Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0109/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0109/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

5.3.2009

biex jingħalaq id-dibattitu dwar l-istqarrijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, minn
dwar il-kontribut għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-2009 f'dak li għandu x'jaqsam mal-Istrateġija ta' Liżbona

Proċedura : 2008/2644(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0109/2009
Testi mressqa :
B6-0109/2009
Testi adottati :

B6‑0107/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kontribut għall-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-2009 f'dak li għandu x'jaqsam mal-Istrateġija ta' Liżbona

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Rapport ta' Implimentazzjoni għall-Programm Komunitarju ta' Liżbona 2008-2010"[1] u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż,

–  wara li kkunsidra s-27 Programm Nazzjonali ta' Riforma ta' Liżbona kif ippreżentati mill-Istati Membri,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "L-Interess Ewropew: Suċċess fl-epoka ta' globalizzazzjoni"[2],– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-progress fl-implimentazzjoni tar-reviżjoni tas-suq uniku,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Rapport dwar l-aċċess għas-suq u d-definizzjoni għal qafas favur kooperazzjoni regolatorja internazzjonali aktar effettiva"[3],

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Qafas strateġiku aġġornat għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ"[4],

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda - L-antiċipazzjoni u t-tlaqqigħ tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa"[5],

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Il-Politika ta' Koeżjoni: ninvestu fl-ekonomija reali"[6],

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku"[7],

–  wara li kkunsidra l-Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) 1927/2006 dwar l-istabbiliment tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni[8],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Marzu 2000, Marzu 2001, Marzu 2005, Ottubru 2005, Marzu 2006, Marzu 2007 u Marzu 2008,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2007 dwar l-Interess Ewropew: Suċċess fl-epoka tal-globalizzazzjoni[9],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Frar 2008 dwar il-Linji Gwida Integrati għat-Tkabbir u l-Impjiegi (Parti: linji gwidi wesgħin għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u l-Komunità): It-tnedija ta' ċiklu ġdid (2008-2010)[10],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Novembru 2008 dwar l-EMU@10: L-ewwel għaxar snin tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-isfidi futuri[11],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

inanzjarja u l-impatti ekonomiċi/soċjali

1.  Jinnota li l-kriżi finanzjarja globali li ġejja minn żbilanċi makroekonomiċi globali u l-kriżi dejjiema tal-kreditu, għamlet ħsara serja fis-sistemi finanzjarji kollha tad-dinja, inkluż fl-UE; jinnota wkoll li l-kriżi finanzjarja globali ġabet il-qirda massiċċa tal-kapitalizzazzjoni tas-suq tal-ekwità fid-dinja kollha, li l-effetti negattivi tagħha fuq l-"ekonomiji reali" huma profondi u, b'mod partikulari, l-implikazzjonijiet għall-impjiegi u għas-sitwazzjoni soċjali huma tassew kbar; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-swieq finanzjarji huma ta’ importanza ewlenija għall-‘ekonomija reali’ u li waħda mill-prijoritajiet – barra dik li l-impjiegi jiġu mħarsa – għat-tkabbir u l-impjiegi hija li jerġa’ jaqbad il-fluss tal-kapital, u jipprovdi kreditu u finanzjament għall-investimenti, li jitlob li jerġa’ jkun hemm kunfidenza u fiduċja, permezz ta’ impenji ċari u garanziji mill-gvernijiet kif ukoll superviżjoni implimentata aħjar, li tkopri s-swieq finanzjarji kollha f’perspettiva globali, u regolamenti li jappoġġjaw l-għoti responsabbli ta' krediti fis-swieq;

2.  Jirrikomanda, li l-miżuri għal żmien qasir applikati biex jikkontrobilanċjaw il-konsegwenzi immedjati u diretti tal-kriżi u biex inaqqsu l-effetti negattivi tal-ekonomija reali, kif ukoll il-pakketti ta’ rkupru jridu jiġu segwiti minn pjan ta’ azzjoni fit-tul koordinat li jġib lill-ekonomiji tal-UE f’rotta ta’ tkabbir, stabbli u jipproteġihom minn kriżijiet simili fil-futur;

3.  Ifakkar li l-Parlament, fir-riżoluzzjoni tiegħu ta’ sena ilu[12] dwar il-programm ta’ Liżbona, kien diġà innota “l-importanza prevalenti li titħares l-istabilità tas-swieq finanzjarji”, u nnota “li l-kriżi tas-self b’rata baxxa subprime turi l-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tiżviluppa miżuri superviżorji sabiex tissaħħaħ it-trasparenza u l-istabilità tas-swieq finanzjarji u tipproteġi aħjar il-konsumaturi”, talab “evalwazzjoni tas-sistemi u strumenti attwali ta’ superviżjoni prudenzjali fl-Ewropa, u insista fuq konsultazzjoni mill-qrib mal-Parlament, li twassal għal rakkomandazzjonijiet ċari dwar kif tista’ tittejjeb l-istabilità tas-sistema finanzjarja u l-kapaċità tagħha li tipprovdi finanzjamenti fit-tul u siguri lin-negozju Ewropew”;

4.  Jenfasizza li s-swieq finanzjarji huma, u se jibqgħu, il-pern tal-ekonomiji tas-suq soċjali funzjonanti li huma intiżi biex jipprovdu finanzjament għall-'ekonomija reali' kif ukoll biex tidħol l-effiċjenza fl-allokazzjoni tar-riżorsi u li huma wkoll intiżi biex jipprovdu lill-ekonomiji bil-mezzi biex jitkattru, li mbagħad għamluha possibbli għaċ-ċittadini li jagħmlu qligħ sostnut fil-livell tagħhom tal-għajxien fid-deċennji li għaddew; jenfasizza li s-swieq finanzjarji kompletament affidabbli, effiċjenti u trasparenti huma prerekwiżiti għal ekonomija Ewropea f'saħħitha u innovativa li toħloq it-tkabbir u l-impjiegi;

5.  Jenfasizza li l-kriżi finanzjarja ħolqot opportunità fejn il-ħtieġa tal-innovazzjoni bħala l-mutur tal-ekonomija ma tistax tibqa’ tiġi injorata; iqis li ż-żmien huwa propizju biex tinħoloq ekonomija dinamika msejsa fuq it-tagħrif li l-Ewropa ppjanat li tibni madwar tmien snin ilu; iqis li wasal iż-żmien li tinħoloq l-ekonomija tal-karbonju baxx li għandha l-potenzjal li tbiddel id-dinja u tiżgura prosperità u kompetittività internazzjonali għall-Ewropa għall-għexieren ta’ snin li ġejjin; iqis li wasal iż-żmien għall-istimulazzjoni tal-industriji innovattivi, li jkunu kapaċi kapaċi jiġġeneraw tkabbir ġdid fl-Ewropa;

6.  Jirrikonoxxi r-riżultati pożittivi tal-miżuri ta’ salvataġġ adottati biex tiġi evitata iktar ħsara lis-sistema fiskali; madankollu jitlob struttura finanzjarja ġdida bit-twaqqif ta' regolament trasparenti u effikaċi li jkun fl-aqwa interess tal-konsumaturi, l-impriżi u l-ħaddiema; jitlob sabiex ikun hemm iktar proposti leġiżlattivi kif ukoll ftehimiet internazzjonali li jkunu kapaċi jittrattaw it-teħid ta' riskji kbar, id-dejn eċċessiv u l-ekonomija għal żmien qasir bħala l-għejun bażiċi tal-kriżi; ifakkar lill-Kummissjoni fl-obbligu tagħha biex tirrispondi għat-talbiet tal-Parlament dwar ir-regolamenti tal-fondi protetti u l-ekwità privata;

7.  Jisħaq fuq il-ħtieġa urġenti li jiġi żgurat li l-qasam finanzjarju li bbenefika mill-appoġġ pubbliku jipprovdi lill-kumpaniji, speċjalment lill-SMEs u lill-familji bi kreditu suffiċjenti; jinsisti li l-pjanijiet ta’ salvataġġ jinkludu kundizzjonijiet obbligatorji fir-rigward tat-tqassim ta’ dividendi kif ukoll tal-prattiki tas-self;

8.  Iwissi kontra ċ-ċirku vizzjuż ta’ inqas investimenti u inqas infiq mill-konsumatur li jwassal għat-tnaqqis fl-impjiegi, pjanijiet ta' negozji mċekknin, u inqas innovazzjoni, li jaf jimbotta lill-UE f'reċessjoni profonda u itwal; jenfasizza li huwa krċjali f’dan il-kuntest li jkun hemm rispons Ewropew ikkoordinat biex jiġi evitat li l-kriżi twassal għas-somma tal-pjanijiet nazzjonali konfliġġenti għall-istabilità finanzjarja jew għall-irkupru ekonomiku, bil-kunflitti potenzjali u l-ispejjeż, li jimminaw is-Suq Uniku, l-istabilità ekonomika u l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, kif ukoll l-irwol tal-Ewropa bħala parteċipant ekonomiku globali;

9.  Jistenna li ssir azzjoni konġunta li tegħleb l-effetti tal-kriżi finanzjarja fuq l-ekonomija reali; jitlob li jiġu stabbiliti punti ta’ referenza fir-rigward tar-rati futuri tal-impjiegi u t-tkabbir, li wara għandhom jgħinu biex jiġi ddeterminat il-qies u l-elementi tal-pjan Ewropew ta’ rkupru ekonomiku; f’dan il-kuntest jitlob – fil-qafas tal-Patt tat-Tkabbir u l-Istabilità u r-regoli tiegħu ta’ flessibiltà – għall-iżvilupp ta’ strateġija Ewropea koerenti għall-investimenti futuri (eż. l-investiment f’kapital uman kwalifikat u ta’ ħila li jwassal għal skoperti u żvilupp teknoloġiku innovazzjoni, effiċjenza enerġetika, infrastruttura sostenibbli, teknoloġiji ta' komunikazzjoni, l-interkonnessjoni u s-servizzi, inklużi s-servizzi tas-saħħa u opportunitajiet għall-ħajja fin-negozju, l-aktar biex l-SMEs jinvestu fi prodotti u swieq ġodda), il-ħarsien tal-impjiegi u d-dħul, kif ukoll koordinazzjoni aħjar tal-politiki ekonomiċi u soċjali;

10.  Huwa tal-opinjoni li l-enerġija rinnovabbli, l-effiċjenza tal-enerġija u l-ambjent jistgħu jservu bħala attenzjoni speċjali strateġika għall-miżura ta’ stimolu, li se toħloq impjiegi ħodor (ambjentali) ta’ kwalità għolja u tagħti lill-industrija Ewropea l-vantaġġ tal-primat fuq ir-reġjuni l-oħra tad-dinja li għad iridu jaħtfu l-opportunità;

11.  Huwa tal-opinjoni li hija biss politika li tgħaqqad il-ġlieda kontra ż-żieda fil-qgħad u l-faqar fi żmien qasir mal-preparazzjoni tal-bażi għat-tranżizzjoni tal-ekonomija tagħha lejn is-sostenibbiltà fit-tul, li tista’ twassal għal soluzzjoni li sservi għal żmien itwal, u li tkun imnebbħa mill-istrateġija ta’ sostenibbiltà miftiehma f’Gothenburg, li kienet iddikjarata bħala parti mill-istrateġija ta’ Liżbona;

12.  Jenfasizza li għandha tkun l-ewwel prijorità tal-Unjoni Ewropea li jkunu protetti ċ-ċittadini tagħha mill-effetti tal-kriżi finanzjarja, billi huma l-aktar li jintlaqtu ħażin kemm bħala ħaddiema, membri ta’ familji, jew intrapriżi; huwa tal-opinjoni li ħafna ħaddiema u l-familji tagħhom qed jintlaqtu jew se jintlaqtu mill-kriżi u jeħtieġ tittieħed azzjoni biex jitnaqqas it-telf ta' impjiegi kif ukoll biex in-nies jiġu megħjuna jmorru lura malajr għas-suq tax-xogħol, aktar milli jiffaċċjaw il-qgħad fit-tul;

13.  Jikkunsidra li, fost l-impatti tal-kriżi ekonomika, iż-żieda fil-faqar hija tal-akbar tħassib għall-Unjoni Ewropea; huwa essenzjali li tieqaf iż-żieda attwali tal-qgħad fl-UE; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-aktar mezz effiċjenti biex jitnaqqas u jiġi evitat il-faqar huwa permezz ta’ strateġija bbażata fuq għanijiet ta’ xogħol għal kulħadd, xogħol ta’ kwalità għolja l-inklużjoni soċjali, miżuri li jħeġġu l-intrapriża, u l-attivitajiet biex jikber l-irwol tal-SMEs u l-investimenti; ifakkar li strateġija li tindirizza l-esklużjoni mis-suq tax-xogħol għandha tkun ibbażata fuq l-istandards tal-għajxien adegwati u appoġġ għad-dħul, swieq tal-impiegi inklużivi kif ukoll aċċess għal servizzi u edukazzjoni ta’ kwalità għolja. għalhekk iqis li x-xogħol għandu jiġu appoġġjat minn azzjonijiet għall-imprendituri, SMEs u investimenti, kif ukoll l-inizjattivi intiżi biex jgħinu lin-nies jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol; iqis li prijorità speċjali f’dan ir-rigward għandha tkun it-taħriġ mill-ġdid ta’ persuni qiegħda, u edukazzjoni mmirata lejn forza tax-xogħol kwalifikata u speċjalizzata; iqis li l-prinċipju tas-solidarjetà huwa l-bażi tal-proċess ta' kostruzzjoni Ewropea, li l-iffinanzjar Komunitarju għandu jsir disponibbli għall-Istati Membri fi skemi mmirati lejn il-prevenzjoni tat-tnaqqis eċċessiv tal-impjiegi u lejn it-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema u lejn l-għoti ta' kwalifiki lil dawk li ma jkollomx; iqis li r-regolamentazzjoni tal-kamp tax-xogħol għandha tiġi żviluppata biex tinkiseb aktar flessibbiltà u sigurtà fis-suq tax-xogħol kif ukoll biex jinstabu impjiegi ġodda; iqis li l-istrumenti finanzjari eżistenti tal-Komunità, bħalma hu l-Fond Ewropew tal-Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandhom jiġu aġġornati biex ikunu jistgħu jintużaw b’mod effiċjenti u fil-ħin, f’setturi kbar tal-ekonomija li qed inaqqsu l-impjiegi; jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tissimplifika l-kriterji tal-Fond Soċjali Ewropew u ddawwar il-fokus tal-attivitajiet fuq dawk l-aktar vulnerabbli;

14.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-SMEs, li jifformaw il-ġebla tax-xewka tal-ekonomija Ewropea, intlaqtu b'mod partikolarment iebes mit-tnaqqis ekonomiku gradwali ta' bħalissa; jenfasizza li l-għafsa tal-kreditu laqtet l-aktar lis-settur tal-SMEs, ladarba hija dik il-parti tal-ekonomija li toqgħod l-aktar fuq il-kapital impjegat għal żmien qasir, u li normalment ikun provdut bil-krediti. jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li n-nuqqas ta' kapital, flimkien mat-tnaqqis ġenerali fid-domanda qed iwasslu lill-SMEs biex jirtiraw mill-fronti kollha; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-tbatijiet li għaddejjin bħalissa minnhom l-SMEs għandhom konsegwenzi kbar u fit-tul għall-UE kollha, partikolarment għal dawk ir-reġjuni l-aktar vulnerabbli u milquta; barra minn hekk, jisħaq fuq l-importanza li ssir implementazzjoni malajr tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar b’mod ġenerali u speċjalment tal-provvedimenti għall-kreditu lill-SMEs permezz tal-azzjonijiet tal-EIB;

15.  Jenfasizza li l-aċċess suffiċjenti, bi prezz li jintlaħaq, u raġonevolment sikur għall-finanzi hu prekundizzjoni deċiżiva għall-investiment u t-tkabbir; jemmen li fil-klima ekonomika attwali, l-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar u l-objettivi tiegħu issa huma aktar importanti minn qatt qabel, billi l-SME joffru potenzjal li għadu ma ġiex sfruttat għat-tkabbir ekonomiku u biex jinħolqu u jiġu sostnuti l-impjiegi, u jipprovdu opportunità għal tmexxija politika u biex tisseddaq il-kunfidenza fis-settur intraprenditorjali tal-Ewropa;

16.  Jindika li għat-tkabbir sostnut, l-Ewropa teħtieġ forza lavorattiva f'saħħitha, dinamika u b'ħiliet; u dan, b'xorti ħażina, huwa mminat pereżempju mit-tkabbir demografiku negattiv f'bosta Stati Membri; iqis li infrastruttura effikaċi għall-indokrar tat-tfal, kif maqbula fil-Kunsill tar-Rebbiegħa ta’ Barċellona fl-2002, hija katalist importanti għar-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja tal-familja; iqis li l-iżvilupp tal-indokrar tat-tfal, imsejjes fuq il-familji, jiffaċilita l-parteċipazzjoni kemm tan-nisa u kemm tal-irġiel fil-ħajja tax-xogħol kif ukoll fit-trobbija tal-familja; isemmi li ż-żieda fl-impjegar tan-nisa mhux biss iwassal għat-tkabbir fl-ekonomija kollha kemm hi, imma jikkontribwixxi wkoll biex jittaffew l-isfidi demografiċi li l-Ewropa qed tħabbat wiċċha magħhom illum il-ġurnata; iqis li s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet trid tkun stimulata biex jinkiseb aktar potenzjal mill-forza lavorattiva eżistenti;

17.  Jinsisti, madanakollu, li l-Istati Membri għandhom jirrivitalizzaw il-politiki tal-immigrazzjoni tagħhom, bil-għan li b’mod speċifiku jiġbdu lejhom, mod immirat, immigranti b’livell għoli ta’ ħiliet li jistgħu jagħtu dak li jitlob minnhom is-suq lavorattiv Ewropew, billi jibnu fuq l-esperjenza tal-Istati Uniti f’dan il-qasam, u billi jieħdu ħsieb li jikkoperaw mal-pajjiżi ta’ oriġini biex jiġi evitat it-telfien tal-imħuħ (“brain drain”); iqis li l-politika tal-edukazzjoni għandha tiġi mmirata aktar biex tiġbed riċerkaturi u studenti barranin, li jibqgħu fl-UE għal perjodi ta' żmien itwal (pereżempju l-programm Erasmus Mundus, 2007-2012); iqis li waħda mill-prerekwiżiti kruċjali għall-ħolqien tal-ekonomija ewlenija fid-dinja bbażata fuq l-għarfien hija li l-Istati Membri kollha jiggarantixxu u jipproteġu d-drittijiet bażiċi tal-migranti legali u jipprovdulhom aċċess għall-valuri komuni Ewropej u rispett għad-diversità kulturali;

II. Il-ħtiġiet taċ-ċittadini u r-risponsi neċessarji

18.  Jinnota li minħabba l-kriżi ta' bħalissa hemm numru ta' prijoritajiet ewlenin tal-Programm Komunitarju ta' Liżbona li l-implimentazzjoni tagħhom għandha tkun segwita mill-istituzzjonijiet Ewropej b'aktar urġenza: il-promozzjoni tal-kompetittività reġjonali u lokali, kif ukoll l-aderenza mar-regoli tal-kompetizzjoni, kif ukoll il-promozzjoni tal-politiki tal-konsumatur biex is-swieq isiru iktar effiċjenti u ekwitabbli, billi jittieħed vantaġġ mis-Suq Wieħed, l-aktar fil-bejgħ bl-imnut u fis-servizzi; l-aċċellerar tal-implimentazzjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, b’mod partikolari l-adozzjoni u l-implimentazzjoni mħeffa tad-Direttiva dwar il-Pagamenti Tard u l-Istatut għall-Kumpaniji Privati; il-proċss rapidu ta’ implimentazzjoni taz-Zona Ewropea ta’ Riċerka u l-proposti għall-"ħames libertà" biex titjieb iċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-għarfien u l-innovazzjoni billi tingħata spinta lit-trasferiment tal-għarfien fl-ambitu tal-edukazzjoni, l-R&D u l-produzzjoni industrijali; l-adozzjoni ta' Brevetti Komunitarji effettivi għall-infiq u Qorti tal-Brevetti għall-UE kollha kemm hi, li jtejbu b'mod sinifikattiv il-kompettività tan-negozji Ewropej, u jiffaċilitaw l-aċċess tal-kumpaniji għall-finanzjament u jistimulaw l-innovazzjoni;

19.  Huwa tal-opinjoni li l-Ewropa għandha ssegwi għan komuni fundamentali: li toħloq opportunitajiet ta’ xogħol u b’hekk tevita li jkun hemm qagħad tal-massa; iqis li dan l-għan, għalhekk, għandu jiddetermina l-kobor u l-komponenti tal-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku; iqis li s-solidarjetà hija indispensabbli għall-iżgurar li l-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku u l-miżuri tiegħu jkun jista’ jkollhom l-aktar impatt pożittiv fuq is-swieq tax-xogħol fl-Ewropa;

20.  Jenfasizza l-ħtieġa għal sforzi addizzjonali ta’ appoġġ għall-aktar gruppi vulnerabbli tas-soċjetà;

21.  Hu favur ħafna politika tas-suq lavorattiv li tinkoraġixxi l-aċċess għall-kulħadd għas-suq tax-xogħol u tippromwovi t-tagħlim tul il-ħajja kollha; jistieden lill-Istati Membri kif ukoll lill-imsieħba soċjali biex jikkonkludu ftehimiet innovattivi biex iżommu l-impjiegi; jappoġġja, inter alia, it-tnaqqis fin-nolli soċjali fuq id-dħul baxx biex jippromwovi l-impjegabbiltà ta’ ħaddiema inqas imħarrġa u l-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi (pereżempju ċekkijiet tas-servizz għax-xogħol fid-dar u l-indokrar tat-tfal, sussidji fuq il-kera għal gruppi vulnerabbli) li diġà ntużaw b’suċċess f’xi Stati Membri; jistenna skambji tal-aħjar prattiki f’dan ir-rigward;

22.  Jenfasizza l-ħtieġa indispensabbli li tissaħħaħ l-effikaċja tar-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur bħala rispons għall-aspettativi kbar taċ-ċittadini tal-UE, b’mod partikulari fir-rigward tal-prodotti finanzjarji; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex joħolqu politiki li jappoġġjaw lill-vittmi l-aktar milquta serjament mill-kriżi finanzjarja;

23.  Jenfasizza li, sabiex jiġi żgurat il-moviment ħieles u l-mobilità fis-suq tax-xogħol, il-Kunsill irid jadotta d-direttivi dwar l-organizzazzjoni tal-ħinijiet tax-xogħol, il-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema temporanji u l-portabilità tad-drittijiet għall-pensjoni, u għandu jirrevedi bla dewmien id-Direttiva 94/45/KE tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 1994 dwar l-Istabbiliment ta' Kunsill tax-Xogħlijiet Ewropew; jenfasizza li t-tneħħija tal-ostakoli għall-mobilità fis-suq tax-xogħol Ewropew tippermetti aktar protezzjoni għall-ħaddiema Ewropej; jinnota li l-Unjoni Ewropea trid tagħmel sforz sabiex tispjega liċ-ċittadini l-benefiċċji ta' strateġija li b'mod effettiv tgħaqqad it-tkabbir, l-integrazzjoni, is-solidarjetà u l-mobilità lavorattiva;

24.  Jinnota li xi Stati Membri introduċew il-kunċett ta’ paga minima; jissuġerixxi li Stati Membri oħra jista’ jkun li jibbenefikaw minn studju tal-esperjenza tagħhom; jistieden lill-Istati Membri biex iħarsu l-prekondizzjonijiet għall-parteċipazzjoni soċjali u ekonomika għal kulħadd, u b’mod partikulari, biex jipprevedu regolamenti fuq kwistjonijiet bħall-pagi minimi jew arrangamenti oħra legali u b’mod ġenerali vinkolanti jew permezz ta’ ftehimiet kollettivi skont it-tradizzjonijiet nazzjonali li jippermetti lill-ħaddiema full-time ikollhom għajxien diċenti bid-dħul li jkollhom;

25.  Jemmen li l-kriżi finanzjarja tipprovdi l-opportunità għar-riformi meħtieġa, b’enfażi fuq pedamenti ekonomiċi sodi, li jvarjaw minn investiment xieraq fl-edukazzjoni u l-ħiliet għall-kwalità fil-finanzji pubbliċi, u ambjent li jsostni l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi; jikkunsidra li t-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi fl-UE jiddependu dejjem aktar fuq l-eċċellenza u l-innovazzjoni bħala l-muturi ewlenin tal-kompetittività Ewropea;

26.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex jieħdu azzjoni malajr biex jippromwovu t-tkabbir u l-impjiegi u biex isaħħu d-domanda u l-kunfidenza tal-konsumatur; jikkunsidra li inizjattiva ta’ tkabbir intelliġenti li tiffoka fuq il-miri ta’ Liżbona bħall-investimenti fit-“triangolu tal-għarfien” (li jinkludi l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-innovazzjoni), fit-teknoloġiji ħodor,l- effiċjenza fl-enerġija, l-infrastrutturi sostenibbli u t-teknoloġiji tal-komunikazzjoni huma meħtieġa f’dan il-kuntest; jenfasizza l-effetti ta’ sinerġija ta’ inizjattiva bħal din fir-rigward tal-kompetittività futura, tas-suq tax-xogħol u tal-protezzjoni tal-ambjent u r-riżorsi;

27.  Jenfasizza li l-Istati Membri għandhom ikomplu r-riforma tas-swieq tax-xogħol biex jinħolqu iktar impjiegi u sistemi edukattivi li jgħinu biex jogħlew il-livelli tal-ħiliet, iqis li l-Istati membri għandhom ikomplu bl-isforzi tagħhom biex jinkoraġġixxu t-tkabbir tal-produttività permezz ta’ iktar investiment fl-edukazzjoni; jenfasizza wkoll li l-iffaċċjar tal-isfidi tal-innovazzjoni u t-tixrid tagħha kif ukoll l-iżgurar tal-impjegabbiltà u l-flessibiltà tal-forza tax-xogħol jirrikjedi titjib tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll it-tagħlim tul il-ħajja; isemmi, madankollu, li l-investiment attwali fil-kapital uman fl-Ewropa għadu b’mod ċar insuffiċjenti għal ekonomija msejsa fuq l-għarfien;

28.  Jenfasizza li l-kriżi attwali m’għandhiex tintuża bħala skuża għall-ittardjar ta’ riorjentazzjoni ferm meħtieġa tal-infiq lejn investimenti ‘ħodor’, iżda għandha pjuttost tinftiehem iktar bħala inċentiv addizzjonali biex jitkompla l-isforz għall-konverżjoni ekoloġika tal-industrija li hija meħtieġa ħafna; huwa konvint li r-raġuni ekonomika għall-iffaċċjar tal-bidla fil-klima hija ċara, u kull pass ta’ dewmien żejjed għall-azzjoni meħtieġa finalment ser iwassal għal spejjeż ikbar;

29.  Jistieden lill-Istati Membri biex jirrevedu l-baġits tagħhom u biex jinvestu fi proġetti ta’ tkabbir intelliġenti, biex b’hekk jagħmlu użu sħiħ mill-Patt tal-Istabiltà u Tkabbir revedut;

   Jenfasizza li l-ekonomiji tal-Istati Membri huma interdipendenti ħafna; għaldaqstant jisħaq dwar il-ħtieġa għall-koordinazzjoni iktar effettiva u għat-titjib tal-governanza, li f’dawn iż-żminijiet ta’ kriżi isiru iktar urġenti; jindika li l-argument favur aktar kooperazzjoni huwa aktar b’saħħtu fiz-zona tal-euro; jirreferi għar-rakkomandazzjonijiet tiegħu fil-qafas tar-riżoluzzjoni ta’ EMU@10 f’dan il-kuntest;

III. L-ambitu ta' azzjoni tal-Ewropa

31.  Jenfasizza l-bżonn li tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali tal-pjanijiet ta’ rkupru Ewropej u nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni sabiex timoniterja u tagħmel proposti dwar l-impatt soċjali tal-kriżi finanzjarja, speċjalment dwar l-esklużjoni soċjali, il-faqar u l-pensjonijiet;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-iskema prinċipali ta’ finanzjament tal-Fond Soċjali Ewropew tkun iffokata b’mod ewlieni fuq it-taħriġ mill-ġdid u ż-żieda fl-impjegabilità kif ukoll fuq attivitajiet tal-inklużjoni soċjali sabiex jingħelbu l-agħar effetti soċjali tal-kriżi; ifakkar li l-attenzjoni għanda tingħata lil dawk li huma l-aktar imbiegħda mis-suq tal-impjiegi;

33.  Jindika li hemm bżonn ta’ ‘Green New Deal’, li jiġġieled ukoll il-kriżi soċjali: il-ħolqien tax-xogħol fis-settur tal-manifattura u dak relatat mal-industrija jeħtieġ ikun kumplimentat b’investiment kbir fis-servizzi soċjali, partikolarment fl-edukazzjoni u s-saħħa, billi jinħolqu kundizzjonijiet aħjar fit-tagħlim ta’ wliedna u tal-istudenti tagħna, billi jiżdied l-għadd ta’ għalliema u jittejbu l-kundizzjonijiet fiżiċi għat-tagħlim. Dan kollu jkun investiment li jħalli l-frott fil-ġejjieni;

34.  Jenfasizza li l-investiment New Deal għandu jkollu wkoll l-għan ta’ żieda fl-effiċjenza u s-sostituzzjoni ta’ riżorsi apparti ż-żejt (materjali kritiċi), li aktarx ser isiru skarsi fuq medda medja sa qasira ta’ żmien u ser ixekklu l-iżvilupp ta’ ċerti setturi, pereżempju l-informazzjoni, il-komunikazzjoni u l-industrija tad-divertiment; jinnota li skont studji riċenti, jistgħu jsiru żidiet kbar fl-effiċjenza ta’ materjali tali, li jnaqqsu il-ħela, l-ispejjeż u d-dipendenza fuq ir-riżorsi;

35.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li fil-qasam tal-enerġija, l-Ewropa bħalissa tiddependi mill-karburanti fossili bħala s-sors primarju tagħha tal-enerġija; iqis li filwaqt li d-dipendenza mill-karburanti fossili trid titnaqqas, huwa wkoll essenzjali li tinkiseb is-sigurtà enerġetika għall-Ewropa; jemmen li dan ifisser li jiġu diversifikati s-sorsi tagħha ta’ karburanti fossili, filwaqt li tipprova żżomm l-enerġija f’livelli ta’ prezzijiet li jintlaħqu; iqis li s-setturi tal-enerġija fl-Istati Membri iridu jinfetħu u trid tinkiseb kompetizzjoni vera; iqis li l-effiċjenza enerġetika għandha tittejjeb permezz tar-riċerka u l-iżvilupp u tal-mainstreaming tal-aħjar prattiki; iqis li, bil-prezz għoli taż-żejt u l-gass fuq medda twila ta' żmien, l-Ewropa trid tkun kapaċi tnaqqas l-esponiment tagħha f'dan il-qasam; iqis ukoll li l-Ewropa għandha tikkunsidra bis-serjetà li tgħaddi għal suq intern tal-enerġija, biex tqassam l-enerġija tagħha b’mod iktar effiċjenti fl-UE, u taħdem kontra d-dipendenza tagħha fuq enerġija minn barra l-Unjoni; tqis li s-sehem ta’ enerġija li tiġġedded irid jiżdied sabiex tonqos id-dipendenza fuq il-karburanti fossili; iqis li r-riċerka u l-iżvilupp f’dan il-qasam għandhom ikunu intensifikati u għandhom jiġu ppreferuti soluzzjonijiet lokali differenti sabiex isir l-aħjar użu tas-sorsi tal-enerġija li tiġġedded li huma disponibbli;

36.  Jinnota li l-UE għadha lura meta mqabbla mal-pass tal-innovazzjonijiet fl-ekonomija Amerikana; jindika li l-innovazzjoni tista' tiżgura rkupru rapidu tal-ekonomiji Ewropej billi tipprovdi vantaġġ kumparattiv fuq is-swieq globali. jindika li fi żminijiet ta' tnaqqis ekonomiku, hija prattika komuni li jitnaqqas l-infiq fuq ir-riċerka u l-iżvilupp, iżda li dan l-approċċ huwa żbaljat, peress li huwa eżattament l-oppost li jeħtieġ li jsir; jemmen li żieda fl-investiment fl-R&D u fl-edukazzjoni ttejjeb il-produttività u għaldaqstant it-tkabbir; jitlob li jkun hemm investimenti fir-riċerka u x-xjenza bil-ħsieb li tinkiseb il-mira ta' 3% tal-PGD; jenfasizza li l-baġit tal-UE għandu jagħti lok għal sehem akbar ta' infiq għar-riċerka; l-Istati Membri għandhom iżidu, jew għallinqas jiksbu l-miri tal-investimenti tagħhom ta’ R&D u għandhom jipprovdu appoġġ lill-investimenti tas-settur privat fl-R&D, permezz ta' miżuri fiskali, garanziji għas-self u għenieqed (clusters) kif ukoll ċentri ta' eċċellenza reġjonali, u kwalunkwe strument ieħor li jista’ jikkontribwixxi għal dan il-għan; iqis li l-edukazzjoni għall-adulti u t-tagħlim tul il-ħajja kollha għandhom ikunu prijoritajiet fil-livelli kollha tal-politika, għax iżidu l-produttività, filwaqt li jipprovdu l-ħiliet meħtieġa għad-dħul fis-suq tax-xogħol u għall-impjegabilità kontinwa fid-dinja tal-impjiegi, li hi kompetittiva ħafna;

37.  Jindika li sa mill-bidu tas-seklu 21, l-għodda tat-teknoloġija u t-telekomunikazzjoni fetħu l-bibien għall-forzi tal-globalizzazzjoni fuq skala akbar milli qatt immaġinajna, "wittew" komunikazzjonijiet u swieq tax-xogħol u kkontribwixxew għal perjodu ta' innovazzjoni mingħajr preċedenti, li għamlu l-ekonomiji aktar produttivi u kkonettjaw iċ-ċittadini globali; jemmen, għalhekk, li permezz tal-massimizzar tas-setgħa u tal-impatt tat-teknoloġija fuq l-ekonomija, ftuħ ulterjuri tas-suq intern fis-setturi tat-telekomunikazzjonijiet, l-enerġija, ir-riċerka u l-industrija b’mod partikulari, l-Ewropa tista’ toħroġ aktar b’saħħitha mit-taqlib ekonomiku attwali, issaħħaħ il-kwalità tal-ħarsien tas-saħħa bi prezz li jintlaħaq minn kulħadd, tavvanza l-iżvilupp u t-tħaddim enerġetiku li ma jkunx ta' ħsara għall-klima, ittejjeb l-edukazzjoni fi ħdan l-Istati Membri u tippromwovi l-Ewropa bħala l-mexxejja dinjija fil-qasam tat-teknoloġija u tal-innovazzjoni teknoloġika applikata; isemmi li l-ekonomija bbażata fuq l-għarfien teħtieġ l-iżvilupp ta’ servizzi ta’ kwalità għolja u strateġija broadband li kapaċi tħaffef l-aġġornament u l-estensjoni tan-netwerks; huwa tal-opinjoni li l-proposta tal-Kummissjoni fil-pjan ta’ rkupru Ewropew bl-għan li tinkiseb kopertura sħiħa tan-netwerks ta’ komunikazzjoni broadband sal-2010 hija pass ‘il quddiem neċessarju li se jgħin lill-Unjoni Ewropea żżomm il-kompetittività tagħha;

38.  Jistaqsi biex tingħata aktar attenzjoni għall-White Paper tal-Kummissjoni dwar iż-Żgħażagħ (2001) u l-Patt Ewropew għaż-Żgħażagħ tal-Kunsill Ewropew (2005) bħala wieħed mill-istrumenti li jagħti kontribut għall-għanijiet ta' Liżbona; iqis li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra u tinkorpora l-impatt taż-żgħażagħ u r-riżultati tad-djalogu tal-istrutturi mal-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ meta jkunu qegħdin jitħejjew proposti leġiżlattivi u l-Istati Membri għandhom jiffukaw fuq iż-żgħażagħ meta jimplimentaw il-programmi ta' riforma nazzjonali ta' Liżbona u meta jqisu ż-żgħażagħ fl-oqsma tal-politika rilevanti; iqis li ż-żieda fil-mobilità tal-istudenti u l-kwalità tas-sistemi edukattivi differenti għandhom ikunu ta' prijorità fil-kuntest tad-definizzjoni mill-ġdid tal-għanijiet importanti tal-Proċess ta' Bolonja wara l-2010 u għandhom jittieħdu azzjonijiet fl-oqsma ta' politika differenti kollha; jiġbed l-attenzjoni li diversi aspetti tal-mobilità jmorru lil hinn mill-ambitu tal-edukazzjoni għolja u għandhom x'jaqsmu mal-ambitu tal-affarijiet soċjali, il-finanzi u l-politiki dwar l-immigrazzjoni u l-viżi biex jiġi żviluppat Qasam Ewropew għall-Edukazzjoni Għolja reali;

39.  Iqis li l-“Ewropeizzazzjoni” tal-istruttura tas-superviżjoni finanzjarja, ir-regoli effikaċi tal-kompetizzjoni, ir-regolamentazzjoni xierqa u t-trasparenza mtejba tas-swieq finanzjarji huma essenzjali għal żmien intermedju biex tiġi evitata ripetizzjoni tal-kriżi attwali; huwa tal-fehma li qafas superviżorju integrat, komprensiv (li jkopri s-setturi kollha finanzjarji) u koerenti li jibda bi strateġija bbilanċjata fir-regolamentazzjoni tal-firxa traskonfinali tar-riskju finanzjarju fuq il-bażi ta’ leġiżlazzjoni armonizzata, għandu jnaqqas l-ispejjeż ta’ konformità fil-każ ta’ attivitajiet pluriġurisdizzjonali; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti għar-reviżjoni tal-istruttura superviżorja eżistenti skont dawn il-prinċipji; jistieden lill-Istati Membri biex, minkejja l-miżuri ta’ hawn fuq, jerġgħu lura fi żmien intermedju għall-finanzjament pubbliku bbilanċjat, u għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex jiċċaraw kif se jirnexxilhom jilħqu dan l-objettiv;

40.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Unjoni Ewropea biex jaddattaw il-baġit tal-UE u jippermettu l-użu ta’ riżorsi finanzjarji mhux utilizzati għall-appoġġ tal-għanijiet tal-politiki tal-UE;

41.  Huwa mħasseb bid-differenzi reġjonali li kull ma jmorru qegħdin jiżdiedu fir-rigward tal-effetti tal-kriżi finanzjarja, li huma riflessi fost l-oħrajn fid-differenza li qiegħda tikber fil-kapaċità tal-kreditu bejn l-Istati Membri, li ġġib magħha spejjeż ogħla għas-self lil dawk bi klassifikazzjoni baxxa; jitlob għall-iżvilupp ta’ strumenti finanzjarji innovattivi ġodda biex itaffu dawn l-effetti u jiġbdu kapital ġdid;

42.  Jinnota li l-istrumenti ta' finanzjament Ewropej għandhom jintużaw biex jappoġġjaw l-infiq pubbliku; jiġbed l-attenzjoni li, sabiex tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku tal-Ewropa, ir-rata ta' implimentazzjoni u ta’ dawn l-istrumenti ta' finanzjament jeħtieġ li titħaffef; iqis li l-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE hija strument eċċellenti ta’ solidarjetà territorjali, b'mod speċjali l-komponenti transkonfinali tagħha; jinsab sodisfatt ħafna bil-‘Liżbonizzazzjoni’ reċenti tal-politika ta’ koeżjoni; iqis li jekk il-fondi reġjonali jkunu ffukati aktar lejn l-imprenditorija, ir-riċerka, l-innovazzjoni, l-impjiegi u l-ħiliet ġodda, għadd konsiderevoli ta’ fondi għandhom isiru disponibbli fil-livell lokali biex itejbu l-potenzjal għan-negozju u jgħinu lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli;

43.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-programmi TENs-T u TENs-E għandhom jikkontribwixxu bis-sħiħ ukoll kemm għall-Pjan ta’ Rkupru kif ukoll għall-għanijiet tal-Istrateġija ta’ Liżbona; iqis li l-isforzi pożittivi tal-koorodinaturi kif ukoll it-twaqqif tal-Aġenzija Eżekuttiva TEN-T, flimkien mal-leġiżlazzjoni implimentattiva biex tittejjeb l-effiċjenza tal-ko-modalità, wasslu biex jitlesta għadd ġmielu ta’ proġetti TEN-T fl-Unjoni Ewropea kollha biex tingħata spinta lit-tkabbir sostenibbli u biex ikun hemm mobilità aħjar;

44.  Jinnota l-irwol essenzjali tal-EIB rigward il-pjan ta’ rkupru tal-UE; jilqa’ ż-żieda tal-kapital lill-EIB mill-Istati Membri biex jinħareġ aktar self lill-SMEs; jinsisti li dan is-self ikun aktar aċċessibli għal SMEs mill-Istati Membri kollha, b’mod trasparenti u ekwu; jitlob li l-irwol tal-EIB għandu jkompli jissaħħaħ fejn jidħlu strumenti finanzjari innovattivi ġodda;

45.  Iqis li, fir-rigward tal-governanza ekonomika, il-kriżi ekonomika attwali tirrikjedi intervent governattiv sod, koordinat u f'waqtu mill-Istati Membri kollha, kif ukoll miżuri regolatorji li jsaħħu s-swieq finanzjarji u jġeddu l-fiduċja; iqis li l-miżuri leġiżlattivi ġodda għandhom jinbnew fuq il-prinċipji tat-trasparenza u r-responsabilità u li jeħtieġ li jiġi implimentat monitoraġġ effikaċi sabiex jitħarsu d-drittijiet tal-konsumatur; iqis li r-regolamentazzjoni ġdida għandha tinkludi rekwiżiti kontra l-lieva finanzjarja żejda kif ukoll għal riservi kapitali akbar fil-banek; jiġbed l-attenzjoni, madankollu, f’dan ir-rigward għall-problemi attwali marbuta mar-regoli tal-valutazzjoni u mal-evalwazzjoni tar-riskju; iqis li jeħtieġ li l-kontrolli jkunu aġġornati sabiex ilaħħqu mal-innovazzjonijiet finanzjarji u li l-Ewropa għandha ttejjeb il-kapaċitajiet tal-korpi regolatorji tagħha f'dan ir-rigward; iqis li aktar regolamentazzjoni mhux bilfors li tkun regolamentazzjoni aħjar; iqis li l-Istati Membri għandhom jikkoordinaw l-azzjonijiet regolatorji tagħhom; iqis li l-istandards ta' stabilizzazzjoni u r-regolamentazzjoni tas-superviżjoni finanzjarja fiz-zona tal-ewro għandhom jiġu salvagwardati;

46.  Ifakkar li l-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu għandhom sehem fir-responsabilità għall-kriżi finanzjarja; jilqa’ l-appell tal-Kunsill Ewropew biex titħaffef il-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni sabiex ir-regoli dwar l-aġenziji tal-klassifikazzjoni jsiru aktar stretti;

47.  Iħeġġeġ il-Kunsill tal-ECOFIN biex ilesti, sa Marzu 2009, ir-reviżjoni tad-Direttiva tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud sabiex tippermetti t-tnaqqis tal-livelli tal-VAT fuq servizzi li jistrieħu fuq ħidma intensiva u għadd kbir ta' ħaddiema, kif ukoll miżuri oħra xierqa biex tiġi stimulata d-domanda domestika; jitlob azzjoni koordinata u solidarjetà mill-Istati Membri f’dan ir-rigward billi jitħallew għażliet differenzjati ta' tnaqqis settorjali tal-VAT, li għalihom hemm provvediment fid-Direttiva dwar il-VAT, u li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu jimplimentawhomx jew le, skont il-prijoritajiet rispettivi tagħhom; iqis li l-inċentivi fiskali selettivi għandhom jistimulaw id-domanda domestika kif ukoll l-ekonomija permezz ta' tnaqqis fit-tassazzjoni fuq il-qligħ kapitali u fuq prodotti li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent; iqis li t-tnaqqis tal-ispejjeż soċjali ta’ min iħaddem fuq id-dħul baxx u l-eżenzjoni ta’ negozji żgħar mill-kontribuzzjonijiet soċjali għandhom jgħinu kemm lin-negozji kif ukoll lill-konsumaturi u jistimulaw id-domanda;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva biex teżenta lil dawk magħrufa bħala mikroentitajiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Raba' Direttiva tal-Liġi tal-Kumpaniji dwar il-kontijiet annwali;

49.  Hu tal-fehma li huwa iktar urġenti li titjieb ir-regolamentazzjoni globali tas-settur finanzjarju, li għandha tmur iktar lil hinn mis-settur klassiku bankarju, u li jittieħdu miżuri kuraġġużi biex ikunu stabbiliti regoli obbligatorji dwar is-superviżjoni prudenzjali, it-trasparenza u l-prattiki tajbin, kif ukoll biex ikunu applikati sanzjonijiet għan-nazzjonijiet u t-territorji kollha li ma jikkoperawx; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti xierqa u jħeġġeġ lill-Kunsill biex jipprepara l-qasam politiku fin-negozjati internazzjonali għall-aċċettazzjoni mgħaġġla ta' strateġija bħal din; jinnota li l-istabilità finanzjarja globali hija waħdi mill-beni pubbliċi, u li r-responsabilità għas-salvagwardja tagħha hija f'idejn il-mexxejja politiċi;

50.  Jilqa' bil-ferħ il-fatt li l-Kummissjoni talbet li jkun hemm Grupp ta' Livell Għoli għat-Tnaqqis tal-Burokrazija u jitlob li l-proposti miftiehma minn dan il-Grupp jiġu implimentati minnufih; jenfasizza li l-Istrateġija ta' Liżbona għandha taħseb biex tnaqqas il-piżijiet regolatorji fuq il-kumpaniji, filwaqt li tiżdied il-produttività u magħha r-rati ta' tkabbir fl-oqsma kollha; hu tal-fehma li l-Ewropa għandha teżamina l-alternattivi għar-regolamentazzjoni, tikkonsulta mal-partijiet interessati dwar ir-regolamenti ġodda u tiffoka fuq il-proporzjon bejn l-ispejjeż u l-benefiċċji tar-regolamentazzjoni;

IV. L-Istrateġija ta' Liżbona – evalwazzjoni, il-passi li jmiss u t-triq 'il quddiem

51.  Jilqa’ l-progress li sar permezz tal-programm tal-Komunità ta’ Liżbona tul dawn l-aħħar snin, iżda jinnota li għadd ta’ inizjattivi importanti legiżlattivi għadhom pendenti u għandha tkun prijorità li jiġu adottati; jisħaq fuq is-sitwazzjoni żbilanċjata fejn jidħlu l-kwalità u l-kwantità ta’ inizjattivi skont il-linji ta’ gwida Ewropej differenti; jitlob għal strateġija aktar ibbilanċjata fl-interess ta’ programm ta’ riforma reali dwar taħlita tal-politiki Ewropej li joffri għajnuna f'oqsma differenti; jappoġġja t-tisħiħ tad-dimensjoni esterna tal-aġenda Ewropea ta’ riforma li tipprovdi standards għoljin, qafas regolatorju xieraq u metodi ta’ ħidma b'koperazzjoni sabiex ikun hemm kollaborazzjoni ma’ parteċipanti ekonomiċi internazzjonali oħra u sabiex jintlaqgħu l-isfidi globali; f'dan il-kuntest, jilqa' l-ħidma li saret minn diversi Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni sabiex ikunu żviluppati indikaturi kwalitattivi ġodda; iħeġġeġ lill-Kunsill jitlob lill-Kummissjoni biex dawn l-indikaturi jintużaw fl-evalwazzjonijiet li jmiss tal-PNR u biex jiġu inkorporati fil-monitoraġġ tal-Kummissjoni, u b'hekk tinħoloq stampa aktar sħiħa u xierqa tas-suċċessi tal-Istrateġija ta’ Liżbona-Gotenborg;

52.  Jenfasizza li biex titjieb l-eżekuzzjoni fl-Istrateġija ta’ Liżbona, tinħtieġ influwenza effettiva min-naħa tal-Kunsill fil-qafas tas-sorveljanza multilaterali;

53.  Jiġbed l-attenzjoni li l-metodu miftuħ ta' koordinazzjoni, li f’dawn l-aħħar disa’ snin kien is-sies tal-Istrateġija ta’ Liżbona, wera l-limitazzjonijiet tiegħu quddiem l-isfidi interni u esterni ġodda li qiegħda tħabbat wiċċha magħhom l-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ għalhekk li l-perjodu ta’ wara Liżbona għandu jkun ibbażat fuq politika aktar proattiva u aktar globali, jiġifieri dwar l-aġġornament ta’ politiki komuni diġà eżistenti (għan-negozju, għas-suq intern, għall-unjoni ekonomika u monetarja, eċċ.) u dwar politiki esterni komuni ġodda (l-enerġija, il-klima, l-iżvilupp, l-immigrazzjoni, eċċ.);

54.  Jiddispjaċih li, għalkemm fadal sena biss miż-żmien li fih kellha titwettaq l-Istrateġija ta’ Liżbona, ma ntlaħqux l-għanijiet definiti b’mod ċar filwaqt li l-progress fl-oqsma tal-programmi kien insuffiċjenti; huwa tal-fehma li l-isforzi tal-Istati Membri naqsu milli jimplimentaw miżuri biex iqarrbu l-għanijiet tal-Istrateġija ta’ Liżbona; hu tal-fehma li l-Istrateġija ta’ Liżbona għandha tidher bħala linja ta' gwida importanti għal politiki li jagħtu xejra lill-ġejjieni, u li jkunu mmirati lejn UE li tkun b'saħħitha, kompetittiva u li tkattar it-tkabbir; iqis, għalhekk, li l-Istrateġija jistħoqqilha li tittieħed b’iktar serjetà mill-Istati Membri u m'għandhiex tidher biss bħala sett ta’ għanijiet fil-bogħod, iżda bħala pjan ta’ azzjoni biex l-Ewropa tkompli tiżviluppa; jipproponi li aktar riflessjoni dwar l-"Aġenda Liżbona Plus" (li għandha tibda fis-sena 2010) għandha tkun ibbażata fuq l-istruttura ġenerali tal-Istrateġija ta’ Liżbona attwali (il-kompetittività u l-politiki ambjentali tal-industriji Ewropej, aktar opportunità ta’ xogħol ta’ kwalità aħjar, l-inklużjoni soċjali, is-sostenibilità), imma jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi ppreżentata strateġija aktar omoġenja u ta' appoġġ reċiproku li tkun tista' tkabbar b'mod deċiżiv il-kapaċità Ewropea ta' governanza ta' Liżbona; jitlob lill-Kummissjoni għal evalwazzjoni bir-reqqa tal-Istrateġija ta’ Liżbona fid-disa' snin li għaddew, biex tiġi ppreżentata qabel tmiem l-2009, u tal-kisbiet tal-għanijiet tagħha mill-Istati Membri, kif ukoll tal-impenn tagħhom biex jintlaħqu dawn l-għanijiet; jitlob lill-Kummissjoni biex tistudja bir-reqqa l-utilità ta' strateġija għal wara Liżbona, b’miri u għanijiet ġodda, u b'mod speċjali biex ikun evalwat jekk l-Istati Membri humiex lesti jimplimentaw il-programm il-ġdid, u l-vijabilità tiegħu; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-IPGs ikunu ffukati mill-ġdid fuq l-isfond tat-tnaqqis ekonomiku u jħeġġeġ lill-Kunsill biex jaqbel dwar miżuri b'effett għal żmien qasir biex titħares ir-rata tal-impjiegi tas-sena 2008, biex jinvesti fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima u biex jiżgura li jkun hemm dħul biżżejjed, l-aktar fejn jidħlu l-aktar gruppi dgħajfa tas-soċjetà; jistenna li l-Kummissjoni tniedi inizjattivi u tippreżenta proposti rigward dawn l-għanijiet fiż-żmien stipulat sal-Kunsill ta’ Liżbona tar-Rebbiegħa li jmiss;

55.  Jenfasizza li l-"Liżbonizzazzjoni" tal-infiq pubbliku fl-Istati Membri kollha u tal-baġit tal-UE għandha ssir realtà, billi din tintegra l-Istrateġija ta' Liżbona nnifisha b'mod sistematiku u ttejjeb radikalment l-effikaċja tat-tfittxija biex jinkisbu l-għanijiet tat-tkabbir u tal-ħolqien tal-impjiegi;

56.  Jinnota li l-għodod meħtieġa mill-UE biex jitrawmu l-għanijiet tal-Istrateġija ta' Liżbona huma essenzjalment is-simplifikazzjoni tal-politiki relatati kollha, l-istrumenti finanzjarji u l-fondi kollha, kif ukoll il-baġit tal-UE b'mod li jkun hemm aċċellerazzjoni u approfondiment tal-isforzi għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi; iqis li, għaż-żmien fil-qrib, l-istimoli fiskali huma meħtieġa għall-irkupru bil-ħeffa mill-kriżi ekonomika, sakemm ikunu orjentati mill-ġdid l-ispejjeż privati u l-imġiba f'konsistenza mal-għanijiet imfassla mill-Istrateġija Liżbona-Goteborg u l-pakkett tal-klima u l-energija; iwissi f'dan il-kuntest kontra t-tnaqqis bla distinzjoni fit-taxxi; hu tal-fehma li l-istimoli fiskali għandhom ikunu mmirati lejn l-għanijiet soċjali u ambjentali; iqis li mezzi possibbli huma t-tnaqqis fil-livelli tat-taxxa fuq il-valur miżjud għal servizzi b'xogħol intensiv u servizzi mogħtija lokalment, filwaqt li jitqies ukoll li l-finanzjament jista' jingħata għal inizjattivi "ħodor", inter alia, fis-settur tal-enerġija, kif ukoll fis-setturi tal-karozzi u tal-kostruzzjoni, l-aktar minħabba li dawn is-setturi għaddejjin minn kollass fid-domanda għall-prodotti tagħhom; iqis li l-klijenti jistgħu jiġu megħjuna, pereżempju, jixtru karozzi li jagħmlu anqas ħsara lill-ambjent, kif ukoll djar li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, permezz ta' eżenzjonijiet mit-taxxi;

57.  Jiddispjaċih li l-viżibilità tal-Istrateġija ta' Liżbona fil-politika nazzjonali ta' ħafna pajjiżi tal-UE għadha dgħajfa; huwa tal-fehma li l-mobilizzazzjoni tal-parteċipanti ekonomiċi kollha hija essenzjali sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effikaċi tagħha; hu tal-fehma, b'mod partikolari, li l-involviment aktar mill-qrib tas-sieħba soċjali, tal-parlamenti nazzjonali u tal-awtoritajiet reġjonali u lokali kif ukoll tas-soċjetà ċivili jaf itejjeb ir-riżultati tal-Istrateġija ta' Liżbona u jsaħħaħ ukoll id-dibattitu pubbliku dwar riformi xierqa; hu tal-fehma li l-mobilizzazzjoni tal-partijiet kollha interessati tista’ tkun garantita permezz tal-implimentazzjoni xierqa tal-prinċipju ta’ governanza f'livelli differenti;

58.  Jiddispjaċih għal darb'oħra li għadu ma ġiex miftiehem pjan ċar u kodiċi ta' prattika bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni, f'konsultazzjoni mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali u mal-Kumitat tar-Reġjuni, li jiggarantixxi l-koperazzjoni xierqa u l-involviment sħiħ tal-istituzzjonijiet rilevanti kollha tal-UE involuti fit-tkomplija tat-trattament xieraq tas-segwitu tal-Istrateġija ta' Liżbona; jistieden, f'dan il-kuntest, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jippreżentaw minnufih proposti għall-koperazzjoni mill-qrib tal-istituzzjonijiet rilevanti tal-UE, minħabba r-reviżjoni immedjata tal-linji ta' gwida integrati, kif ukoll tar-riflessjoni u t-tħejjija tal-aġenda Liżbona II li jmiss;

59.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.