Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0113/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0113/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

9.3.2009

imressqa wara l-mistoqsija li titlob tweġiba orali O‑0026/2009
skont l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Thijs Berman
f'isem il-Kumitat għall-Iżvilupp
dwar l-ilma fid-dawl tal-Ħames Forum Dinji dwar l-Ilma f'Istanbul mis-16 sat-22 ta' Marzu 2009

Proċedura : 2009/2518(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0113/2009

B6‑0113

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-ilma fid-dawl tal-Ħames Forum Dinji dwar l-Ilma f'Istanbul mis-16 sat-22 ta' Marzu 2009

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet Finali tal-ewwel erba' ''Fora Dinjija dwar l-Ilma'' f'Marrakech (1997), fl-Aya (2000), fi Kyoto (2003) u fil-Messiku (2006),

–   wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Konferenza ta' Dublin (1992) li tirrakkomanda l-adozzjoni ta' ġestjoni integrata tal-ilma li tirrikonoxxi l-valur tal-ilma f'kull użu tiegħu, u li tintroduċi l-prinċipju tat-tariffi tal-ilma,

–  wara li kkunsidra l-ħolqien tal-Kunsill Dinji dwar l-Ilma fl-1996, biex issir riflessjoni dwar l-isfidi marbuta mal-politika internazzjonali tal-ilma,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tal-Konferenza Internazzjonali dwar l-Ilma f'Bonn fl-2001, li tenfasizza l-bżonn urġenti li jiġu stimulati finanzjamenti ġodda mill-kategoriji kollha ta' investituri possibbli, kif ukoll il-bżonn li jissaħħaħ il-finanzjament pubbliku tal-ilma permezz ta' kapital privat, filwaqt li jiġu inkoraġġuti azzjonijiet fil-livell lokali,

–  wara li kkunsidra l-Konferenza ta' Monterrey li introduċiet il-kunċett ta' Sħubija Dinjija għall-Ilma li tkun tikkostitwixxi djalogu bejn partijiet ugwali, pluridimensjonali u estiż għall-intrapriżi, għall-istituzzjonijiet finanzjarji u għas-soċjetà ċivili, u din l-inizjattiva reġgħet issemmiet fin-NEPAD u fil-G8 f'Ġenova fl-2001, u fil-forum għas-Sħubija mal-Afrika fl-2003,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni bejn l-UE u n-Nazzjonijiet Uniti adottata f'Ħelsinki fl-1992, u li daħlet fis-seħħ fl-1996, li tipprovdi qafas legali ta' koperazzjoni reġjonali dwar il-ħarsien u l-użu tar-rotot tal-ilma transkonfinali u tax-xmajjar internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Konferenza ta' New York dwar l-Għanijiet tal-Millennju li tipprevedi li, sal-2015, titnaqqas bin-nofs il-perċentwali tal-popolazzjoni li m'għandhiex aċċess b'mod sostenibbli għall-ilma tax-xorb,

–  wara li kkunsidra t-Tieni Rapport Dinji tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-governanza tar-riżorsi tal-ilma: «L-ilma: responsabilità maqsuma»,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Marzu 2007 dwar l-entitajiet lokali u l-koperazzjoni għall-iżvilupp,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu dwar ir-Raba' Forum Dinji dwar l-Ilma fil-Messiku mis-16 sat-22 ta' Marzu 2006,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija orali O-0026/09 indirizzata lill-Kummissjoni dwar il-Ħames Forum Dinji dwar l-Ilma f'Istanbul, mis-16 sat-22 ta' Marzu 2009,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi n-nuqqas ta' ilma u ta' dekontaminazzjoni jikkawżaw 8 miljun mewta fis-sena, billi iktar minn biljun persuna m'għandhiex aċċess komdu u bi prezz aċċettabbli għall-ilma tax-xorb, u billi madwar 2.5 biljun persuna m'għandhom l-ebda mezz ta' dekontaminazzjoni,

B.  billi hemm 2.8 biljun persuna jgħixu f'postijiet affettwati mill-istress idriku u li dan l-ammont se jiżdied għal 3.9 biljun sal-2030,

C.  billi l-popolazzjonijiet foqra huma l-iktar vulnerabbli għall-bidla fil-klima u huma wkoll l-inqas kapaċi li jadattaw ruħhom għaliha,

D.  billi 70% tal-konsum dinji tal-ilma mhuwa konness mal-ebda loġika finanzjarja peress li fil-qasam tal-agrikoltura, ħadd ma jħallas għall-ilma somma li toqrob il-prezz tar-riżorsa,

E.  billi s-servizzi marbuta mal-użu tal-ilma u ġestjoni razzjonali għandhom jiddeterminaw livell ta' prezz li jevita użu żejjed minn ċerti setturi u jippermetti li jsiru investimenti fiż-żamma u fit-titjib tal-infrastrutturi, flimkien ma' miżuri ta' appoġġ biex tiġi garantita distribuzzjoni ekwa tal-ilma u appoġġ mill-gvern sabiex familji foqra jkunu jistgħu jħallsu għall-bżonnijiet bażiċi ta' ilma tagħhom,

F.  billi s-sussidji globali għall-ilma, li jirriżultaw fi prezzijiet tal-ilma artifiċjalment baxxi, iwasslu għal użu żejjed tal-ilma minn ċerti setturi u huma waħda mir-raġunijiet ewlenin għan-nuqqas tal-ilma,

G.  billi d-distribuzzjoni tal-ilma mhijiex ekwa, filwaqt li għandha tkun tikkostitwixxi dritt fundamentali u universali, peress li l-livell lokali huwa l-iktar wieħed rilevanti sabiex din tiġi definita u ġestita,

H.  billi l-liberalizzazzjoni u d-deregolamentazzjoni tad-distribuzzjoni tal-ilma fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u b'mod partikolari fl-Inqas Pajjiżi Żviluppati, mingħajr qafas regolatorju sod li jmur ma' dawn il-miżuri, jistgħu jirriżultaw f'żieda fil-prezzijiet li tolqot lill-ifqar persuni u tnaqqas l-aċċess tagħhom għall-ilma,

I.  billi madankollu s-sħubiji pubbliċi-privati, li jgħaqqdu regolamenti rigorużi u trasparenti, proprjetà pubblika u investiment privat, jistgħu jikkontribwixxu għal titjib tal-aċċess għall-ilma u d-dekontaminazzjoni, kif ukoll għal użu iktar effikaċi fil-livell tal-ispiża,

J. billi l-ostakoli ewlenin għal ġestjoni effikaċi tal-ilma huma : il-prijorità politika u finanzjarja dgħajfa mogħtija lill-ilma, il-ġestjoni ħażina, l-inadegwatezza tal-qafas legali, in-nuqqas ta' trasparenza fin-negozjati u fl-għoti tal-kuntratti, il-korruzzjoni u n-nuqqas ta' diskussjonijiet fir-rigward tat-tariffi,

K.  billi skont l-OECD, il-parti ta' għajuna pubblika għall-iżvilupp (ODA) dedikata għall-ilma u għad-dekontaminazzjoni tirrappreżenta biss 9% tal-ODA bilaterali u 4.5% tal-ODA multilaterali, u li hija mqassma ħażin, peress li l-Inqas Pajjiżi Żviluppati (LDC) irċevew biss 24% tal-fondi, filwaqt li huma l-iżjed li għandhom bżonn dawn il-fondi,

L.  billi l-''Forum Dinji dwar l-Ilma'', li jiltaqa' kull tliet snin, huwa post ta' diskussjoni u ta' orjentazzjoni ta' deċiżjonijiet politiċi dinjija fil-qasam tal-ġestjoni tal-ilma u tar-riżorsi tal-ilma,

1.  Jiddikjara li l-ilma huwa beni komuni tal-umanità u li għandu jkun jikkostitwixxi dritt fundamentali u universali; jitlob li jitwettqu l-isforzi kollha neċessarji sabiex jiġi garantit aċċess għall-ilma lill-iktar popolazzjonijiet vulnerabbli sal-2015;

2.  Jiddikjara li l-ilma huwa meqjus bħala beni pubbliku u għandu jitqiegħed taħt kontroll pubbliku, irrispettivament minn jekk huwiex ġestit parzjalment jew totalment mis-settur privat;

3.  Jenfasizza li kull politika ta' ġestjoni għandha tintegra wkoll il-ħarsien tas-saħħa pubblika u tal-ambjent u li l-Forum Dinji għandu jikkontribwixxi fl-iżvilupp ta' strateġiji li jħeġġu mezz ta' żvilupp ekonomiku u agrikolu li jiggarantixxi livell għoli ta' kwalità tal-ilma;

4.  Jitlob li jiġu abbandunati l-iskemai ta' sussidji globali għad-distribuzzjoni tal-ilma, li jnaqqsu l-effikaċja tal-inċentivi għal ġestjoni effiċjenti tal-ilma peress li joħolqu użu eċċessiv, sabiex b'hekk jinħelsu fondi maħsuba għal sussidji mmirati, partikolarment għall-popolazzjonijiet foqra u rurali, bil-għan li jkun hemm aċċess għall-ilma bi prezz aċċettabbli għal kulħadd;

5.  Jenfasizza l-interess ta' ħolqien ta' entitajiet ta' ġestjoni komuni tal-ilma bejn pajjiżi li jmissu mal-ilma tal-istess baċin, sabiex jinħolqu jew jissaħħu solidarjetajiet li jistgħu jwasslu biex il-kunflitti jittaffew jew jiġu solvuti;

6.  Ifakkar l-irwol essenzjali tan-nisa fil-provvista, fil-ġestjoni u fil-preservazzjoni tal-ilma;

7.  Jitlob lill-Istati Membri biex, minkejja l-kriżi finanzjarja, iżidu l-kontribuzzjoni tagħhom għall-ODA sabiex jintlaħaq l-Għan tal-Millennju għall-Iżvilupp (MGD) fir-rigward tal-provvista tal-ilma tax-xorb, li l-bżonnijiet ta' investiment għalih jammontaw għal 180 biljun dollaru fis-sena;

8.  Jitlob li l-mezzi tal-''Fond Ewropew għall-Ilma'' favur pajjiżi ACP jissaħħu fil-kuntest tal-Għaxar FEI u li jiġi żviluppati mezzi ġodda ta' finanzjament, inkluż dak privat u ta' sħubiji innovattivi, partikolarment il-finanzjament solidari;

9.  Jixtieq li l-ODA bilaterali jappoġġja ċerti azzjonijiet multilaterali bħall-Inizjattiva Afrikana għall-Ilma;

10.  Iqis li l-ODA għandha tintuża flimkien mar-riżorsi tal-entitajiet lokali, mad-donazzjonijiet volontarji, mas-self bankarju u mal-kapital privat sabiex jiġi żgurat li s-settur tal-ilma jirċievi finanzjament komplut kemm jista' jkun;

11.  Jinsisti dwar il-ħolqien ta' mekkaniżmi ta' garanzija li jistgħu jitwaqqfu mill-istituzzjonijiet finanzjarji u ta' żvilupp biex jibbilanċjaw il-prudenza tal-investituri fis-suq tal-ilma;

12.  Jafferma illi l-Istat, fil-missjonijiet tiegħu ta' definizzjoni tal-politiki u tal-mezzi neċessarji, ta' għażla tas-sħab u ta' tqassim tar-responsabilitajiet, filwaqt li jiddelega l-eżekuzzjoni lill-entitajiet lokali, għandu jibqa' protagonista prinċipali tal-politika tal-ilma;

13.  Jinsisti sabiex il-ġestjoni tar-riżorsi tal-ilma tkun ibbażata fuq approċċ deċentralizzat, parteċipattiv u integrat li jgħaqqad lill-utenti u lill-persuni li jieħdu d-deċiżjonijiet mad-definizzjoni tal-politiki tal-ilma fil-livell lokali;

14.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tiżviluppa programmi ta' sensibilizzazzjoni fir-rigward tal-ilma, kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi sħab tal-UE;

15.  Jinsisti dwar il-bżonn li jiġu appoġġjati l-awtoritajiet pubbliċi fl-isforzi tagħhom sabiex jimplimentaw ġestjoni demokratika tal-ilma li tkun effikaċi, trasparenti, regolamentata u li tirrispetta l-għanijiet għall-iżvilupp sostenibbli sabiex jiġu sodisfatti l-bżonnijiet tal-popolazzjonijiet;

16.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jirrikonoxxu l-irwol fundamentali tal-awtoritajiet lokali fil-ħarsien u l-ġestjoni tal-ilma, sabiex, kullimkien, isiru responsabbli għall-ġestjoni tas-settur tal-ilma, u jiddispjaċih li l-kompetenzi tal-entitajiet lokali tal-Unjoni Ewropea (UE) mhumiex wisq valorizzati mill-programmi ta' kofinanzjament Ewropej;

17.  Jitlob għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet lokali tal-UE biex jikkonsakraw parti mill-ħlasijiet irċevuti mill-utenti għall-provvista tas-servizzi tal-ilma u tad-dekontaminazzjoni favur azzjonijiet ta' koperazzjonijiet deċentralizzati;

18.  Jitlob, fil-kuntest tal-proprjetà pubblika u fil-qafas regolatorju adegwat, biex jiġu permessi iżjed sforzi sabiex is-settur privat jiġi impenjat fid-distribuzzjoni tal-ilma, biex jittieħed benefiċċju mill-kapital tiegħu, mill-għarfien u mit-teknoloġija, bil-għan li jittejjeb l-aċċess għall-ilma u għad-dekontaminazzjoni;

19.  Iqis li l-kompitu tal-Istati huwa li jintegraw il-fornituri privati ta' daqs żgħir fl-istrateġiji nazzjonali tagħhom ta' provvista tal-ilma;

20.  Huwa tal-fehma li s-sistemi ta' sħubija pubblika-privata, li fihom l-awtoritajiet pubbliċi għadhom proprjetarji tal-infrastrutturi u jikkonkludu kuntratt ta' ġestjoni mas-settur privat, jistgħu jkunu wieħed mill-mezzi għat-titjib tal-aċċess bi prezz aċċettabbli għall-ilma u għad-dekontaminazzjoni;

21.  Jinsisti dwar il-promozzjoni ta' approċċi ġodda bħat-tisqija taz-zoni rurali u l-ħolqien ta' ċinturini ħodor madwar il-bliet, sabiex jissaħħu s-sikurezza tal-ikel u l-awtonomija lokali;

22.  Iqis li l-irwol ta' intermedjarju tal-NGOs tal-post mal-popolazzjonijiet huwa element kumplimentari insostitwibbli biex jiġi garantit suċċess tal-proġetti fil-pajjiżi foqra;

23.  Jixtieq li jkun hemm sistema ta' tqassim ekwu tat-tariffi li tippermetti l-provvista ta' ilma bi prezz aċċettabbli lill-iktar persuna żvantaġġjati;

24.  Jinsab konvint li l-ekonomizzar lokali għandu jintuża wkoll, u dan jeħtieġ l-eliminazzjoni min-naħa tal-gvernijiet ta' kull ostakolu ta' natura legali, fiskali jew amministrattiva li jxekkel l-iżvilupp tas-swieq finanzjarji lokali;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw politika ta' għajnuna għall-ġestjoni tal-ilma, ibbażata fuq il-prinċipju tal-aċċess universali, ekwu u mhux diskriminatorju għal ilma sikur għas-saħħa;

26.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw u jappoġġjaw l-isforzi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-qasam tal-adattament u tat-tnaqqis tal-effetti tal-bidla fil-klima; ifakkar f'dan ir-rigward l-importanza li titwaqqaf malajr Alleanza Globali kontra l-Bidla fil-Klima;

27.  Jenfasizza l-importanza li jitqiesu l-bżonnijiet tal-foqra fit-tfassil tal-politiki ta' provvista u ta' ġestjoni tal-ilma, immirati partikolarment lejn l-iktar popolazzjonijiet vulnerabbli għall-bidla fil-klima;

28.  Jitlob li l-Presidenza tirrappreżenta lill-UE fil-Forum ta' Istanbul, bil-mandat illi:

  • -jitqies l-aċċess għall-ilma tax-xorb bħala dritt fundamentali għall-għixien tal-persuni u mhux biss bħala beni ekonomiku ta' merkanzija soġġett biss għar-regoli tas-suq;
  • -jiġu difiżi l-orjentamenti espressi f'din ir-riżoluzzjoni;

29.  Jixtieq li jinbdew negozjati fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex jintlaħaq ftehim dwar Trattat internazzjonali li jirrikonoxxi dan id-dritt;

30.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill tal-Ministri ACP-UE, lis-Segretarjat Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u lis-Segretarjat Ġenerali tal-kumitati tal-Kuntratt Dinji tal-Ilma.