Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0108/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0108/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

4.3.2009

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Francis Wurtz, Ilda Figueiredo, Helmuth Markov u Kyriacos Triantaphyllides
f'isem il-Grupp GUE/NGL
dwar il-kontribut għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-2009 f'dak li għandu x'jaqsam mal-Istrateġija ta' Liżbona

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0108/2009
Testi mressqa :
B6-0108/2009
Testi adottati :

B6‑0108/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kontribut għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-2009 f'dak li għandu x'jaqsam mal-Istrateġija ta' Liżbona

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Lulju 2005 bit-titolu 'Azzjonijiet Komuni għat-Tkabbir u l-Impjiegi: Il-Programm Komunitarju ta' Liżbona' (COM(2005)0330),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta’ implimentazzjoni għall-Programm Komunitarju ta’ Liżbona tal-Kummissjoni 2008 - 2010 (COM(2008)0881),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni esterna tal-istrateġija ta' Liżbona għall-iżvilupp u l-impjiegi (COM(2008)0874),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tar-Riformi Strutturali tal-Istrateġija ta' Liżbona fil-kuntest tal-Pjan Ewropew ta' Rilanċ Ekonomiku (COM(2009)0034),

–  wara li kkunsidra s-27 Programm Nazzjonali tar-Riforma ta' Liżbona kif ippreżentati mill-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

Il-konsegwenzi tan-neoliberaliżmu: il-kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi jmorru għall-agħar

1.   Jenfasizza li l-UE ġarrbet minn żieda fil-faqar, fix-xogħol prekarju u fin-nuqqas ta' ugwaljanza, sitwazzjoni li tista' tmur għall-agħar, meta wieħed iqis li l-aħħar previżjonijiet juru li ġejja riċessjoni u żieda ta' madwar tliet miljuni u nofs fin-nies qiegħda fl-2009;

2.  Ifakkar li ż-żieda fil-faqar, fix-xogħol prekarju u fin-nuqqas ta' ugwaljanza ġrat qabel ma l-kriżi ekonomika u finanzjarja marret għall-agħar; jirrifjuta għalhekk, kull tentattiv biex il-kriżi ekonomika attwali tintuża bħala ġustifikazzjoni għall-kundizzjonijiet soċjali u ekonomiċi attwali;

   Jenfasizza li din il-kriżi turi mhux biss il-falliment tal-politiki tal-lemin, il-fundamentaliżmu prevalenti neoliberali u l-programm politiku relatat, u l-kapaċità li jiġu indirizzati l-problemi tal-ħaddiema u tal-popli, iżda wkoll jirrappreżenta daqqa ta' ħarta kbira għall-ħrafa tal-kapitaliżmu trijonfanti;

4.  Jiddenunċja u jiċħad it-tentattivi tal-UE li tgħatti l-kawżi reali tal-kriżi u li taħfer mhux biss lis-sistema kapitalista stess, iżda wkoll lir-responsabilitajiet tagħha; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-politiki li baqgħu għaddejjin għall-promozzjoni tad-deregolamentazzjoni finanzjarja, il-liberalizzazzjoni tas-swieq u l-privatizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi, il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ dinji, id-deregolamentazzjoni tar-relazzjonijiet tax-xogħol u t-theddida għad-drittijiet tal-ħaddiema li jagħmlu parti mill-Istrateġija ta' Liżbona u mill-Istrateġija Ewropea dwar l-Impjiegi, politiki li jippromwovu l-akkumulazzjoni ta' profitti kolossali mill-gruppi kbar ekonomiċi u finanzjarji, il-formazzjoni ta' monopolji kbar u d-deterjorament tal-istandards tal-għajxien tal-ħaddiema u tal-popli;

5.  Jenfasizza li l-kriżi attwali tal-kapitaliżmu ġġorr riskji serji li l-problemi ekonomiċi u soċjali jmorru għall-agħar, li dan ma jistax u m'għandux jiġi sottovalutat;

6.  Jinnota li l-aħħar żviluppi fis-sitwazzjoni nazzjonali u internazzjonali juru li, minkejja l-miljuni ta' ewro u ta' dollari li saru disponibbli biex is-sistema finanzjarja ssalva, il-kriżi qed tkompli u, fl-orizzont għadhom jidhru prospettivi koroh ta' riċessjoni ekonomika mifruxa; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-realtà qed turi li l-miżuri biex is-sistema finanzjarja tiġi rikapitalizzata mhumiex biżżejjed u li għandhom jiġu implimentati miżuri urġenti għall-ġlieda kontra l-kawżi li jinsabu fil-qalba tal-kriżi, li mhijiex biss kriżi finanzjarja;

7.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-miżuri li ttieħdu mill-Kunsill ta' Diċembru xejn ma huma qed jagħtu rispons xieraq għall-kawżi fil-qofol tal-kriżijiet attwali; ifakkar li l-hekk imsejjaħ Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku se jkun iffinanzjat fil-biċċa l-kbira minn kull Stat Membru, li juri x'jiġifieri dik li hi magħrufa bħala 'Soledarjetà Ewropea';

8.  Barra minn hekk, jiddeplora l-pożizzjonijiet li ħadu l-Kunsill u l-Kummissjoni - konformi mal-Business Europe - li jużaw is-sitwazzjoni attwali biex ikomplu għaddejjin bl-istess politiki miġbura fit-Trattat ta' Liżbona, li żdiedu l-ispekulazzjoni u l-esplojtazzjoni u li huma fil-qofol tal-iskala straordinarja ta' din il-kriżi; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sostenituri ta' politiki bħal dawn issa qed jaħdmu biex jiżguraw li, bażikament, kollox jibqa' l-istess;

9.  Iqis bħala inaċċettabbli l-fatt li bl-iskuża tal-kriżi li ġejja, il-ħaddiema, in-negozjanti ż-żgħar, il-bdiewa, il-pensjonanti, iż-żgħażagħ u n-nisa huma mistennija, bħas-soltu, jagħmlu sagrifiċċji kbar; iqis li jekk nibqgħu sejrin hekk se nkabbru l-kriżi;

Għal Ewropa ta' impjiegi bi drittijiet u għat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-ħaddiema u tal-popli

10.   Itenni l-impenn tiegħu għal Ewropa ta' koperazzjoni, progress soċjali u ugwaljanza, li tippromwovi l-ambjent u tirrispetta d-demokrazija, is-solidarjetà u l-paċi;

11.  Jitlob li jintwera rispett għar-rieda demokratika u sovrana tal-popli ta' Franza, tal-Olanda u tal-Irlanda, li rrifjutaw li l-UE ssir aktar neoliberali u militarista meta qalu 'LE' għall-'Kostituzzjoni Ewropea' u għat-Trattat ta' Liżbona;

12.  Jitlob li tiġi abbandunata b'urġenza l-Istrateġija ta' Liżbona u l-aġenda neoliberali tagħha bħala l-ewwel pass lejn iċ-ċaħda meħtieġa tal-politiki attwali;

13.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-tweġiba għall-problemi u għall-ħtiġijiet tal-ħaddiema u tal-popli m'għandhiex tinvolvi aktar regolamentazzjoni jew riformulazzjoni tas-sistema kapitalista iżda bidla fix-xejra tal-politiki makroekonomiċi u d-difiża tal-impjiegi u tad-drittijiet tal-ħaddiema;

14.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiddefendu setturi tal-produzzjoni tagħhom u l-impjiegi; jiġbed l-attenzjoni għar-rapporti kontinwi tat-telf tal-impjiegi fl-UE, li jeħtieġu risposta urġenti u xierqa;

15.  Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa għall-politika alternattiva bil-għan li jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u tal-popolazzjoni, filwaqt li tiġi garantita d-distribuzzjoni ġusta tad-dħul, tiġi stimulata l-attività ekonomika, jinħolqu l-impjiegi, jissaħħaħ l-irwol tal-istat fl-ekonomija, tingħata spinta lid-domanda, jiġi stimulat it-tkabbir ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, jissaħħaħ l-investiment, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet u l-partikularitajiet ta' kull Stat Membru;

16.  Jistieden lill-Kunsill tar-Rebbiegħa biex jadotta minnufih "Strateġija Ewropea għas-Solidarjetà u l-Iżvilupp Sostenibbli" bbażata fuq il-prinċipji msemmija hawn fuq, b'sett ġdid ta' politiki ekonomiċi, soċjali u ambjentali biex jiġi inkoraġġit l-investiment fi:

  • (i)il-kwalità tax-xogħol fl-aspetti kollha tiegħu (pagi, stabilità, kundizzjonijiet tax-xogħol u taħriġ) u t-titjib fil-kwalifiki, sabiex tinkiseb forza tax-xogħol li tkun imħarrġa tajjeb u kompetenti,
  • (ii)infrastruttura bażika u li tkun ta' appoġġ għall-industrija,

       (iii)   servizzi pubbliċi, sabiex titjieb il-kwalità tagħhom,

  • (iv)politika ta' koeżjoni b'saħħitha, sabiex tiġi promossa l-koeżjoni soċjali u ekonomika,
  • (v)il-ħarsien tal-ambjent u l-ekoteknoloġiji,
  • (vi)it-titjib tal-istandards tax-xogħol, soċjali, ambjentali u ta' sikurezza, sabiex ikun hemm armonizzazzjoni li tilħaq l-ogħla standards,

       (vii)   l-ekonomija soċjali,

       (viii)   il-protezzjoni soċjali, sabiex jinqered il-faqar u tkompli l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali,

  • (ix)ir-riċerka u l-innovazzjoni (fis-settur pubbliku), sabiex jiġu garantiti benefiċċji għal kulħadd,
  • (x)il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni ċivili fil-kultura, u fl-isports, kif ukoll
  • (xi)it-tmiem tal-finanzjament tal-ekonomija;

17.  Iqis li l-Patt ta' Stabilità u Tkabbir għandu jkun revokat filwaqt li jkun stabbilit Patt tal-Impjiegi u t-Tkabbir li jħeġġeġ l-investiment pubbliku, itejjeb l-effiċjenza, u joħloq kriterji speċifiċi ekonomiċi, soċjali u ambjentali mfassla fuq il-ħtiġijiet partikolari ta' kull Stat Membru, filwaqt li b'mod partikulari jiffoka fuq it-tnaqqis tal-qgħad;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex ikomplu mexjin f'din id-direzzjoni billi jfasslu Programm ta' Investiment Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Impjiegi u l-Inklużjoni Soċjali ta' mill-inqas 1% tal-GDP tal-UE, li għandu jkun ikkomplementat bit-twaqqif ta' programmi simili ta' investiment pubbliku mill-Istati Membri sabiex tiġi stabilizzata l-ekonomija, tilqa' għall-bidla fil-klima u tippromwovi x-xogħol għal kulħadd b'impjiegi ta' kwalità għolja u drittijiet soċjali;

19.  Jisħaq fuq il-ħtieġa ta' miżuri effikaċi li jiggarantixxu r-rispett u t-tisħiħ tad-drittijiet tal-ħaddiema, jiggarantixxu dħul deċenti għall-ħaddiema, b'mod partikolari għan-nisa, jiggarantixxu d-drittijiet għas-sikurezza u s-saħħa fuq il-post tax-xogħol, il-protezzjoni soċjali u l-libertà tat-trejdjunjins, u jippromwovu t-tneħħija ta' kull xorta ta' diskriminazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa fuq il-post tax-xogħol;

20.  Jinsisti fuq il-ħtieġa ta’ miżuri urġenti li jippromwovu żieda fis-saħħa tax-xiri biex jistimulaw id-domanda u jippromwovu l-attivitajiet ekonomiċi f'termini globali,

21.  Jistieden lill-Istati Membri biex jadottaw politiki għall-irkupru tal-pagi u l-pensjonijiet, billi titreġġa’ lura t-tendenza li l-gwadanni tal-produttività jiġu ttrasferiti b’mod sistematiku lejn l-impjegaturi, politiki li għandhom jagħtu kontribut favur iżjed ġustizzja fit-tqassim tal-ġid, favur it-titjib fil-livelli tal-ħajja tal-ħaddiema u tal-pensjonanti u favur l-irkupru ekonomiku;

22.  Jiġbed l-attenzjoni b’mod partikulari dwar il-ħaddiema milquta mill-qgħad li jeħtieġu miżuri ulterjuri u immedjati, bħall-estensjoni tal-kriterji għall-għoti tal-benefiċċji tal-qgħad u d-dewma tagħhom; iqis li huwa inaċċettabbli li l-impjegaturi jinqdew bil-kriżi bħala skuża sabiex ikeċċu eluf ta’ ħaddiema;

23.  Jenfasizza li ma jista' jkun hemm l-ebda reazzjoni għall-kriżi u l-konsegwenzi tagħha mingħajr it-tisħiħ tal-istat soċjali pubbliku; jitlob lill-Istati Membri biex isaħħu l-funzjonijiet soċjali tal-protezzjoni tal-istat u tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali, biex isaħħu l-investiment pubbliku fit-tagħmir, b’mod partikulari fin-nurseries u fid-djar tax-xjuħ, biex jiżviluppaw politika għad-djar li tiggarantixxi lil kulħadd id-dritt għall-akkomodazzjoni, biex jipproteġu u jiżviluppaw servizz tas-saħħa pubbliku u biex isaħħu s-sistema edukattiva tal-istat;

24.  Jenfasizza l-importanza li jiġu rrinforzati s-sistemi pubbliċi tas-sigurtà soċjali, u jfakkar li dan jiddependi wkoll mit-titjib fil-pagi; jirrimarka li l-fondi għall-pensjonijiet, b’mod speċjali l-fondi tal-pensjonijiet ażjendali, m’għandhomx jingħataw awtorizzazzjoni biex jiġu investiti fi prodotti finanzjarji bħal fondi protetti (hedge funds) u ekwità privata li jinvolvu diversi riskji sistematiċi, għax il-falliment ta' fondi bħal dawn jolqot ħażin id-drittijiet tal-pensjoni;

25.  Jistieden lill-Kunsill ukoll biex jistabbilixxi objettiv ambizzjuż biex inaqqas l-għadd ta’ persuni li jgħixu fil-faqar u biex jiżgura li ma jkunx hemm ‘ħaddiema foqra’; jenfasizza li dan jeħtieġ kumbinazzjoni ta’ pagi aħjar u aċċess servizzi pubbliċi li jkunu b’xejn, ta’ kwalità u universali;

26.  Jerġa’ jafferma l-oppożizzjoni tiegħu għall-abbozz tad-direttiva dwar il-ħinijiet tax-xogħol u jitlob li din il-proposta tiġi rtirata; jistieden lill-Kunsill, barra minn dan, biex jimpenju ruħu bil-qawwi favur tnaqqis tal-ħinijiet tax-xogħol li ma jnaqqasx il-pagi, u jistieden lill-Istati Membri biex jikkoordinaw l-isforzi biex il-ħin tax-xogħol jitnaqqas bil-mod il-mod sabiex jintlaħaq l-objettiv fuq perjodu qasir ta’ żmien ta’ ġimgħa tax-xogħol ta’ 35 siegħa;

27.  Jistieden lill-Istati Membri biex jabbandunaw l-approċċ tal-‘flessigurtà’ (flessibilità u sigurtà) u biex jadottaw miżuri li jissieltu l-prekarjetà, billi, pereżempju, jiżguraw li l-ma jiġux adottati forom prekarji ta’ xogħol meta x-xogħol ikun permanenti;

Għal Ewropa tal-progress ekonomiku, soċjali u ambjentali

28.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex isaħħu l-irwol u l-intervent tagħhom f'oqsma u setturi strateġiċi tal-ekonomija, b'mod partikulari fl-enerġija, fil-komunikazzjonijiet u fit-trasport, u biex jieħdu pożizzjoni dominanti u qawwija fis-settur finanzjarju;

29.  Jenfasizza l-importanza tas-servizzi pubbliċi għall-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali fl-UE; jisħaq li s-setturi strutturali pubbliċi m’għandhomx ikunu miftuħa għall-kompetizzjoni iżda, minflok, għandu jkollhom is-sjieda u l-ġestjoni tagħhom f'idejn l-awtoritajiet pubbliċi, għax dan huwa l-uniku mod biex jiġu żgurati l-kwalità, id-disponibilità u r-raġonevolezza fil-prezzijiet;

30.  Jenfasizza li l-baġit tal-Komunità għandu jintuża b’tali mod li jagħti prijorità lil politiki ta' konverġenza reali, li jkunu bbażati fuq il-progress soċjali u s-salvagwardja u l-promozzjoni tal-potenzjal ta' kull pajjiż, fuq l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u fuq il-ħarsien tal-ambjent, bil-għan ta’ koeżjoni ekonomika u soċjali reali;

31.  Jipproponi li ssir rijorjentazzjoni tal-objettivi tal-fondi strutturali u ta’ koeżjoni biex jitnaqqsu b’mod effettiv id-disparitajiet reġjonali, biex jiġu promossi l-koeżjoni ekonomika u soċjali u l-konferenza reali, u biex tiġi abbandunata l-‘Liżbonizzazzjoni’ kontinwa;

32.  Jistieden lill-Kunsill tar-Rebbiegħa biex jeżamina l-impenji mhux minfuqa taħt l-Intestaturi 1 u 2 u biex jadotta miżuri ħalli jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-fondi strutturali u ta' koeżjoni; jitlob, f’dan ir-rigward, għal żieda fil-livell tal-finanzjament Komunitarju u biex tiġi abbandunata r-regola n+2 u n+3 f’dawn il-fondi;

33.  Jissuġġerixxi li l-adozzjoni ta’ miżuri speċifiċi għall-mikro-intrapriżi u għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, bħal tnaqqis fl-ispejjeż tal-enerġija, tal-komunikazzjoni u tal-pedaġġ; jirrikonoxxi li l-miżuri li jħaffu l-aċċess għall-kreditu huma importanti, iżda jqis li s-sitwazzjoni ftit li xejn ser tinbidel, b'mod speċjali għall-mikro-intrapriżi u għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, sakemm ma jsirx titjib fis-setgħa tax-xiri u fid-domanda tal-konsumatur;

34.  Jitlob għal politika ġdida ta’ investiment industrijali li tisfrutta r-riżorsi naturali u l-kapaċità produttiva ta’ kull Stat Membru;

35.  Jinsisti fuq id-difiża tas-setturi produttivi, qabelxejn billi ssir evalwazzjoni immedjata tal-prospettivi tas-setturi li huma l-iżjed vulnerabbli għall-kriżi; jitlob għal programm Komunitarju ġdid li jappoġġja u jiżviluppa s-setturi produttivi f’kull Stat Membru ħalli jagħti kontribut favur il-ħolqien tal-impjiegi u biex jerġa’ jqajjem l-ekonomija fuq saqajha;

36.  Jitlob għal riforma profonda tal-politiki komuni għall-agrikoltura u għas-sajd, li għanda tiżgura is-sigurtà u s-sovranità tal-ikel ta’ kull Stat Membru, tippromwovi proġetti pubbliċi u tappoġġja lill-mikrokumpaniji u lill-kumpaniji żgħar u ta' daqs medju, lill-koperattivi u lill-awtoritajiet lokali, billi tikkonċentra l-fondi Komunitarji f'din id-direzzjoni u tikkoreġi l-asimetriji reġjonali;

37.  Itenni t-talba tiegħu għall-ħolqien ta’ qafas regolatorju fuq il-livell tal-UE li jikkastiga r-rilokazzjoni ta’ kumpaniji kemm fl-UE u kemm barra minnha, u għal miżuri li jwaqqfu r-rilokazzjoni ta’ kumpaniji, b’mod partikulari billi l-assistenza Komunitarja tkun ikkundizzjonata mill-issodisfar ta' ċerti obbligi, bħall-ħolqien tal-impjiegi u l-iżvilupp lokali, u li jwaqqafu l-korporazzjonijiet miltinazzjonali milli jkomplu jaħdmu b’impunità assoluta;

38.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tipproponi miżuri li jpoġġu l-oġġetti/prodotti impurtati fis-suq intern soġġetti għall-istess rekwiżiti li għandhom dawk maħduma fl-Istati Membri;

39.  Jitlob li l-prodotti impurtati jkunu kkontrollati u spezzjonati b’mod sistematiku u li fejn ikun meħtieġ jiġu adottati miżuri ta’ salvagwardja;

40.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tfassal politika ġdida għall-kummerċ internazzjonali biex tippermetti lill-industriji li joħolqu l-impjiegi u lill-attivitajiet ekonomiċi li jippersistu fil-ħidma tagħhom u jiżviluppaw, itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, jipproteġu u jibnu fuq id-drittijiet soċjali u jħarsu l-ambjent b'mod effettiv;

41.  Iqis li l-aħħar falliment tan-negozjati kummerċjali tad-WTO jindika li l-Unjoni Ewropea għandha tirrevedi l-politka tagħha rigward in-negozjati dwar il-kummerċ internazzjonali, u jħeġġeġ lill-UE biex tressaq proposti ġodda għan-negozjati kummerċjali multilaterali tal-ġejjieni bil-ħsieb li tadotta mekkaniżmi regolatorji u ta’ stabbilizzar għal sistema ġusta ta’ kummerċ internazzjonali, li jkollha l-għan li tittratta problemi globali bħall-faqar, in-nuqqas ta’ żvilupp u s-sovranità tal-ikel, l-għoli kontinwu tal-prezzijiet tal-ikel, l-epidemiji, il-persuni bla xogħol u r-rilokazzjonijiet, il-qerda tal-ambjent u l-bidla fil-klima;

42.  Jaqbel li l-Istati Membri u l-UE għandhom jagħmlu sforzi kuraġġużi biex itemmu d-dipendenza tagħhom fuq il-fjuwils fossili u biex ireġġgħu lura t-tendenzi insostenibbli li għandhom bħalissa; jenfasizza li s-sostenibilità ekoloġika u soċjali għandha tkun fiċ-ċentru tal-programmi ta’ investiment pubbliċi tal-UE u tal-Istati Membri; jinnota li l-investimenti għandhom jitmexxew lejn il-promozzjoni tal-enerġiji rinnovabbli, lejn il-firda bejn it-tkabbir ekonomiku u t-tkabbir enerġetiku, lejn it-titjib fl-effiċjenza enerġetika u lejn l-promozzjoni tal-iffrankar tal-enerġija, flimkien mal-iżvilupp u l-progress soċjali;

43.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jistħarrġu u jadottaw miżuri ulterjuri li jappoġġjaw l-utent aħħari biex b’hekk jistimulaw l-użu ta' enerġiji iżjed ħodor u l-effiċjenza enerġetika f’oqsma differenti bħad-djar, it-tagħmir jew il-flotot tal-karozzi, permezz ta' appoġġ Komunitarju fejn dan ikun meħtieġ;

44.  Jitlob li jkun hemm iżjed appoġġ għal investiment li jippromwovi t-tnaqqis fl-iskart, l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-materjali, u t-tnaqqis u t-trattament ta' skart industrijali perikoluż u ta’ skart tossiku;

45.  Jenfasizza li għandha ssir reviżjoni fl-Istatuti tal-ECB biex jiġi żgurat li l-kontroll politiku tal-ECB ikun f’idejn l-Istati Membri, u li għandha ssir reviżjoni tal-politika monetarja u tal-linjigwida tiegħu favur tkabbir ekonomiku b’saħħtu u l-impjiegi;

46.  Jilqa’ b’sodisfazzjon it-tnaqqis riċenti fir-rata tal-interessi mill-ECB, u jistieden lill-ECB biex jerħi iżjed il-politika monetarja tiegħu sabiex jirreaġixxi kontra r-riċessjoni ekonomika li ġejja; jikkritika l-fatt li t-tnaqqis fir-rata tal-interessi sar tard wisq biex ikollu effetti pożittivi kbar;

47.  Jirrimarka li l-EIB u l-EBRD għandhom jingħataw ir-riżorsi meħtieġa biex iżidu b'mod drastiku l-linji ta' kreditu tagħhom b'rati ta' mgħaxx baxxi ħafna għall-SMEs, l-awtoritajiet lokali u l-proġetti pubbliċi, il-produzzjoni u s-servizzi ekoloġiċi, is-servizzi soċjali u tas-saħħa eċċ, bil-kundizzjoni li dawn joħolqu impjiegi ta’ kwalità għolja bi drittijiet soċjali u b’pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti;

48.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jiżviluppaw miżuri ħalli jirreaġixxu kontra d-dejn dejjem jikber tal-familji u biex jgħinu lill-familji u lin-negozji ż-żgħar ikampaw mas-self għall-akkomodazzjoni u għan-negozju, inkluż permezz tal-iffissar amministrattiv tal-marġnijiet (spread), tal-kummissjonijiet, tar-rati tal-interessi u tal-kundizzjonijiet tal-aċċess għall-kreditu;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jadottaw miżuri li jabolixxu r-rifuġju mit-taxxa u ċ-ċentri finanzjarji ’l barra mill-kosta, biex jintroduċu t-taxxi fuq l-operazzjonijiet ta’ valuta (Taxxa Tobin) u transazzjonijiet tal-borża (inklużi transazzjonijiet over-the-counter) u biex jintaxxaw b’mod iktar qawwi l-ekonomija l-kbira u l-gruppi finanzjarji; jitlob lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu impenn sod ħalli jabolixxu r-rifuġju mit-taxxi u l-attivitajiet ’il barra mill-kosta fid-dinja kollha;

50.  Jipproponi l-iżvilupp ta’ ordni internazzjonali ġdida, fi ħdan il-qafas tan-NU, biex issir difiża ta’ relazzjonijiet ekonomiċi iżjed ġusti u iżjed ekwi, biex jiġu ggarantiti l-aċċess għall-ikel, l-ilma u l-enerġija u l-konservazzjoni ta' dawn ir-riżorsi, biex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-ħajja u biex jiġu missielta l-ġuħ, il-faqar u l-mard; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu żgurati r-rispett lejn is-sovranità, it-tisħiħ tal-paċi u l-koperazzjoni bejn in-nazzjonijiet, id-demokratizzazzjoni tan-NU u r-rispett lejn il-Karta tan-NU;

51.  Jirrimarka li għalkemm ir-reviżjoni tas-sistema monetarja u finanzjarja internazzjonali u l-inizjattiva li jiġu missielta l-privileġġi tad-dollaru huma neċessarji, dawn ma jistgħux isiru permezz tal-irkupru artifiċjali tal-euro, u askapitu tal-ekonomiji l-iżjed dgħajfa tal-UE;

52.  Jaqbel li jeħtieġ li tiġi stabilizzata s-sistema finanzjarja, iżda jqis li din teħtieġ regoli u impenji ċari u rimunerazzjoni ġusta tal-fondi pubbliċi, kif ukoll il-kastig xieraq ta' dawk responsabbli ta' prattiċi u spekulazzjoni qarrieqa;

53.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.