Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0114/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0114/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

9.3.2009

imressqa wara l-mistoqsija li titlob tweġiba orali B6‑0030/2009
skont l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Josep Borrell Fontelles
f'isem il-Kumitat għall-Iżvilupp
dwar approċċ għall-‘Għajnuna tal-KE għall-iżvilupp fir-rigward tas-servizzi tas-saħħa fl-Afrika tas-Sub-Saħara’

Proċedura : 2009/2552(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0114/2009
Testi mressqa :
B6-0114/2009
Testi adottati :

B6‑0114/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar approċċ għall-‘għajnuna tal-KE għall-iżvilupp fir-rigward tas-servizzi tas-saħħa fl-Afrika tas-Sub-Saħara’

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 10/2008 tal-Qorti tal-Awdituri dwar "l-Għajnuna għall-Iżvilupp mogħtija mill-KE għas-Servizzi tas-Saħħa fl-Afrika 'l Isfel mis-Saħara",

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju ta' Settembru 2000 li tistabbilixxi l-Għanijiet ta' Żvilupp għall-Millennju (MDGs) bħala kriterji stabbiliti b'mod konġunt mill-komunità internazzjonali għall-eliminazzjoni tal-faqar,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' April 2005: “It-Tħaffif tal-progress lejn l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp - Il-kontribut tal-Unjoni Ewropea",

–  wara li kkunsidra l-Programm ta’ Azzjoni tal-Konferenza Internazzjonali dwar il-Popolazzjoni u l-Iżvilupp, li ġiet adottata fl-1994,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni adottata fit-22 ta’ Novembru 2007 mill-Assemblea Konġunta tal-Parlament ACP-EU dwar l-aċċess għall-kura tas-saħħa u għall-prodotti mediċinali, b'mod partikulari f'dak li għandu x'jaqsam ma' mard traskurat,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Strateġija għall-Programmi Tematiċi 2007-2013: “Investiment fin-nies”, ibbażat fuq ir-Regolament (KE) 1905/2006 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp,

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar is-Saħħa fid-Dinja tal-2008 mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa (WHO) – Il-Kura primarja tas-Saħħa – Issa aktar min qatt qabel,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-MDGs[1] u r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta’ Settembru 2008 dwar Imwiet marbuta mal-maternità qabel il-Laqgħa ta’ Livell Għoli tan-NU tal-25 ta’ Settembru – reviżjoni tal-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp[2],

–  wara li kkunsidra l-Mistoqsija Orali B6-0030/2009 lill-Kummissjoni dwar ir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri Nru 10/2008 dwar l-Għajnuna għall-iżvilupp mogħtija mill-KE għas-Servizzi tas-Saħħa fl-Afrika 'l Isfel mis-Saħara",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi l-fondi tal-KE għas-settur tas-saħħa ma żdidux mill-2000 bħala proporzjon tal-assistenza għall-iżvilupp totali tagħha minkejja l-impenji għall-MDGs u l-kriżi tas-saħħa fl-Afrika tas-Sub-Saħara,

B.  billi l-KE m’għamlitx arranġamenti sistematiċi biex tiggarantixxi li hemm għarfien tas-saħħa suffiċjenti biex timplimenta l-politika tagħha tas-saħħa b’mod xieraq,

C.  billi, filwaqt li l-ħsieb attwali tal-għajnuna mill-baġit ġenerali jinkludi rabtiet mas-settur tas-saħħa, l-implimentazzjoni tiegħu ma daħlitx fil-fond biżżejjed biex tesplora dawn ir-rabtiet u tindirizza l-ħtiġijiet tal-ifqar setturi tal-popolazzjoni,

D.  billi s-sostenn tal-baġit tas-settur, li jiffoka fuq is-settur tas-saħħa, ftit ġie użat mill-Kummissjoni fl-Afrika tas-Sub-Saħara.

E.  billi nofs il-popolazzjoni tal-Afrika tas-Sub-Saħara għadha tgħix fil-faqar, u billi l-Afrika huwa l-uniku kontinent li mhuwiex jagħmel progress lejn l-MDGs, speċjalment it-tliet MDGs relatati mas-saħħa – il-mortalità fost it-tfal, il-mortalità fil-maternità u l-ġlieda kontra l-HIV/AIDS, it-tuberkolożi u l-malarja –, li huma kruċjali biex jiġi indirizzat il-faqar iżda li l-anqas li hemm ċans jintlaħqu sal-2015,

F.  billi, minkejja l-problemi ta’ sostenibilità osservati fi proġetti relatati mas-saħħa, dan il-metodu ta’ provvista ta’ għajnuna ta prova ta’ effikaċja biex jgħin is-settur tas-saħħa fl-Aftrika tas-Sub-Saħara,

G.  billi kull sena 3.5 miljun tifel u tifla jmutu qabel il-ħames sena bħala riżultat ta’ dijarea u pulmonite,

1.  Jikkunsidra li sistema tas-saħħa dgħajfa, inkluża l-kriżi ta’ riżorsi umani, huma ostaklu maġġuri biex jinkisbu l-MDGs tas-saħħa, u jenfasizza li t-tisħiħ ta’ sistemi tas-saħħa għandu jkun element essenzjali fit-tnaqqis tal-faqar; jemmen li l-infrastruttura bażika tal-kura tas-saħħa teħtieġ appoġġ finanzjarju stabbli u fuq perjodu ta’ żmien twil jekk l-MDGs relatati mas-saħħa għandhom iħallu frott;

2.  Jikkunsidra li, bil-ħsieb li jinkisbu riżultati aħjar fis-saħħa u biex jintlaħqu l-miri tal-iżvilupp tas-saħħa li sar qbil dwarhom f'livell internazzjonali, hemm bżonn ta’ impenn komuni; f’dan il-kuntest, jilqa’ b’sodisfazzjon l-impenn min-naħa tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jaħdmu lejn mira ta’ 15% tal-baġits nazzjonali bħala investiment għas-saħħa (Abuja); jiddispjaċih li l-KE allokat 5.5% biss mit-total tad-disa’ għajnuna EDF għas-saħħa;

3.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex issaħħaħ l-appoġġ tagħha għas-servizzi tas-saħħa fl-Afrika tas-Sub-Saħara u biex tirrevedi l-bilanċ tal-iffinanzjar tal-KE bil-ħsieb li tagħti prijorità lill-għajnuna għas-sistema tas-saħħa;

4.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex iżżid il-fondi allokati għas-settur tas-saħħa fir-reviżjoni ta’ nofs it-terminu tal-għaxar EDF, indipendentement minn strateġija neċessarjament komprensiva li tinkludi appoġġ għal setturi li għandhom impenn usa’ fuq ir-riżultati fis-saħħa, bħall-edukazzjoni, l-ilma u s-sistemi ta’ sanità, l-iżvilupp rurali u l-governanza;

5.  Jenfasizza li l-impenn meħud fil-qafas tal-istrument għall-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) li 20% mill-fondi jiġu ddedikati għas-saħħa u għall-edukazzjoni bażika sal-2009 għandu japplika għall-infiq kollu tal-politika Ewropea għall-iżvilupp, inkluż il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp, sabiex ikun koerenti; Jitlob lill-Kummissjoni tinforma lill-kumitati kompetenti tal-Parlament, sal-10 ta’ April 2009, x’inhu l-persentaġġ, għal kull pajjiż, mill-għajnuna totali għall-iżvilupp allokata għall-Afrika tas-Sub-Saħara li kien iddedikat għall-edukazzjoni bażika u sekondarja u s-saħħa bażika;

6.  Jitlob lill-Kunsill ipoġġi l-EDF fil-qafas tal-baġit tal-UE, kif diġà ntalab ripetutament mill-Parlament, li jippermetti aktar koerenza tal-politika u ħarsa ġenerali tal-infuq għall-iżvilupp;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm biżżejjed għarfien fis-saħħa sabiex ikollha sehem effettiv fid-djalogu tas-settur tas-saħħa billi jiżgura li kull delegazzjoni fejn is-saħħa tkun settur iffukat ikollha speċjalisti tas-saħħa, billi taħdem aktar mill-qrib ma’ konsulenti tas-saħħa tal-ECHO f’pajjiżi fejn tkun saret gwerra, billi tifforma sħubiji aktar mill-viċin mal-WHO sabiex tipprofitta mill-għarfien tagħhom, u billi tidħol fi ftehimiet formali mal-Istati Membri tal-UE biex jużaw l-għarfien tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni tibgħat lill-kumitati kompetenti tal-Parlament, sal-10 ta’ April 2009, ħarsa ġenerali tan-numru rispettiv ta’ esperti tas-saħħa u l-edukazzjoni li għamlet disponibbli fir-reġjun, fil-livell ta’ delegazzjoni kif ukoll fil-kwartjieri ġenerali tagħha, u skeda ta’ żmien/ħarsa ġenerali preċiża għall-2009 u 2010 fejn tindika kif bi ħsiebha żżid dan l-ammont u fejn se jiġu allokati dawn il-persuni, sabiex it-tweġibiet tal-Kummissjoni jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati għall-proċedura ta’ kwittanza għall-2007;

8.  Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ ta’ assistenza teknika għall-Fond Globali għall-HIV/AIDS, it-tuberkolożi u l-malarja (GFATM) fil-livell ta’ pajjiż fil-preparazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal għotjiet u fl-implimentazzjoni ta’ kuntratti ta’ għotjiet u biex tipprovdi feedback lill-kwartjieri ġenerali tal-KE sabiex tiżgura li jkollha rwol effettiv fil-bord eżekuttiv tal-GFATM;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżid il-kapaċità tagħha fi staff u riżorsi, kemm fil-livell ta’ kwartjieri ġenerali u delegazzjonijiet, sabiex tappoġġja l-istateġija tagħha tas-saħħa fil-pajjiżi u biex tiżgura l-effikaċja tal-ħlasijiet tal-GFATM; u jitlob sabiex tingħata prijorità akbar lill-mard li faċilment jista’ jiġi evitat, bħall-mard tad-dijarea, li jista’ jiġi evitata bil-kbir permezz ta’ aċċess universali għas-sapun u kampanji xierqa li jqajmu kuxjenza dwar il-ħasil tal-idejn;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni wkoll biex tagħmel użu akbar ta’ għajnuna mill-baġit ġenerali biex tissaħħaħ il-kura tas-saħħa b’indikaturi ta’ prestazzjoni dwar il-progress lejn il-mira ta’ 15% (il-mira Abuja) u rati ta’ implimentazzjoni (dgħufija speċifika fl-immaniġġjar tal-finanzi pubbliċi u s-sejħiet għall-offerti), l-assistenza teknika dwar id-djalogu tal-politika fis-settur tas-saħħa u sistemi tajba tal-istatistika;

11.  Jikkonferma li l-kuntratti tal-MDG għandhom il-potenzjal li jiżguraw investiment sostenibbli u fuq perjodu ta’ żmien twil fis-saħħa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u biex jgħinhom jiksbu l-MDGs, iżda biss jekk il-Kummissjoni tiżgura li l-kuntratti tal-MDGs jikkonċentraw primarjament fuq is-saħħa u s-setturi tal-edukazzjoni; jenfasizza, madankollu, li l-kuntratti tal-MDGs huma biss parti mis-soluzzjoni meta wieħed jiġi għal titjib fl-effikaċja u biex jgħaġġel il-progress lejn l-MDGs li jirrigwardaw is-saħħa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni wkoll biex tiżviluppa approċċi alternattivi, speċjalment għal dawk il-pajjiżi li għadhom mhumiex eliġibbli għall-kuntratti tal-MDGs, li spiss jinsabu aktar ’il bogħod milli jiksbu l-MDGs dwar is-saħħa u li għandhom l-akbar bżonn ta’ għajnuna għall-iżvilupp;

12.  Jilob lill-Kummissjoni tuża l-miri li jkejlu direttament ir-riżultati ta’ politiki u biex tistabilixxi mekkaniżmi u għodda ta’ monitoraġġ biex tiżgura li proporzjon adegwat ta’ għajnuna mill-appoġġ tal-baġit ġenerali issostni l-ħtiġijiet bażiċi, partikolarment is-saħħa; jenfasizza li dan għandu jkun akkumpanjat minn għajnuna għall-bini ta’ kapaċitajiet; jitlob lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament sa tmiem l-2009 dwar il-passi li tkun ħadet;

13.  Jitlob għall-bini ta’ kapaċitajiet fil-ministeri kollha bil-ħsieb li tiġi żgurata effikaċja akbar fil-qasam tas-saħħa permezz ta’ nfiq addizzjonali tal-baġit, peress li l-pussess ta’ pajjiżi spiss wisq ikun limitat għall-Ministeri tal-Finanzi;

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel użu akbar tal-appoġġ tal-baġit tas-settur; jitlob lill-Kummissjoni tirrevedi r-rekwiżit ġenerali li l-appoġġ tal-baġit tas-settur jista’ jintuża biss jekk is-saħħa tkun settur fokali u biex terġa’ tikkunsidra d-distribuzzjoni attwali tagħha ta’ riżorsi bejn l-appoġġ tal-baġit tas-settur u l-appoġġ tal-baġit ġenerali;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi appoġġ għal skrutinju tal-appoġġ mill-baġit mill-parlamenti, mis-soċjetà ċivili u mill-awtoritajiet lokali sabiex tkun assigurata rabta soda u ċara bejn l-għajnuna mill-appoġġ tal-baġit u li jinkisbu l-MDGs;

16.  Jikkundanna l-fatt li hu biss numru limitat ta' pajjiżi sħab (sitta) kienu magħżula fuq il-bażi tas-saħħa bħala settur fokali skont l-għaxar EDF; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex b'mod sistematiku tinkoraġġixxi pajjiżi biex iżidu l-baġit nazzjonali tas-saħħa billi jużaw indikaturi tal-prestazzjoni li jimmiraw għal dawn iż-żidied fil-Ftehimiet ta’ Finanzjament tas-Għajnuna mill-Baġit Ġenerali.

17.  Jistieden lill-Kummissjoni biex ikollha sehem aktar b'saħħtu bħala faċilitatur tad-djalogu bejn il-gvernijiet tal-pajjiżi sħab u s-soċjetà ċivili, is-settur privat u l-parlamenti nazzjonali;

18.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi u tqassam gwida ċara dwar meta kull strument għandu jintuża u kif dawn jistgħu jintużaw flimkien għall-akbar sinerġija; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li jkun hemm koerenza bejn l-istrumenti finanzjarji differenti, waqt li titqies is-sitwazzjoni fil-pajjiżi individwali, sabiex ikun garantit progress dwar l-MDGs relatati mas-saħħa;

19.  Jinsisti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jużaw il-Kodiċi ta’ Kondotta tal-UE dwar il-Koperazzjoni tal-Iżvilupp tat-Tqassim tax-Xogħol biex ikun żgurat li l-infiq u l-programmi relatati mas-saħħa jkunu kkoordinati aħjar u biex tkun garantita konċentrazzjoni aħjar fuq il-pajjiżi li ma jirċievu għajnuna ta’ xejn (‘aid-orphan countries’) u li ġew ittraskurati, inkluż pajjiżi fi kriżi u stati fraġli;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'koperazzjoni mill-qrib mal-Qorti tal-Awdituri, biex tidentifika kif in-nuqqasijiet innutati fir-Rapport tal-Qorti tal-Awdituri jistgħu jkunu indirizzati u sabiex jintbaghat rapport dwar l-eżitu ta' dawn id-diskussjonijiet lill-kumitati kompetenti tal-Parlament sa tmiem l-2009;

21.  Jagħti istruzzjoni lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Qorti tal-Awdituri, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-pajjiżi Afrikani kkonċernati.