel Cohn-Bendit, Monica Frassoni, Rebecca Harms, Gisela Kallenbach u Claude Turmes
f'isem il-Grupp Verts/ALE
dwar il-kontribut għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-2009 f'dak li għandu x'jaqsam mal-Istrateġija ta' Liżbona

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0107/2009

B6‑0107/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kontribut għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-2009 f'dak li għandu x'jaqsam mal-Istrateġija ta' Liżbona

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kriżi finanzjarja kienet diġa dieħla bilmod fl-2007; billi, sena ilu fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-programm ta' Liżbona[1], il-Parlament diġà indika 'l-importanza predominanti tas-salvagwardja tal-istabilità tas-swieq finanzjarji', innota 'li l-kriżi tas-self subprime turi l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tiżviluppa miżuri ta' sorveljanza ekonomika sabiex tissaħħaħ it-trasparenza u l-istabilità tas-swieq finanzjarji u l-konsumaturi jkunu protetti aħjar' u talab 'evalwazzjoni tas-sistemi u l-istrumenti kurrenti ta' superviżjoni prudenzjali fl-Ewropa',

B.  billi l-kriżi ekonomika attwali għandha tipprovdi opportunità biex jiġu evalwati mill-ġdid l-arranġamenti ekonomiċi globali u t-tgħalim ekonomiku prevalenti; billi, filwaqt li tiġi indirizzata l-kriżi fuq tul ta' żmien qasir, għandha tittieħed l-opportunità biex isiru riformi aktar fil-fond li jippermettu lid-dinja li tidħol fis-seklu 21 b'sistema finanzjarja iktar ekwa u stabbli

C.  billi, skont l-Artikolu 100(2) tat-Trattat konsolidat, hemm l-għażla li Stat Membru tal-UE li jinsab fi problemi finanzjarji serji jiġi mgħejun; jinnota li dan l-artikolu jistipula li meta Stat Membru jkun f'diffikultà jew ikun mhedded b'mod serju minn diffikultajiet gravi riżultat ta' ċirkostanzi eċċezzjonali lil hinn mill-kontroll tiegħu, il-Kunsill li jaġixxi b'maġġoranza kwalifikata fuq proposta tal-Kummissjoni, jista' jagħti, taħt ċerti kundizzjonijiet, assistenza finanzjarja lill-Istat Membru kkonċernat,

D.  billi ċ-ċaqliq ta' triljuni ta' dollari bil-għan li tiġi indirizzata s-sitwazzjoni inkwetanti jirrappreżenta - jekk indirizzati lejn il-proġetti t-tajba - opportunità li sa sena ilu lanqas kienet fil-ħsieb,

E.  billi l-Global Green New Deal, kunċett imniedi f'Ottubru 2008 mill-Programm Ambjentali tan-Nazzjonijiet Uniti, jindirizza s-sitwazzjoni ekonomika ħażina u għandu jkun l-għajn ta' ispirazzjoni għall-istrateġiji tal-UE għall-irpiljar,

F.  billi ħafna gvernijiet fl-UE għandhom it-tendenza li jkollhom reazzjoni ta' loġika nazzjonali antika, li mhix reazzjoni xierqa għall-problema mill-aspetti ekonomiċi u politiċi,

L-għeruq tal-kriżi

1.  Jenfasizza li l-kriżi finanzjarja m'għandhiex titqies bħala "diżastru naturali" jew inċident, imma hija magħmula mill-bniedem u hija r-riżultat ta' ideoloġija neoliberali bi twemmin li s-suq u l-atturi l-kbar tiegħu huma l-aqwa regolaturi;

2.  Ifakkar li, sena ilu, fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-programm ta' Liżbona l-Parlament diġà stieden lill-Kummissjoni biex tressaq 'rakkomandazzjonijiet dwar kif għandha tittejjeb l-istabilità tas-sistema finanzjarja u l-kapaċità tagħha li tipprovdi finanzjamenti siguri u fit-tul għall-intrapriżi Ewropej';

3.  Għaldaqstant, jikkritika bis-saħħa lill-Kummissjoni u, b'mod partikulari lill-President tagħha, s-Sur Barroso, u l-Kummissarju Mc Creevy, għax naqsu milli jsegwu kif xieraq dawn il-punti ta' tħassib u għax segwew il-politika dejjiema tagħhom ta' deregolamentazzjoni sempliċi u ta' "laissez-faire" fis-settur;

4.  Jemmen li l-kriżi attwali hija espressjoni ta' kriżi trippla f'dak li jirrigwarda l-iżviluppi ekonomiċi, soċjali u ambjentali; għalhekk, iwissi kontra l-promozzjoni ta' 'pjan ta' rkupru', li jipprova biss ireġġa' lura s-sitwazzjoni lejn il-mudell li wassala fis-sitwazzjoni attwali; għalhekk, iwissi kontra s-sempliċi żieda ta' flus fl-ekonomija u l-applikar ta' approċċ ibbażat fuq l-immaniġġjar mhux irfinut tad-domanda, li joħolqu r-riskju li l-kriżi ambjentali u soċjali tiggrava;

5.  Iħeġġeġ lill-Kunsill biex jieħu impenn serju dwar l-integrazzjoni tal-istrateġiji ta' Liżbona u ta' Gothenburg, kif ukoll dwar il-programm Ewropew għall-irkupru, sabiex l-UE tadotta approċċ wieħed li jkopri kollox fir-rigward tal-isfidi li ġejjin;

6.  Jemmen li l-istimolu ekonomiku għandu jkun ikbar, aktar koordinat u mmirat aħjar minn dak kollu li ġie diskuss s'issa fl-UE, biex il-ħolqien ta' strumenti finanzjarji u ta' proċeduri ġodda jsir ħtieġa, fejn waħda mill-kundizzjonijiet minn qabel hija l-istabbilizzazzjoni immedjata tas-sistema finanzjarja globali;

Arkitettura Finanzjarja Ġdida għall-UE u lil hinn

7.  Jinnota li minħabba liġijiet laxki tal-kompetizzjoni, l-istituzzjonijiet finanzjarji kibru b'mod li saru kbar wisq biex ikun permess li jfallu u fil-prattika ma kienx hemm alternattiva ħlief li tingħata għajnuna lil dawn l-istituzzjonijiet mit-taxxi taċ-ċittadini;

8.  Jinnota li waħda mill-lezzjonijiet tal-kriżi għandha tkun li s-swieq finanzjarji jerġgħu jiġu orjentati lejn l-irwol ta' 'qaddejja' tal-'ekonomija vera';

9.  Jemmen li r-regolamentazzjoni finanzjarja, inklużi t-trasparenza stretta, l-iżvelar u r-regoli ta' superviżjoni, għandha tkopri l-organizzazzjonijiet finanzjarji kollha u għandha tiġi infurzata; jappella sabiex ikun hemm iktar proposti leġiżlattivi u ftehimiet internazzjonali li jkunu kapaċi jittrattaw t-teħid ta' riskji kbar, id-dejn eċċessiv u ekonomija fuq tul ta' żmien qasir bħala l-għejun bażiċi tal-kriżi; ifakkar lill-Kummissjoni fl-obbligu tagħha biex tirrispondi għat-talbiet tal-Parlament dwar ir-regolamenti ta’ fondi ta’ lqugħ u ekwità privata;

10.  Iqis li l-'Ewropizzazzjoni' tal-istruttura ta' superviżjoni finanzjarja hija ħtieġa immedjata u jirrakkomanda li l-BĊE jkun involut f'superviżjoni makro-prudenzjali fl-EU kollha ta' istituzzjonijiet finanzjarji ta' importanza sistematika fuq il-bażi tal-Artikolu 105(6) tat-Trattat; iħeġġeġ biex isiru sforżi serji sabiex jintlaħaq ftehim malajr dwar regolatur finanzjarju globali, istituzzjoni li tista' wkoll tikkoordina r-regolamentazzjoni taċ-ċentri finanzjarji kollha, inklużi dawk offshore;

11.  Jirrimarka li l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom is-sehem tagħhom ta' responsabilità għall-kriżi; jilqa' l-appell tal-Kunsill Ewropew sabiex titħaffef il-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni li r-regoli li jirrigwardaw l-aġenziji tal-klassifikazzjoni ta' kreditu jsiru aktar stretti; f'dan ir-rispett, iqis li huwa importanti ħafna li tkun żgurata r-reġistrazzjoni tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu, u li ma jkunx hemm attività ta' klassifikar u attivitajiet oħra ta' kumpanija li jsiru mill-istess aġenzija; hu tal-opinjoni li l-Kummissjoni għandha tipproponi li titwaqqaf aġenzija tal-klassifikazzjoni tal-kreditu pubblika u indipendenti tal-UE sabiex titjieb it-trasparenza f'dan is-settur;

12.  Jipproponi li l-Kunsill jadotta miżuri malajr li jippermettu li istituzzjonijiet finanzjarji f'pajjiżi li jirrifjutaw li jkunu konformi mal-istandards internazzjonali jitwaqqfu milli jinnegozjaw ma' dawk f'ekonomiji regolati u japplika sanzjonijiet lill-pajjiż u lit-territorji kollha li ma jikkoperawx; jinnota li l-istabilità finanzjarja globali hija ġid pubbliku, u li r-responsabilità tas-salvagwardja tagħha hija tal-mexxejja politiċi;

13.  Iħeġġeġ, fid-dawl tal-laqgħa tal-G20 li ġejja, biex jitwaqfu progressivament superviżjoni finanzjarja u sistema regolatorja multilaterali; jappella lill-Kunsill biex jiddefendi l-pożizzjoni komuni dwar l-għeluq ta' kenn fiskali u kontroll strett tal-iskema ta' remunerazzjoni bħala prijoritajiet biex tintradd lura l-istabilità finanzjarja; ifakkar fil-ħtieġa li ssir riforma fit-tmexxija tal-Istituzzjonijiet Bretton Woods sabiex jiġu modifikati d-drittijiet ta' votazzjoni u titwaqqaf skema ta' maġġoranza doppja tal-istati membri u tas-sehem ta' kapital; jappella sabiex ikun hemm definizzjoni mill-ġdid tal-qafas tas-sostenibilità tad-djun tal-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, twaqqif ta' mekkaniżmu multilaterali għal sistema ta' ħlas ta' djun u ta' qafas għal self responsabbli; jappella sabiex ikun hemm regolamentazzjoni stretta għal tranżazzjonijiet derivattivi over-the-counter; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħu u jitwessgħu r-regoli prudenzjali lil hinn mill-qafas Bale II sabiex jiżdiedu b'mod sostanzjali r-rekwiżiti ta' riservi obbligatorji tal-banek u jkun hemm limitu fuq it-titolizzazzjoni; ; jappella sabiex ikun hemm rekwiżiti preċiżi ta' żvelar, kapital u djun għall-fondi ta' lqugħ u għall-ekwità privata;

14.  Iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew biex waqt il-laqgħa G20 jappoġġa l-proposta UNCTAD dwar it-twaqqif ta' reġim multilaterali ġdid li jevita l-ispekulazzjoni fil-munita u jipprovdi spazju ta' politika għall-pajjiżi kollha biex isegwu politiki fiskali u monetarji espansivi sabiex jipproteġu l-impjiegi u l-ekonomija domestika tagħhom quddiem reċessjoni jew kriżi finanzjarja;

Green New Deal

15.  Jinnota li l-konsum li jikseb is-saħħa tiegħu mill-kreditu, tal-ekonomija l-iktar għonja tad-dinja, bena defiċits ekoloġiċi kbar, u huwa minħabba dan li għandna nevitaw l-użu ta' approċċ sempliċ ta' mmaniġġjar tad-domanda sabiex l-ekonomija titnieda mill-ġdid;

16.  Iwissi kontra biljuni f'għajnuna bl-addoċċ lill-industriji qodma u f'mudelli ekonomiċi li għaddha żmienhom, għax dan ifisser li l-użu ta' flus tajba wara dawk ħżiena u fl-istess ħin nipotekaw il-futur ta' wliedna;

17.  Jemmen li l-abbandun tal-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u s-sospensjoni tal-investimenti ambjentali jkun żball qerriedi b'impatt immedjat u interġenerazzjonali;

18.  Jilqa' l-kunsens wiesa' fi u madwar l-Unjoni Ewropea kollha dwar l-azzjoniji politika qawwija li teħtieġ li tittieħed sabiex tingħeleb il-kriżi ekonomika attwali; madankollu, jemmen li l-miżuri li ttieħdu mhumiex proporzjonati mal-isfida, l-ewwel għax ma jiffukawx b'mod xieraq fuq il-ħtiġijiet futuri tas-soċjetajiet tagħna, u t-tieni għax ma jipprovdux tweġiba 'Ewropea'; jenfasizza li f'dan il-kuntest, reazzjoni Ewropea koordinata hija kruċjali biex ikun evitat li l-pjanijiet nazzjonali jissegwew minn potenzjal ta' kunflitti u spejjeż addizzjonali;

19.  Iħeġġeġ li l-kriżi tidher bħala inċentiv ieħor biex jitkomplew l-isforzi fil-konverżjoni ekoloġika tant hi meħtieġa tal-industrija, u jħeġġeġ sabiex il-biċċa l-kbira tal-fondi pubbliċi ta' rkupru jiġu indirizzati lejn investimenti 'li jirrispettaw l-ambjent', li jagħtu riżultat, b'inqas bidla fil-klima u dipendenza fuq l-enerġija, kontijiet tad-dawl irħas u inqas degradazzjoni ambjentali, u kwalità ta' ħajja aħjar għaċ-ċittadini; jenfasizza li l-ittardjar tal-azzjoni meħtieġa sfortunatament se jwassal għal spejjeż ikbar;

20.  Jinnota li l-investimenti fl-'Ekonomija li tirrispetta l-ambjent' (tiġdid enerġetiku tal-bini, enerġiji li jiġġeddu, trasport pubbliku) għandhom il-potenzjal li jikkawżaw benefiċċju tripplu ta’ ħolqien ta’ impjiegi, tnaqqis fl-impatt fuq il-klima u indipendenza enerġetika msaħħa tal-UE u li jagħtu lill-industrija Ewropea vantaġġ tal-inizjattiva fuq reġjuni oħra fid-dinja li għadhom iridu jaħtfu l-inizjattiva u jkampaw mar-revoluzzjoni industrijali li jmiss, jiġifieri r-revoluzzjoni li tirrispetta l-ambjent;

21.  Jenfasizza l-fatt li l-Kummissjoni tistima li l-għadd ta' persuni li bħalissa qed jaħdmu fl-ekonomija li tirispetta l-ambjent huma 3.5 miljuni; jenfasizza li, jekk id-definizzjoni tkun aktar wiesgħa u jitqiesu l-effetti indiretti, diġà hemm madwar 8 miljuni ta' impjiegi li jiddependu fuq dawn l-industriji; skont studju riċenti, b’volum ta’ 120 biljuni ta' Euro (madwar 1% tal-Prodott Gross Nazzjonali tal-UE 27), jistgħu jinħolqu iżjed minn żewġ miljun ta' impjiegi fis-settur tal-enerġija li tiġġedded;

22.  Jenfasizza li l-industrija tal-bini hija l-ikbar settur ekonomiku waħdieni tal-UE, b’forza tax-xogħol ta' madwar 26 miljun ta' impjiegi diretti u indiretti, l-iżjed fl-SMEs; jenfasizza li l-istimulazzjoni tal-iżolazzjoni termika u t-tiġdid tal-istokk tal-bini eżistenti jistgħu jistgħu jkollhom parti prinċipali fl-irkupru ekonomiku, fil-ħolqien tal-impjiegi u fl-iffrankar tal-enerġija;

23.  Jinnota li minn studju li sar mid-Dipartiment għall-Enerġija u l-Bidla fil-Klima fir-Renju Unit ġie konkluż li fl-għaxar snin li ġejjin fir-Renju Unit jistgħu jinbnew bejn 5,000 u 7,000 turbini tar-riħ ’il barra mill-kosta, li jiġġeneraw enerġija daqs 25 impjanti kbar tal-elettriku li jaħdmu bil-faħam u jnaqqsu l-emissjonijiet totali tad-dijossidu tal-karbonju tar-Renju Unit b’14% u joħolqu sa 70,000 impjieg fir-Renju Unit;

24.  Jinnota minn issa sal-2030 huwa stimat li se jkun jeħtieġ madwar triljun ta' euro ta' investimenti fin-netwerk elettrika tal-UE u fil-kapaċità ta' ġenerazzjoni u 150 biljun euro fuq netwerks tal-gass; jenfasizza li l-infiq tal-UE fuq il-proġetti dwar l-enerġija għandu jiffoka fuq dawk l-investimenti li jipprovdu l-ogħla valur miżjud u l-ogħla effiċċjenza f'termini ta' spejjeż, bl-għan li jinkisbu l-objettivi tal-UE fil-politiki dwar il-bidla fil-klima, notabilment fl-iffrankar tal-enerġija u l-proġetti dwar l-effiċjenza tal-enerġija, kif ukoll l-investimenti f'netwerks ta' enerġija li tiġġedded;

25.  Jemmen li programm ta' investiment ta' 500 biljuni ta' euro madwar l-UE li jkollu objettivi sodi għas-sostenibilità fuq il-ħames snin li ġejjin (100 biljun euro fis-sena, li jirrappreżentaw madwar 0.7% tal-Prodott Gross Domestiku tal-EU 27 ta' kull sena) jista' joħloq u jissalvagwardja 5 miljuni ta' impjiegi, fejn nofs l-impjiegi jinħolqu fis-sentejn li ġejjin;

26.  Jinnota li l-Pjan għall-Irkupru Ekonomiku tal-Kummissjoni rigward il-proġetti tal-enerġija huwa mfassal ħażin għax qiegħed jalloka l-għajnuna tal-istat b’mod kważi esklussiv lill-oligopolji l-kbar tal-enerġija u tat-telekomunikazzjoni, u b’hekk qed iħalli barra sħab li huma importanti għall-bidla bħall-SMEs, il-kumpaniji tat-teknoloġija li tirrispetta l-ambjent u l-ibliet u r-reġjuni tal-UE; jikkritika l-fatt li l-ERP tal-Kummissjoni jistrieħ ħafna fuq proġetti li mhumiex lesti għal investiment konkret fis-sentejn li ġejjin, u jxaqleb bil-qawwi lejn it-teknoloġiji CCS u l-infrastruttura enerġetika, li ser jeħtieġu bosta snin biex ikollhom l-awtorizzazzjonijiet neċessarji, b'dannu għall-firxa vasta ta' teknoloġiji ta' enerġija li tiġġedded u tas-settur tal-bini li jistgħu jiġu attivati malajr fi sħubija strateġika ma’ bliet u reġjuni Ewropej, u għalhekk l-ERP ser ikollu impatt fuq perjodu qasir fuq l-impjiegi;

27.  Jenfasizza li l-investiment New Deal għandu jkollu wkoll l-objettiv tal-qliegħ fl-effiċjenza u fis-sostituzzjoni ta’ riżorsi minbarra ż-żejt, li ħafna minnhom aktarx ser isiru skarsi fuq perjodu ta’ żmien medju sa qasir u ser ixekklu l-iżvilupp ta’ ċerti setturi, bħall-informazzjoni, il-komunikazzjoni u l-industrija tad-divertiment; jinnota li skont studji riċenti, jista' jsir qliegħ kbir fl-effiċjenza fuq dawn il-materjali, li għandhom inaqqsu l-iskart, l-ispejjeż u d-dipendenza fuq ir-riżorsi;

28.  Jirrimarka li l-Green New Deal għandu jittratta wkoll il-kriżi soċjali permezz ta' investiment massiv fis-servizzi soċjali, b'mod partikulari fl-edukazzjoni u fis-saħħa, billi jżid bil-kbir l-għadd ta' għalliema u jtejjeb il-kundizzjonijiet fiżiċi tat-tagħlim għat-tfal u l-istudenti tagħna, u dan kollu huwa investiment li għandu jagħti l-frott fil-ġejjieni;

29.  Jemmen li l-Istrateġija ta’ Liżbona mhix ser tilħaq l-għanijiet tagħha jekk ma taħsibx għal dimensjoni soċjali b’saħħitha li tintegra ruħha fis-suq wieħed; iħeġġeġ lill-Kunsill biex iħejji l-pedament għal politika ta’ konverġenza ta’ salarji minimi u ta’ drittijiet soċjali fuq perjodu ta' żmien medju; jemmen li politika li tnaqqas is-sahra tista' tagħti kontribut fil-ħolqien tal-impjiegi u fil-qsim iżjed ġust tal-opportunitajiet;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-Fond Soċjali Ewropew jiffoka fuq it-taħriġ mill-ġdid u ż-żieda tal-impjegabilità kif ukoll fuq l-attivitajiet tal-inklużjoni soċjali sabiex jixxejnu l-agħar effetti soċjali tal-kriżi; jitlob bil-qawwa li l-ugwaljanza bejn il-ġeneri tiġi integrata f’dawn il-politiki;

L-iffinanzjar ta' programm ta' rkupru li jirrispetta l-ambjent

31.  Bħala regola ġenerali iħeġġeġ sabiex il-finanzjaturi kollha jiġu subordinati għall-irwol proprju tagħhom bħala qaddejja tal-iżvilupp ekonomiku u tal-benessri, u jrid li f-finanzi pubbliċi u l-garanziji pubbliċi kollha li jintefqu fi programmi ta’ rkupru jkunu allokati għall-iffaċilitar tat-tranżizzjoni lejn żvilupp ekonomiku li jkun enerġetikament effiċjenti, ibbazat fuq l-enerġija li tiġġedded, ħieles min-nukleari, soċjalment ġust u konxju mill-ġejjieni;

32.  Jinnota li s-sussidji għal bad banks privati jew għal bad banks pubbliċi li jappoġġjaw banek privati b’assi tossiċi, jfissru biss it-trasferiment tat-taxxi taċ-ċittadini f'banek problematiċi; jirrakkomanda, minflok, li fejn ikun meħtieġ, jingħata appoġġ pubbliku permezz tal-parteċipazzjoni ta’ ekwità privata;

33.  Jinnota l-importanza tar-reviżjoni baġitarja ppjanata għall-2009, li għandha tinkludi proposti skjetti għal ċaqliqa fil-programmazzjoni waqt ir-reviżjoni ta' żmien medju tal-programmi plurijennali sabiex twieġeb għall-effetti negattivi tal-kriżi u biex tqis l-isfidi kbar ippreżentati mill-bidla fil-klima;

34.  Jemmen li l-Bank Ewropew tal-Investiment, id-driegħ finanzjarju tal-UE u l-ikbar sellief pubbliku fid-dinja, għandu sehem ewlieni fil-provvediment tal-kapital għall-irkupru; iħeġġeġ biex il-kapital imħallas tal-Istati Membri bħala l-azzjonijsti tal-BĊE għandu jiżdied b’mod sinifikanti sabiex l-BĊE ikollu kapaċità ta’ self ferm ikbar li b’hekk tikkostitwixxi effett ta' lieva ferm ogħla fuq il-volum tal-investimenti, filwaqt li jittejjeb il-kontroll tal-konformità mas-sostenibilità fuq il-proġetti;

35.  Jemmen li taħt iċ-ċirkostanzi preżenti il-Bank Ewropew tal-Investiment għandu jitħalla juża ir-rifinanzjament mill-BĊE; jenfasizza l-fatt li - b'rata ta' finanzjar mill-ġdid mill-BĊE ta' 2% - il-Bank Ewropew tal-Investiment jista' jinfluwenza b'5 biljuni ta' euro użati bħala sussidji fuq l-interessi, total ta' 250 biljun euro fi krediti bla interessi għall-investituri pubbliċi jew privati għall-investiment li jirrispetta l-ambjent u għat-teknoloġiji avvanzati, b'hekk ikun ta' għajnuna biex titaffa l-bidla fil-klima u jitnaqqsu l-ispejjeż relatati;

36.  Jappella biex il-fond Marguerite 2020, li huwa maħsub biex jipprovdi ekwità diretta lill-proġetti tal-infrastruttura u tal-enerġija ta’ interess Ewropew, jibda jaħdem kemm jista’ jkun malajr, u jipproponi li jinjetta fih l-flus mill-baġit tal-Pjan għall-Irkupru Ewropew biex ikun hemm l-ikbar effett ta’ lieva u riżultati immedjati; jappella biex jiġi ffirmat memorandum ta' ftehim bejn il-Parlament u l-istituzzjonijiet Ewropej l-oħra sabiex ikun żgurat l-investiment fi proġetti verament sostenibbli;

37.  Jixtieq li l-Kummissjoni tressaq proposti biex issaħħaħ it-tassazzjoni enerġetika madwar l-UE kollha, li jistgħu jgħinu biex il-produzzjoni u l-konsum ikunu orjentati mill-ġdid ħalli jitbiegħdu minn prodotti u servizzi li jipperikolaw il-klima u li jippermettu ċaqliqa ta’ tassazzjoni minn bażi tax-xogħol għal bażi enerġetika;

38.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tressaq proposti dwar l-introduzzjoni ta’ taxxa ta’ tranżazzjoni finanzjarja madwar l-UE kollha li tista’ tgħin fil-finanzjament ta’ investiment fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jixxejnu l-agħar konsegwenżi tal-kriżi u sabiex tibqa’ żżomm triqtha fil-kisba tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp;

39.  Jappella biex il-kumitat fiskali tan-NU jinbidel f’korp intergovernattiv sabiex tiġi ttrattata l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa; jappella biex issir riforma fit-tmexxija tal-korp li jistabbilixxi l-istandards tal-kontabilità (IASB) sabiex ikunu żgurati r-responsabilità lejn il-pubbliku, it-trasparenza u r-rispett tal-prinċipju ta’ prekwazjoni;

Strateġija ta’ Liżbona Mġedda

40.  Jirrimarka li l-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, li f’dawn l-aħħar disa’ snin kien is-sies tal-istrateġija ta’ Liżbona, wera l-limitazzjonijiet tiegħu quddiem sfidi interni u esterni li qiegħda tiffaċċja l-Unjoni Ewropea;

41.  Jemmen li għandu jsir qbil bejn il-mexxejja tal-UE dwar qafas vinkolanti ġdid għal koordinazzjoni iżjed mill-qrib tal-politika ekonomika fuq perjodu ta’ żmien qasir u li għandha tiġi stabbilita politika ekonomika komuni xierqa tal-UE fuq perjodu ta’ żmien medju; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel evalwazzjoni bir-reqqa tal-aħħar disa' snin tal-istrateġija ta' Liżbona u biex tressaqha qabel tmiem l-2009; jenfasizza, f’dan il-kuntest, li m’huwa evidenti xejn kif għandu jitkejjel is-suċċess tal-Istrateġija ta' Liżbona u liema indikaturi jkunu mezzi xierqa biex jitkejjel 'il-progress'; ifakkar li t-tkabbir ekonomiku mhuwiex għan fih innifsu u li ċ-ċifri GDP/GNI ma jistgħux jitqiesu bħala punt ta' referenza xieraq għal welfare;

42.  Iħeġġeġ sabiex l-indikaturi l-ġodda għas-sorveljanza tal-proċess ta' Liżbona jiġu mgħaduda, inklużi l-indikaturi tal-kwalità tal-ħajja; għaldaqstant, jilqa' l-ħidma li saret minn diversi Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni sabiex ikunu żviluppati indikaturi kwalitattivi ġodda; jistieden lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jevalwaw il-miżuri politiċi u l-pjanijiet nazzjonali tagħhom anki b'indikaturi bħall-emmissjonijiet CO2, l-intensità enerġetika tal-ekonomija, ir-rata tar-riskju ta' faqar u t-telf ta' bijodiversità;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tuża dawn l-indikaturi l-ġodda fl-evalwazzjonijiet li se jsiru tal-Programmi Nazzjonali għall-Irkupru u tinkorporhom fil-monitoraġġ tal-Kummissjoni, b'hekk toħloq stampa iktar komprensiva u xierqa tas-suċċessi u tan-nuqqasijiet tal-Istrateġija ta' Liżbona-Gothenburg;

44.  Jappella lill-Kummissjoni biex tirrevedi l-lista ta' fondi rriservati ta' Liżbona, li tiddetermina l-użu ta' fondi strutturali fl-Istati Membri u fir-reġjuni, fid-dawl ta' indikaturi ġodda u billi tħassar kategoriji li jagħmlu aktar ħsara lill-klima;

45.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.