MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
16.3.2009
skont l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Robert Sturdy
f'isem il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
dwar il-Ftehima Interim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Istati SADC EPA, min-naħa l-oħra
B6‑0144/2009
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar Ftehima Interim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Istati SADC EPA, min-naħa l-oħra
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Settembru 2003 dwar il-Ħames Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ f'Cancún[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2005 dwar l-evalwazzjoni taċ-Ċiklu ta' Doha wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO tal-1 ta' Awwissu 2004[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2005 dwar it-tħejjijiet għas-Sitt Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ f'Ħong Kong[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Marzu 2006 dwar l-impatt tal-iżvilupp ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (EPAs)[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu ta’ l-4 ta’ April 2006 dwar l-evalwazzjoni taċ-Ċiklu ta’ Doha wara l-Konferenza Ministerjali tad-WTO f’Ħong Kong[5],
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar il-kummerċ u l-faqar: il-politiki tal-kummerċ imfassla biex iżidu kemm jista' jkun il-kontribuzzjoni tal-kummerċ sabiex jitnaqqas il-faqar[6],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2006 dwar is-sospensjoni tan-negozjati dwar l-Aġenda ta' Żvilupp ta' Doha[7],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2007 dwar Ftehim dwar Sħubija Ekonomika[8],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2007 dwar Ftehimiet ta’ Partenarjat Ekonomiku [9],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li tapplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati għall-perijodu mill-1 ta' Jannar 2009 sal-31 ta' Diċembru 2011 u li temenda r-Regolamenti (KE) Nru 552/97, Nru 1933/2006 u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 964/2007 u Nru 1100/2006[10],
– wara li kkunsidra l-Ftehima Interim ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Istati SADC EPA, min-naħa l-oħra,
– wara li kkunsidra l-Ftehima ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa l-oħra, iffirmata f'Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (il-Ftehima ta' Cotonou),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni ta' April 2006, Ottubru 2006, Mejju 2007, Ottubru 2007, Novembru 2007 u Mejju 2008,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar il-Ftehim ta' Partenarjat Ekonomiku (COM(2007)0635),
– wara li kkunsidra l-Ftehima Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerc (GATT), b'mod partikulari l-Artikolu XXIV tagħha,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tar-Raba' Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO, adottata fl-14 ta' Novembru 2001 f'Doha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) b’rabta mal-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,
A. billi mill-1 ta' Jannar 2008 r-relazzjoni kummerċjali preċedenti tal-Unjoni Ewropea mal-pajjiżi tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku (AKP) – li kienet tagħti lil dawn tal-aħħar aċċess preferenzjali għas-swieq tal-UE fuq bażi mhux reċiproka – m'għadhiex konformi mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija għall-Kummerċ (WTO),
B. billi l-EPAs huma ftehimiet kompatibbli mad-WTO mmirati biex jappoġġjaw l-integrazzjoni reġjonali u jippromwovu l-integrazzjoni gradwali tal-ekonomiji tal-AKP fl-ekonomija dinjija, u b'hekk jisseddaq l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tagħhom u jikkontribwixxi għall-isforz globali fid-direzzjoni tal-qerda tal-faqar fil-pajjiżi tal-AKP,
C. billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika kurrenti tfisser li l-politika kummerċjali se tkun importanti aktar minn qatt qabel għad-dinja li qed tiżviluppa,
D. billi s-sistemi preċedenti ta' kummerċ preferenzjali ma kkontribwewx lejn it-titjib deċiżiv tas-sitwazzjoni ekonomika f'dawn il-pajjiżi,
E. billi l-EPAs interim (IEPAs) huma ftehimiet dwar il-kummerċ ta' merkanzija li għandhom l-għan li jevitaw it-tfixkil tal-kummerċ tal-AKP mal-Komunità Ewropea, u billi dawn il-ftehimiet jinkludu numru ta' dispożizzjonijiet kontenzjużi,
F. billi l-Unjoni Ewropea toffri lill-pajjiżi tal-AKP kwota ta' 100% u aċċess bla dazju għas-swieq tal-UE b'perjodi ta' tranżizzjoni għar-ross (2010) u z-zokkor (2015),
G. billi kien ippruvat li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, imfassla tajjeb, tista’ tippromwovi d-diversità fis-swieq, it-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp,
H. billi l-klawsola tal-Iktar Nazzjon Preferut, li tistabbilixxi tariffa normali u mhux diskriminatorja fuq il-merkanzija importata, ġiet imfittxa minn xi stati tal-AKP fin-negozjati tal-EPA, sabiex jiżguraw li l-esportaturi kollha jkunu trattati tajjeb bħala l-esportatur l-aktar preferut,
I. billi hemm kompetizzjoni limitata bejn l-ekonomiji tal-Unjoni Ewropea u dawk tal-APK peress li l-maġġoranza vasta tal-esportazzjoni tal-UE tikkonsisti prinċipalment f'oġġetti li l-pajjiżi tal-AKP ma jipproduċux però li għandhom bżonnhom jew għall-konsum dirett jew bħala dħul għall-industrija domestika,
J. billi ġew negozjati regoli ta' oriġini ġodda u mtejba, li jikkonċernaw b'mod speċjali t-tessuti, il-ħwejjeġ, is-sajd u xi prodotti agrikoli bejn l-Unjoni Ewropea u l-istati tas-SADC, u dawn potenzjalment jistgħu jipprovdu benefiċċji konsiderevoli lill-istati tas-SADC jekk ikunu implimentati kif xieraq u bil-kunsiderazzjoni dovuta għal-livelli ta' kapaċità mnaqqsa tagħhom; u billi għandu jkun enfasizzat li, jekk l-EPAs jinkoraġġixxu kumulazzjoni reġjonali u jippromwovu l-investiment, huma meħtieġa regoli ta' oriġini simplifikati u mtejba biex l-intrapriżi fil-pajjiżi tal-AKP ikunu jistgħu jiżviluppaw esportazzjoni pproċessata u biex jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet tas-suq il-ġdid disponibbli skont l-EPAs,
1. Jafferma mill-ġdid il-fehma tiegħu li l-EPAs għandhom jitmexxew mill-bżonnijiet tal-pajjiżi tal-AKP u għandhom jitfasslu b’tali mod biex jerġgħu jagħtu l-ħajja lir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-AKP u l-UE, biex jippromwovu l-iżvilupp u d-diversifikazzjoni ekonomika tal-AKP, kif ukoll l-integrazzjoni reġjonali, it-tnaqqis tal-faqar, ir-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem, u b’hekk b’mod ġenerali l-ksib tal-objettivi ta’ żvilupp tal-millenju;
2. Jenfasizza li biex tkun garantita protezzjoni mill-konsegwenzi negattivi tal-ftuħ tal-ekonomiji tar-reġjun tas-SADC, għandu jingħata appoġġ mill-Unjoni Ewropea sabiex jinġiebu benefiċċji reali permezz ta' preferenzi kummerċjali u sabiex jinbena l-iżvilupp ekonomiku u soċjali;
3. Jirrikonoxxi l-benefiċċji li kellu l-bidu tal-IEPA għall-esportaturi billi żamm l-istatus quo għall-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni Ewropea wara li skada r-reġim kummerċjali ta' Cotonou fl-1 ta' Jannar 2008, u b'hekk evita l-ħsara li setgħet saret lill-esportaturi tal-AKP li kieku kienu obbligati li joperaw skont sistemi kummerċjali anqas favorevoli;
4. Jilqa' l-fatt li l-Komunità Ewropea qed toffri aċċess sħiħ lill-pajjiżi tal-AKP għas-suq mingħajr dazju u mingħajr kwoti għall-prodotti tagħhom biex tappoġġja l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ bejn l-pajjiżi tal-AKP u l-Unjoni Ewropea;
5. Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Mejju, Ġunju u Novembru 2008 li jenfasizzaw il-bżonn għall-appoġġ lill-proċessi eżistenti ta' integrazzjoni reġjonali u l-promozzjoni tal-iżvilupp, u jitlob lill-Kummissjoni biex tirrispetta dan il-mandat waqt in-negozjati;
6. Jenfasizza li l-iffirmar tal-IEPA huwa pass neċessarju lejn it-tkabbir sostenibbli fir-reġjuni u f'dawn ir-reġjuni bħala entità waħda, u jenfasizza l-importanza ta' negozjati kontinwi lejn ftehima sħiħa li jinkoraġġixxi iktar kummerċ, investiment u integrazzjoni reġjonali;
7. Jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tipprovdi iktar għajnuna tat-tip adegwat, kemm lill-awtoritajiet fil-pajjiżi tal-AKP, kif ukoll lis-settur privat sabiex tkun iffaċilitata t-tranżizzjoni tal-ekonomiji wara l-iffirmar tal-IEPA;
8. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiċċaraw kif fil-fatt issir id-distribuzzjoni tal-fondi madwar ir-reġjun tal-AKP li ġejjin mill-infiq prijoritarju mwiegħed fil-kuntest tal-baġit imkabbar tal-Għajnuna għall-Kummerċ; ifakkar fl-adozzjoni, f'Ottubru 2007, tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ, bl-impenn li l-għajnuna kollettiva tal-UE relatata mal-kummerċ tiżdied għal EUR 2 biljun fis-sena sal-2010 (EUR 1 biljun mill-Komunità, EUR 1 biljun mill-Istati Membri); jinsisti li r-reġjun tas-SADC għandu jirċievi sehem xieraq u ġust;
9. Jitlob li jkun deċiż u pprovdut minn kmieni s-sehem tar-riżorsi tal-Għajnuna għall-Kummerċ; jenfasizza li dawn il-fondi għandhom jirrappreżentaw riżorsi addizzjonali u mhux biss fondi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEI) ippreżentat f'pakket ġdid, li għandhom jikkonformaw mal-prijoritajiet tal-istati tas-SADC u li l-għoti tagħhom isir f'waqtu, b'mod prevedibbli u skont l-iskedi ta' twettiq tal-pjanijiet strateġiċi ta' żvilupp nazzjonali u reġjonali; jopponi kull xorta ta’ kundizzjonament b’rabta mal-EPAs, fil-kwistjoni dwar l-għoti ta’ għajnuna Ewropea u jistieden lill-Kummissjoni biex tiggarantixxi li l-aċċess għall-fondi tal-Għaxar FEI jinżamm separat mir-riżultati u r-ritmu tan-negozjati;
10. Iħeġġeġ lin-negozjaturi ta' kull EPA sħiħa biex jiggarantixxu l-ġestjoni trasparenti tar-riżorsi naturali u biex iħejju profil tal-aħjar prattiki meħtieġa biex il-pajjiżi tal-AKP jagħmlu kemm jistgħu qliegħ minn riżorsi bħal dawn;
11. Jenfasizza l-importanza tal-kummerċ intrareġjonali u l-ħtieġa ta' iktar rabtiet kummerċjali fir-reġjun sabiex ikun żgurat it-tkabbir sostenibbli fir-reġjun; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni u l-qbil bejn l-entitajiet reġjonali differenti; jistieden lill-Kummissjoni biex ma timminax id-dimensjoni reġjonali;
12. Iqis importanti li fl-implimentazzjoni ta’ EPAs, għandha tkun stabbilita sistema ta’ monitoraġġ ċara, koordinata mill-kumitat parlamentari relevanti bl-involviment ta' membri tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Iżvilupp, li tiżgura bilanċ bejn iż-żamma tal-irwol ewlieni tal-Kumitat INTA u l-konsistenza ġenerali fil-politiki għall-iżvilupp u kummerċjali; dan il-kumitat parlamentari għandu jopera b’mod flessibbli u għandu jikkoordina b’mod attiv mal-Assemblea Parlamentari Konġunta ACP-UE (JPA); iqis li dan il-monitoraġġ għandu jibda wara l-adozzjoni ta’ kull IEPA;
13. Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel kull ma tista' sabiex terġa' tibda n-negozjati dwar l-Aġenda dwar l-Iżvilupp ta’ Doħa u sabiex tiżgura li l-ftehimiet ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ ikomplu jippromwovu l-iżvilupp f'pajjiżi foqra;
14. Huwa konvint li l-EPAs sħaħ għandhom ikunu kumplimentari għal ftehima dwar l-Aġenda dwar l-Iżvilupp ta’ Doha u mhux jitqies bħala alternattiva;
15. Jirrispetta l-ħtieġa għal, u l-importanza ta’, kapitolu dwar id-difiża tal-kummerċ b'salvagwardji bilaterali; jistieden liż-żewġ partijiet biex jevitaw abbuż mhux meħtieġ ta' dawn is-salvagwardji;
16. Jappoġġa l-esklużjonijiet miftiehma ta' linji ta' tariffi li jiffukaw fuq prodotti agrikoli u xi prodotti agrikoli pproċessati ladarba dawn huma msejsa primarjament fuq il-ħtieġa tal-ħarsien ta' industriji ġodda jew prodotti sensittivi f'dawn il-pajjiżi;
17. Jistieden lill-Kummissjoni biex turi flessibilità meta tindirizza t-tħassib sostantiv ewlieni tal-Angola, tan-Namibja u tal-Afrika t'Isfel dwar kwistjonijiet bħal ma hi l-klawsola MFN, kif ukoll taxxi fuq l-esportazzjoni u l-protezzjoni għall-industrija li għadha tibda;
18. Jirrikonoxxi li kapitolu dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp iddaħħal fis-SADC IEPA li jkopri l-kooperazzjoni fil-kummerċ fi prodotti, il-kompetittività min-naħa tal-fornituri, l-infrastruttura li tgħin in-negozju, il-kummerċ fis-servizzi, kwistjonijiet marbuta man-negozju, il-bini tal-kapaċità istituzzjonali, u l-aġġustamenti fiskali; jistieden liż-żewġ naħat biex iżommu l-impenn miftiehem tagħhom li jikkonkludu n-negozjati dwar il-kompetizzjoni u l-akkwist pubbliku biss meta jkun inbena livell ta' kapaċità adegwat; jitlob lill-Kummissjoni biex tikkoopera mill-qrid mal-istati tal-SADC biex jissodisfaw l-objettivi msemmija f’dan il-kapitolu dwar il-kooperazzjoni għall-iżvilupp;
19. Jenfasizza li kwalunke EPA sħiħa trid tinkludi dispożizzjonijiet dwar definizzjoni aċċettata b’mod konġunt ta’ tmexxija tajba, trasparenza fl-uffiċċji politiċi, u d-drittijiet tal-bniedem, bi qbil mal-Artikoli 11b, 96 u 97 tal-Ftehima ta’ Cotonou, kif ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi għall-gruppi l-aktar vulnerabbli bħal ma huma l-bdiewa lokali u n-nisa;
20. Jitlob li jiġi applikat qafas regolatorju b’saħħtu fil-każ li jkun hemm negozjati dwar servizzi biex ikun żgurat li jkun hemm provvista universali ta’ servizzi u li servizzi pubbliċi essenzjali jinżammu barra mill-qafas tan-negozjar;
21. Jappoġġa l-isforzi taż-żewġ naħat biex jiżguraw il-parteċipazzjoni attiva tal-Afrika t'Isfel matul il-proċess ta' nnegozjar; jirrikonoxxi li l-involviment tal-Afrika t'Isfel huwa fundamentali biex tkun promossa l-koerenza ekonomika, l-integrazzjoni reġjonali u l-iżvilupp ulterjuri tar-relazzjonijiet kummċerjali u ta' investiment bejn ir-reġjun u l-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni biex iżżomm u tiżviluppa din l-assoċjazzjoni fin-negozjati ta' EPA komprensiva u sħiħa;
22. Jinnota l-intenzjoni tar-reġjun tas-SADC li jipparteċipa fil-ħolqien ta' Zona ta' Kummerċ Ħieles ġdida mar-reġjun tal-Komunità Afrikana tal-Lvant (EAC) u s-Suq Komuni għall-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar (COMESA); jistieden lill-Kummissjoni biex issegwi l-iżviluppi sabiex tiżgura kompatibilità sħiħa tal-EPA;
23. Jilqa' l-inklużjoni ta' klawsola ta' reviżjoni fi ħdan l-IEPA tas-SADC-UE li tafferma li għandha ssir reviżjoni komprensiva tal-Ftehima mhux aktar tard minn ħames snin wara d-data tal-iffirmar, u sussegwentement f'intervalli ta' ħames snin, inkluża analiżi tal-ispejjeż u l-konsegwenzi tal-implimentazzjoni tal-obbligi kummerċjali; jekk ikun hemm bżonn, iridu jsiru l-emendi għad-dispożizzjonijiet tal-Ftehima u l-aġġustamenti għall-applikazzjoni tagħhom, fir-rigward ta’ u b'konformità mar-regoli ta' proċedura tad-WTO;
24. Jitlob biex ikun hemm proċedura ta' ratifika immedjata bil-għan li l-benefiċċji tal-IEPA jkunu disponibbli għall-pajjiżi msieħba mingħajr dewmien mhux meħtieġ;
25. Iħeġġeġ lill-partijiet fin-negozjati biex itemmu n-negozjati għal EPA sħiħa kif ippjanat matul l-2009;
| 26. | Jinsisti li l-Parlament Ewropew jrid ikun informat u involut b’mod sħiħ matul fil-proċess tranżitorju tan-negozjati; jixtieq li dan isir permezz ta’ trialogu informali attiv mal-Kunsill u l-Kummissjoni; jitlob lill-Kunsill biex jirreferi din il-kwistjoni lill-Parlament malajr kemm jista’ jkun;27. | Jisħaq l-aktar dwar il-funzjoni kruċjali tal-parlamenti tal-AKP u tal-atturi mhux tal-istat fil-monitoraġġ u l-eżekuzzjoni ta’ EPAs u jitlob lill-Kummissjoni li tiggarantixxi l-involviment tagħhom fil-proċeduri tan-negozjati li jinsabu għaddejjin bħalissa; dan jitlob li jkun hemm aġenda ċara bejn l-UE u l-pajjiżi tal-AKP imsejsa fuq approċċ parteċipattiv; |
28. Jagħti istruzzjoni lill-President biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi AKP, lill-Kunsill AKP-UE u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.
- [1] ĠU C 77 E, 26.3.2004, p. 393.
- [2] ĠU C 92 E, 20.4.2006, p. 397.
- [3] ĠU C 285 E, 22.11.2006, p. 126.
- [4] ĠU C 292 E, 1.12.2006, p. 121.
- [5] ĠU C 293 E, 2.12.2006, p. 155.
- [6] ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 261.
- [7] ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 244.
- [8] ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 301.
- [9] ĠU C 323 E, 18.12.2008, p. 361.
- [10] Testi adottati, P6_TA(2008)0252.