Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0133/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0133/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

19.2.2009

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Jan Andersson
f'isem il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri 2008-2010

Proċedura : 2009/2519(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0133/2009

B6‑0133/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri 2008-2010

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-20 ta' Mejju 2008 dwar il-Linji Gwida għall-Impjiegi 2008-2010,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2008 dwar Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku (COM(2008)0800),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-15 ta’ Lulju 2008 dwar il-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għal politika dwar l-impjiegi tal-Istati Membri tat-28 ta' Jannar 2009 (COM(2008)0869),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-11 u t-12 ta' Diċembru 2008, li stipulaw il-qafas ta' azzjoni tal-UE biex tiġi evitata r-riċessjoni u jiġu sostnuti l-attività ekonomika u l-impjiegi,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ottubru 2008 dwar il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, inkluż il-faqar fost it-tfal, fl-UE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

A.  billi hemm interrelazzjoni qawwija bejn it-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi, il-ġlieda kontra l-faqar u l-inklużjoni soċjali,

B.  billi l-kriżi ekonomika attwali tippreżenta sfidi mingħajr preċedent ta' żidiet fil-qgħad u esklużjoni soċjali, u billi s-sitwazzjoni ekonomika tal-UE hija prevista li se tkompli sejra għall-agħar, waqt li tiġġenera rata mnaqqsa jew saħansitra negattiva ta' żieda fl-impjiegi u aktar qgħad fl-UE fl-2009,

C.  billi l-Istrateġija Ewropea għall-Impjiegi u l-Linji Gwida għall-Impjiegi huma l-istrumenti ewlenin fil-qafas tal-Istrateġija ta' Liżbona li għandhom l-għan li jindirizzaw l-isfidi tas-suq tax-xogħol,

D.  billi l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom responsabilità komuni biex jindirizzaw l-isfidi, l-opportunitajiet u l-inċertezzi taċ-ċittadini fir-rigward tal-globalizzazzjoni,

E.  billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali tirrikjedi li l-UE tirreaġixxi b'mod deċiżiv u koordinat biex tipprevjeni t-telf tal-impjiegi, tappoġġja dħul adegwat għaċ-ċittadini u tevita r-riċessjoni, u biex tbiddel l-isfidi ekonomiċi u dawk tal-impjiegi attwali f'opportunitajiet,

F.  billi għaldaqstant huwa urġenti li jiżdiedu l-isforzi fil-livelli kollha tat-tmexxija, bl-involviment tas-sħab soċjali u parteċipanti rilevanti oħra, biex isir investiment fin-nies u jiġu mmodernizzati s-swieq Ewropej tax-xogħol, b'mod partikolari billi jiġu applikati strateġiji ta' flessigurtà,

Ġenerali: l-irkupru ekonomiku u l-gwida għall-politiki tal-impjiegi

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku u l-enfażi tagħha fuq ir-rabta bejn l-istimolu fiskali fuq perjodu qasir ta' żmien u l-Istrateġija ta' Liżbona u l-Linji Gwida Integrati fuq perjodu twil ta' żmien; jenfasizza f'dan ir-rigward li hu importanti li jiġi żgurat li kwalunkwe miżuri maħsuba għal perjodu qasir ta' żmien li jittieħdu mill-Istati Membri biex l-ekonomija tirkupra jikkontribwixxu biex jintlaħqu objettivi miftehma b'mod komuni;

2.  Jinnota li fil-kriżi attwali dilemma ewlenija hi li l-istrumenti Ewropej tal-politika ekonomika għadhom mhumiex żviluppati biżżejjed biex jirnexxielhom jilqgħu għall-isfidi li ġejjin; jitlob, għaldaqstant, li jkun hemm analiżi u aġġornament tal-għodod essenzjali tal-politika, b'mod partikolari l-Linji Gwida Integrati, il-Patt ta' Stabilità u Tkabbir, kif ukoll l-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli, biex jiġu integrati fil-qafas ta' Patt Ġdid għal Tkabbir Għaqli fl-Unjoni Ewropea;

3.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Linji Gwida Integrati jiġu ffukati mill-ġdid fl-isfond tad-deterjorazzjoni ekonomika u jħeġġeġ lill-Kunsill biex jaqbel dwar miżuri maħsuba għal perjodu ta' żmien qasir biex tiġi ssalvagwardjata r-rata tal-impjiegi tal-2008 u biex isir investiment fil-ġlieda kontra l-bidla fil-klima, u biex jistieden lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali, skont il-prattika nazzjonali, biex jiżguraw dħul suffiċjenti b'attenzjoni partikolari għall-aktar gruppi vulnerabbli fis-soċjetà; jistenna li l-Kummissjoni tniedi inizjattivi u tippreżenta proposti fir-rigward ta' dawn l-għanijiet qabel il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa li ġej;

4.  Ifakkar li l-edukazzjoni, il-kwalifiki u t-taħriġ huma l-aqwa miżuri tal-politika tal-impjieg u li l-infrastruttura għal servizzi ta' kura tat-tfal għandha titqies bħala waħda mill-prekundizzjonijiet biex tiżdied il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, b’mod partikulari dik tan-nisa; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jintegraw dawn il-prinċipji komuni f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali fir-rigward tal-programmi nazzjonali tagħhom ta' riforma;

Il-Linji Gwida tal-Impjiegi 2008-2010: ħtieġa urġenti ta' implimentazzjoni rigoruża

5.  Itenni l-importanza li jintuża l-kunċett tal-flessigurtà fil-linja gwida 20 biex jinbena pont bejn l-impjiegi, u jenfasizza li dan jirrikjedi livell għoli ta' ħarsien fl-iskemi tas-sigurtà soċjali kif ukoll politiki tas-suq tax-xogħol attivi;

6.  Jilqa' b'sodisfazzjon f'dan ir-rigward id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li hu essenzjali li jissaħħu l-iskemi ta' attivazzjoni, b'mod partikolari għall-persuni li m'għandhomx kwalifiki; jitjiebu s-sussidji tal-impjiegi u l-korsijiet ta' taħriġ qosra għal gruppi vulnerabbli u dawk l-aktar f'riskju li jkunu bla xogħol għal żmien twil; jiġi pprovdut taħriġ (mill-ġdid) u ħiliet ġodda meħtieġa f'setturi affettwati b'mod inqas negattiv; jiġi żgurat ħarsien soċjali adegwat li jipprovdi sigurtà fid-dħul, kif ukoll isir impenn kruċjali rigward id-djalogu soċjali u l-involviment tas-sħab soċjali;

7.  Jenfasizza l-importanza ta' azzjonijiet immirati għal gruppi vulnerabbli fi żminijiet ta' qgħad għoli, u b'mod partikolari azzjonijiet immirati għal gruppi ta' persuni li ilhom ħafna żmien mingħajr xogħol, persuni b'diżabilitajiet u gruppi immigranti;

8.  Jemmen li, minħabba s-severità tal-kriżi ekonomika, il-Kummissjoni trid tkun lesta tieħu miżuri mhux tas-soltu, inkluż it-twessigħ tal-aċċess għall-Fond ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, li jrid ikun jista' jappoġġja ħaddiema f'firxa usa' ta' sitwazzjonijiet, inklużi ħaddiema temporanji li tilfu l-impjieg tagħhom, u l-ftuħ temporanju tal-Fond Soċjali Ewropew biex jiġu appoġġjati miżuri ta' preservazzjoni tal-impjiegi permezz ta' skemi ta' taħriġ;

9.  Jemmen li l-kriżi ekonomika teħtieġ li jissaħħu l-miżuri tal-UE biex jiġi indirizzat ir-ristrutturar, b'mod partikolari t-tisħiħ tad-drittijiet tal-informazzjoni u tal-konsultazzjoni;

10.  Jemmem li r-riforma li jmiss tal-Fondi Strutturali tal-UE għandha tiffoka l-objettivi tagħhom iktar viċin tal-ħolqien ta' impjigi sostenibbli u ta' kwalità għolja;

11.  Jenfasizza, madankollu, l-importanza tal-edukazzjoni mhux biss biex tiżdied l-impjegabilità tal-ħaddiema iżda wkoll biex titjieb il-mobilità tagħhom, li hija importanti għall-funzjonament tas-suq intern; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza tal-validazzjoni ta' ħiliet miksuba kemm formalment u kif ukoll informalment;

12.  Jenfasizza l-importanza tal-linja gwida 23 u ta' investimenti sostanzjali fit-tagħlim tul il-ħajja sabiex titnaqqas ir-rata tal-qgħad, kif ukoll biex jintlaħaq l-għan li jinħolqu impjieġi aħjar fl-Ewropa; jenfasizza f'dan il-kuntest il-ħtieġa li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess ugwali għal programmi ta' tagħlim tul il-ħajja, u l-opportunità li jieħdu sehem fihom, b'attenzjoni speċjali għal gruppi vulnerabbli; Jenfasizza li l-Fond Soċjali Ewropew (ESF) u l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF) għandhom jintużaw biex jiffinanzjaw azzjonijiet bħal dawn immedjatament;

13.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li dawk bl-iktar livelli baxxi ta' edukazzjoni inizjali, l-anzjani, in-nies fiz-zoni rurali u l-persuni b'diżabilità huma l-inqas li x'aktarx jipparteċipaw fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fit-tagħlim tul il-ħajja fil-pajjiżi kollha;

14.  Jenfasizza li t-titjib fil-mod kif jiġi pprovdut it-tagħlim għall-adulti huwa essenzjali biex tiżdied il-parteċipazzjoni, u li l-miżuri biex jiġi promoss mod effettiv kif jingħata dan it-tagħlim jinkludu d-disponibilità ta' postijiet għat-tagħlim u faċilitajiet għall-kura tat-tfal lokalment; servizzi ta’ tagħlim miftuħa u tagħlim mill-bogħod għal dawk f’zoni remoti; informazzjoni u gwida; programmi adattati u arranġamenti ta’ tagħlim flessibbli;

15.  Ifakkar fil-fatt li r-rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Ewropa għadhom għoljin wisq; ifakkar ukoll li l-esperjenza minn kriżijiet ekonomiċi preċedenti turi li ż-żgħażagħ li jabbandunaw l-edukazzjoni tagħhom u jispiċċaw mingħajr xogħol għandhom opportunitajiet sostanzjalment inqas biex jidħlu fis-suq tax-xogħol; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza li l-Istati Membri kollha jilħqu l-għan tal-linja gwida 18, li kull persuna żagħżugħa li tkun telqet mill-iskola tiġi offruta, fi żmien 4 xhur, impjieg, apprendistat, aktar taħriġ jew miżura ta' impjegabilità;

16.  Jitlob li tittieħed azzjoni deċiżiva biex tiġi miġġielda l-problema tal-parteċipazzjoni baxxa tan-nisa fis-suq tax-xogħol; ifakkar li r-rati ta' nisa li jaħdmu huma ġeneralment aktar baxxi, u li huwa iktar komuni għan-nisa milli għall-irġiel li jkollhom impjieg part-time; jenfasizza, għaldaqstant, l-importanza ta' politika li permezz tagħha l-irġiel u n-nisa jkollhom responsabilità ugwali; biex jintlaħaq dan, jistieden lill-Istati Membri biex jissodisfaw b'mod urġenti l-obbligi tagħhom skont il-miri ta' Barċellona;

17.  Jinnota bi tħassib li l-impjieg part-time, li fih il-maġġoranza tal-ħaddiema huma nisa, qed jirriżulta li qed jiġi affettwat b'mod partikolari mill-kriżi ekonomika;

18.  Jikkunsidra li fi żminijiet ta' qgħad għoli, hemm riskju ovvju li l-koeżjoni reġjonali u soċjali tbati, u għaldaqstant jenfasizza l-importanza tal-linja gwida 17 dwar l-implimentazzjoni tal-koeżjoni soċjali u territorjali biex jiġi evitat li jkun hemm nuqqasijiet f'dan il-qasam;

19.  Jenfasizza l-importanza, speċjalment fil-kriżi ekonomika, ta' investimenti fis-settur tas-servizzi soċjali; iqis li dan huwa s-settur li qed jipprovdi firxa wiesgħa ta' servizzi importanti fil-komunità, kif ukoll li jimpjega proporzjon kbir tal-popolazzjoni; jenfasizza li s-settur tas-servizzi soċjali għaldaqstant jeħtieġ li jiġi sostnut biex jiġi evitat li jkun hemm tnaqqis fil-kwalità tas-servizzi fil-komunità u żieda fir-rati tal-qgħad;

20.  Jinnota b'dispjaċir li huwa possibbli li waqt dan iż-żmien ta' kriżi ekonomika jista' jkun hemm xi pressjonijiet fuq il-pagi f'xi kumpaniji bħala alternattiva volontarja għal sensji selettivi; jenfasizza, madankollu, li hu importanti li l-kriżi ma titħalliex tagħmel pressjoni sabiex il-pagi jonqsu b'mod ġenerali; iqis li hu importanti li:

-  kull Stat Membru, skont it-tradizzjonijiet u l-prattiki nazzjonali, jistabbilixxi politika li jneħħi mis-suq il-kompetizzjoni fuq il-bażi tal-pagi baxxi ħafna,

-  l-ftehimiet innegozjati b'mod kollettiv ikollhom kopertura wiesgħa,

-  il-ġerarkija tal-ftehimiet kollettivi tiġi osservata,

-  il-pagi u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, kif stipulati fil-ftehimiet kollettivi u/jew fil-liġi tax-xogħol, jiġu osservati u implimentati fil-prattika;

Il-ħtieġa ta' azzjoni koordinata b'reazzjoni għall-kriżi ekonomika

21.  Jenfasizza l-importanza ta' investimenti proattivi u koordinati fl-Istati Membri kollha, inkluż fl-infrastruttura produttiva, l-edukazzjoni u l-bidla fil-klima, biex jintlaħaq l-għan li jiżdiedu l-livelli tan-nies li qed jaħdmu, jingħata kontribut għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u tiġi żgurata l-koeżjoni soċjali; jenfasizza f'dan il-kuntest l-importanza ta' appoġġ mill-UE għall-iżvilupp ta' industrija moderna u sostenibbli;

22.  Jenfasizza li hu importanti li mhux biss jinħolqu aktar impjiegi iżda wkoll li tinżamm u titjieb il-kwalità tal-impjiegi li huma disponibbli llum;

23.  Jistieden lill-Istati Membri biex ikomplu jippromwovu s-sjieda u jtejbu l-involviment tal-parteċipanti kollha kkonċernati, inklużi s-sħab soċjali u partijiet interessati oħra, fejn ikun xieraq, biex jiġu implimentati l-Linji Gwida għall-Impjiegi b'mod effettiv;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.