MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
9.3.2009
skont l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Pervenche Berès
f’isem il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
dwar l-implimentazzjoni taz-Zona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA)
B6‑0111/2009
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni taz-Zona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta' Mejju 2006 dwar iz-Zona Unika ta' Pagamenti bl-Euro,
– wara li kkunsidra d-Dokument Speċjali Nru 71 t'Awwissu 2007 dwar l-impatt ekonomiku taz-Zona Unika ta' Pagamenti bl-Euro ppubblikat mill-Bank Ċentrali Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2007/64/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern[1] (Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament),
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-13 ta' Ottubru 2008 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ħlas transkonfinali fil-Komunità (COM(2008)0640),
– wara li kkunsidra s-Sitt Rapport dwar il-Progress tas-SEPA mill-Bank Ċentrali Ewropew ta' Novembru 2008,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi z-Zona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA) hija intiża bħala suq integrat għas-servizzi tal-pagament, li hu suġġett għal kompetizzjoni effettiva u fejn m'hemm l-ebda distinzjoni bejn pagamenti transkonfinali u nazzjonali bl-euro,
B. billi s-SEPA mhix biss inizjattiva ta' awtoregolazzjoni mill-Kunsill Ewropew tal-Ħlasijiet (EPC), iżda wkoll inizjattiva ewlenija ta' politika pubblika li ssaħħaħ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja kif ukoll l-Aġenda ta' Liżbona u hija appoġġata mid-Direttiva dwar is-Servizzi ta’ Pagament, li tipprovdi l-qafas legali armonizzat meħtieġ, u s-suċċess tagħha huwa, għalhekk, ta' interess partikolari għall-Parlament,
C. billi l-migrazzjoni għas-SEPA bdiet uffiċjalment fit-28 ta' Jannar 2008 bit-tnedija tal-istrument tas-SEPA għat-trasferiment tal-kreditu, waqt li l-qafas tas-SEPA dwar il-ħlasijiet bil-kards ilu fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2008, u l-iskema ta' Debitu Dirett tas-SEPA hija skedata biex tibda fl-1 ta' Novembru 2009,
D. billi ma kienet stabbilita l-ebda data vinkolanti għat-tmiem tal-migrazzjoni lejn l-istrumenti tas-SEPA, waqt li l-partijiet kollha involuti issa jaqblu li din hija imperattiva sabiex is-SEPA tkun ta' suċċess,
E. billi l-migrazzjoni lejn is-SEPA qed issir bil-mod iktar min-normal: sal-1 t'Ottubru 2008, 1,7 % biss tat-tranżazzjonijiet totali saru permezz tal-format tat-Trasferiment tal-Kreditu tas-SEPA,
F. billi huwa importanti li l-partijiet interessati rilevanti kollha - leġiżlaturi, l-industrija bankarja u l-utenti tas-servizzi ta' pagament (b'mod partikolari s-settur pubbliku, li huwa utent li jagħmel użu kbir minn prodotti ta' pagament) - jikkontribwixxu għat-temma tas-SEPA,
G. billi l-użu ta' prodotti tas-SEPA sempliċement għal transazzjonijiet ta' pagament transkonfinali ma jwasslux għas-suċċess tal-proġett tas-SEPA, minħabba li l-frammentazzjoni tippersisti u l-benefiċċji mistennija għall-industrija bankarja kif ukoll għall-klijenti tagħha ma jkunux jistgħu jiġu realizzati,
H. billi fl-4 ta' Settembru 2008, il-Kummissjoni u l-Bank Ċentrali Ewropew indikaw lill-EPC li huma jkunu lesti li jappoġġaw l-idea ta' ħlas għall-interskambju multilaterali (MIF) għal debiti diretti transkonfinali fil-qafas tas-SEPA bil-kundizzjoni li ħlasijiet bħal dawn ikunu ġġustifikati oġġetivament u applikabbli għal perjodu limitat biss,
I. billi l-Kummissjoni ġibdet l-attenzjoni għat-tħassib rigward l-MIF eżistenti, u l-industrija qed issib diffikultà biex issib soluzzjoni xierqa,
J. billi fir-rigward tas-soluzzjoni ta' kard tal-UE bbażata fuq il-qafas tas-SEPA dwar il-ħlasijiet bil-kards, għandha tiġi solvuta wkoll il-kwistjoni tal-applikazzjoni ta' MIF,
K. billi għandu jkun żgurat li se tinżamm il-validità legali ta' mandati eżistenti ta' debitu dirett, minħabba li l-obbligu li jkunu ffirmati mandati ġodda meta wieħed jibdel minn skemi nazzjonali ta' debitu dirett għall-iskema ta’ Debitu Dirett tas-SEPA jkun ta' piż;
1. Jenfasizza li se jkompli jappoġġa l-ħolqien tas-SEPA, li tkun suġġetta għall-kompetizzjoni effettiva u fejn ma ssir l-ebda distinzjoni bejn il-ħlasijiet transkonfinali u nazzjonali bl-euro;
2. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiffissa data tat-tmiem ċara, xierqa u vinkolanti, li m'għandhiex tkun iktar tard mill-31 ta' Diċembru 2012, għall-migrazzjoni lejn il-prodotti tas-SEPA, data li warajha l-ħlasijiet kollha bl-euro jkunu jridu jsiru skont l-istandards tas-SEPA;
3. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel dispożizzjoni għaċ-ċarezza legali rigward l-applikazzjoni ta' MIF għal debiti diretti transkonfinali, b'mod partikulari tistabbilixxi data li minnha 'l quddiem l-MIFs kollha (għall-pagamenti transkonfinali u nazzjonali) se jkunu pprojbiti;
4. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiċċara l-kwistjoni tal-MIF għall-pagamenti bil-kard;
5. Jitlob iktar ħidma sabiex jinstabu soluzzjonijiet xierqa fl-Istati Membri sabiex jiżguraw li tinżamm il-validità legali ta' mandati eżistenti ta' debitu dirett fl-iskema ta’ Debitu Dirett tas-SEPA;
6. Jistieden lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom biex jużaw prodotti tas-SEPA malajr kemm jista' jkun u sabiex jagħtuhom l-irwol tal-mutur fil-proċess ta' migrazzjoni;
7. Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tiżgura li l-migrazzjoni tal-istrumenti tas-SEPA ma tirriżultax f'sistemi ta' pagament iktar għaljin għaċ-ċittadini tal-UE;
8. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
- [1] ĠU L 319, 5.12.2007, p. 1.