MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
10.3.2009
skont l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta’ Proċedura
minn Monica Frassoni, Hélène Flautre, Eva Lichtenberger, Milan Horáček, Raül Romeva i Rueda, Mikel Irujo Amezaga u Helga Trüpel
f’isem il-Grupp Verts/ALE
dwar is-sitwazzjoni fit-Tibet, il-50 anniversarju tar-rewwixta Tibetana u d-djalogu bejn id-Dalai Lama u l-Gvern Ċiniż u r-rappreżentanti tal-Qdusija Tiegħu d-Dalai Lama
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0135/2009
B6‑0135/2009
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fit-Tibet, il-50 anniversarju tar-rewwixta Tibetana u n-negozjati bejn ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u r-rappreżentanti tal-Qdusija Tiegħu d-Dalai Lama
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar iċ-Ċina u t-Tibet, b’mod partikulari dawk tal-10 ta’ April u tal-10 ta’ Lulju 2009,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tad-Dalai Lama lill-Parlament Ewropew fl-4 ta’ Diċembru 2008,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108 (5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi Marzu 2009 jaħbat il-50 anniversarju minn meta d-Dalai Lama ħarab mit-Tibet u l-bidu tal-eżilju tiegħu fl-Indja,
B. billi t-tmien rawnds ta’ djalogu bejn ir-rappreżentanti tad-Dalai Lama u r-rappreżentanti tal-Gvern Ċiniż ma pproduċew l-ebda żvilupp ġdid u mhux ippjanat li jsiru taħdidiet ulterjuri,
C. billi l-Memorandum dwar Awtonomija Ġenwina għall-Poplu tat-Tibet, li sar fuq talba tal-Gvern Ċiniż u li ġie ppreżentat mir-rappreżentanti tad-Dalai Lama fit-tminn rawnd ta’ taħdidiet f’Novembru 2008 f’Beijing, jirrispetta l-prinċipji li fuhom hija msejsa l-Kostituzzjoni Ċiniża u l-integrità territorjali tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina, iżda ġie rifjutat mill-Gvern Ċiniż bħala tentattiv għal ‘semi-indipendenza’ u ‘indipendenza mistura’,
D. billi matul dawn l-aħħar ġranet l-awtoritajiet Ċiniżi komplew iżidu s-sigurtà fit-Tibet, filwaqt li l-ġurnalisti u l-barranin ma tħallewx iżuru r-reġjun u l-permessi li kienu diġà ħarġu għall-barranin ġew ikkanċellati,
1. Iħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż biex jerġa' jibda t-taħdidiet mar-rappreżentantitad-Dalai Lama u biex iqis il-Memorandum dwar Awtonomija Ġenwina għall-Poplu tat-Tibet ta’ Novembru 2008 bħala bażi għal diskussjoni sustantiva li twassal għal bidla pożittiva u sinifikattiva fit-Tibet, f’konformità mal-prinċipji msemmija fil-Kostituzzjoni u l-liġijiet tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina;
2. Jistieden lill-Kunsill sabiex iwaqqaf ‘Kumitat tal-Verità’ sabiex jiġi aċċertat x’seħħ eżatt waqt in-negozjati bejn ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina u r-rappreżentanti tal-Qdusija Tiegħu d-Dalai Lama;
3. Jistieden lill-Presidenza tal-Kunsill biex, fl-okkażjoni tal-50 anniversarju tal-eżilju tad-Dalai Lama fl-Indja, tadotta dikjarazzjoni li tħeġġeġ lill-Gvern Ċiniż biex jibda negozjati sinifikattivi u li jwasslu għal riżultat bla prekondizzjonijiet mad-Dalai Lama u mar-rappreżentanti tiegħu u biex tinkludi referenza għall-Memorandum dwar Awtonomija Ġenwina għall-Poplu tat-Tibet;
4. Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jagħtu aċċess lill-esperti tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u lil osservaturi indipendenti oħrajn għat-Tibet sabiex ikunu jistgħu jinvestigaw is-sitwazzjoni fil-post;
5. Jistieden lill-Gvern Ċiniż biex jeħles immedjatament u bla ebda kundizzjonji lil dawk kollha miżmuma għall-unika raġuni li pparteċipaw fi protesti paċifiċi u biex jerfa’ r-responsabilità għal dawk kollha li nqatlu jew li għebu u għal dawk kollha miżmuma, filwaqt li tingħata indikazzjoni tal-ismijiet tagħhom, ta' fejn jinsabu u tal-akkużi kontihom;
6. Jitlob lill-awtoritajiet Ċiniżi biex jipprovdu aċċess bla restrizzjoni lill-medja barranija għat-Tibet, inklużi ż-żoni tat-Tibet li jinsabu barra mir-Reġjun Awtonomu tat-Tibet, u biex jabolixxi l-permessi speċjali meħtieġa għal aċċess għar-Reġjun Awtonomu tat-Tibet;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, lill-President, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina u lill-Qdusija tiegħu d-Dalai Lama.