Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0146/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0146/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

16.3.2009

imressqa wara l-mistoqsijiet li jitolbu tweġiba orali B6‑0214/2009 u B6‑0213/2009
skont l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Helmuth Markov
f'isem il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
dwar il-ftehima li tistabbilixxi qafas għal Ftehima ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Istati Msieħba fil-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, min-naħa l-oħra

Proċedura : 2009/2541(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0146/2009
Testi mressqa :
B6-0146/2009
Testi adottati :

B6‑0142/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-ftehima li tistabbilixxi qafas għal Ftehima ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Istati Msieħba fil-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, min-naħa l-oħra

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tiegħu tal-25 ta' Settembru 2003 dwar il-Ħames Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) li saret f'Cancún[1], tat-12 ta' Mejju 2005 dwar l-evalwazzjoni tar-Rawnd ta' Doha wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO tal-1 ta' Awwissu 2004[2], tal-1 ta' Diċembru 2005 dwar il-preparamenti għas-Sitt Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Ħong Kong[3], tat-23 ta' Marzu 2006 dwar l-impatt tal-iżvilupp fuq il-Ftehimiet tas-Sħubija Ekonomika (EPAs)[4], tal-4 ta' April 2006 dwar il-valutazzjoni tar-Rawnd ta' Doha wara l-Konferenza Ministerjali tad-WTO f'Ħong Kong[5], tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar il-kummerċ u l-faqar: it-tifsil ta' politiki ta' kummerċ biex jimmassimizzaw il-kontribut tal-kummerċ għat-tnaqqis tal-faqar[6], tas-7 ta' Settembru 2006 dwar is-sospensjoni tan-negozjati dwar l-Aġenda dwar l-Iżvilupp ta' Doha (DDA), tat-23 ta' Mejju 2007 dwar il-Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku[7], tat-12 ta' Lulju 2007 dwar il-Ftehim TRIPS u l-aċċess għall-mediċini, tat-12 ta' Diċembru 2007 dwar il-Ftehimiet ta' Partenarjat Ekonomiku, u tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar il-proposta ta' regolament tal-Kunsill li japplika skema ta' preferenzi ġeneralizzati fit-tariffi għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2009 sal-31 ta' Diċembru 2011 u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 552/97, Nru 1933/2006 u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 964/2007 u Nru 1100/2006.

–  wara li kkunsidra l-Ftehima ta’ Sħubija Ekonomika bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Istati Msieħba fil-Komunità tal-Afrika tal-Lvant, min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra l-Ftehima ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa l-waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmata f'Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (il-Ftehima ta' Cotonou),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni ta' April 2006, Ottubru 2006, Mejju 2007, Ottubru 2007, Novembru 2007 u Mejju 2008,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar il-Ftehimiet ta' Partenarjati Ekonomiċi (COM(2007)0635),

–  wara li kkunsidra l-Ftehima Generali dwar it-Tariffi u l-Kummerc (GATT), b'mod partikulari l-Artikolu XXIV taghha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tar-Raba' Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO, adottata fl-14 ta' Novembru 2001 f'Doha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tas-Sitt Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tad-WTO, adottata fit-18 ta' Diċembru 2005 f'Ħong Kong,

–  wara li kkunsidra r-rapport u r-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ, adottati mill-Kunsill Ġenerali tad-WTO fl-10 ta' Ottubru 2006,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000, li tistabilixxi l-Għanijiet tal-Millennju ghall-Izvilupp (MDGs) bhala kriterji stabbiliti b'mod kollettiv mill-komunità internazzjonali għall-qerda tal-faqar,

–  wara li kkunsidra l-Communiqué ta' Gleneagles, maħruġ fit-8 ta' Lulju 2005 mill-Grupp tat-Tmienja fi Gleneagles,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) b’konnessjoni mal-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura,

A  billi l-EPAs għandhom ikunu ftehimiet kompatibbli mad-WTO mmirati biex jappoġġaw l-integrazzjoni reġjonali u jippromwovu l-integrazzjoni gradwali tal-ekonomiji tal-AKP fl-ekonomija dinjija, u b'hekk irawwmu l-iżvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli tagħhom u jikkontribwixxu għall-isforz globali sabiex jinqered il-faqar fil-pajjiżi AKP,

B.  billi r-regoli tad-WTO ma jeħtiġux li l-pajjiżi tal-EPA jidħlu f’impenji ta’ liberalizzazzjoni fl-oqsma tas-servizzi,

C.  billi l-EPAs għandhom jintużaw biex tinbena relazzjoni fit-tul li permezz tagħha l-kummerċ jappoġġja l-iżvilupp,

D.  billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali tfisser li r-relazzjonijiet ibbażati fuq politika ta' kummerċ ġust se jkunu importanti iktar minn qatt qabel fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

E.  billi l-IEPA hija ffukata fuq il-kummerċ fil-merkanzija u l-kompatibilità mad-WTO,

F.  billi l-IEPA se jkollha impatt fundamentali fuq l-evoluzzjoni futura tal-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali u fuq il-politiki tal-Istati Msieħba tal-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC) u s-sħab kummerċjali tagħhom fl-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar,

G.  billi l-Istati Msieħba tal-EAC ħolqu unjoni doganali fl-2005 u qed jaħdmu lejn l-istabbiliment ta' suq komuni sal-2010, unjoni monetarja sal-2012 u federazzjoni politika tal-Istati Afrikani tal-Lvant,

H.  billi l-IEPA tista' probabbilment tikkundizzjona l-ambitu u l-kontenut tal-ftehimiet futuri li jsiru bejn il-pajjiżi EAC u sħab kummerċjali oħra u l-pożizzjoni tar-reġjun fin-negozjati,

I.   billi hemm kompetizzjoni limitata bejn l-UE u l-pajjiżi AKP minħabba li l-biċċa l-kbira tal-esportazzjoni tal-UE primarjament tikkonsisti f’oġġetti li l-pajjiżi AKP ma jipproduċux iżda li spiss jeħtiġuhom għal konsum dirett jew bħal inputs għall-industrija domestika;

J  billi l-Istati Msieħba tal-EAC indikaw li jixtiequ jinnegozjaw mill-ġdid għadd ta' kwistjonijiet inklużi fl-IEPA,

K.  billi l-ebda waħda mill-iskedi ta' liberalizzazzjoni ma tirrikjedi li pajjiż jibda jneħħi t-tariffi pożittivi qabel l-2015; billi l-istati EAC għandhom 24 sena biex ilestu l-proċess ta' liberalizzazzjoni skont l-IEPA;

L.  billi l-impenji dwar il-kummerċ iridu jkunu akkumpanjati b'iktar appoġġ għall-għajnuna relatata mal-kummerċ,

M.  billi l-għan tal-Għajnuna għall-Kummerċ huwa li tappoġġa l-kapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex japprofittaw minn opportunitajiet ġodda ta’ kummerċ, u li tikkumpensa għall-ispejjeż tal-aġġustament u l-impatti potenzjalment negattivi tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ,

N.  billi m'għandu jkun hemm xejn f'EPA sħiħa potenzjali li jnaqqas il-kapaċità tal-Istati Msieħba tal-EAC li jippromwovu l-aċċess għall-mediċini,

1.  Jemmen li kwalunkwe IEPA trid tikkontribwixxi biex jerġa' jieħu l-ħajja l-kummerċ bejn il-pajjiżi tal-AKP u l-Unjoni Ewropea, għal iktar tkabbir ekonomiku, integrazzjoni reġjonali, diversifikazzjoni ekonomika u t-tnaqqis tal-faqar u l-kisba tal-MDGs; għaldaqstant iħeġġeġ implimentazzjoni flessibbli li tqis bis-sħiħ ir-restrizzjonijiet fuq il-kapaċità tal-Istati Msieħba tal-EAC;

2.  Jenfasizza li ftehimiet bħal dawn ma jistgħux jitqiesu bħala sodisfaċenti sakemm ma jiksbux tliet għanijiet: li joffru lill-pajjiżi tal-AKP appoġġ għal żvilupp sostenibbli, li jġibu ’l quddiem il-parteċipazzjoni tagħhom fid-dinja tal-kummerċ, u li jsaħħu l-proċess tar-reġjonalizzazzjoni; jenfasizza li fil-kisba tal-ħarsien mill-konsegwenzi negattivi tal-ftuħ tal-ekonomiji tal-Istati Msieħba tal-EAC, għandu jingħata appoġġ mill-Unjoni Ewropea sabiex jinġiebu benefiċċji reali permezz ta' preferenzi kummerċjali, u l-bini tal-iżvilupp ekonomiku u soċjali;

3.  Jafferma mill-ġdid il-fehma tiegħu li, jekk jitfasslu kif jixraq, l-EPAs jirrappreżentaw opportunità biex ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-AKP u l-UE jerġgħu jieħdu r-ruħ, biex tiġi promossa d-diversifikazzjoni ekonomika u l-integrazzjoni reġjonali tal-AKP u biex jitnaqqas il-faqar fil-pajjiżi tal-AKP;

4.  Iħeġġeġ lill-partijiet fin-negozjati biex itemmu n-negozjati kif ippjanat matul l-2009; jinkoraġġixxi lill-partijiet biex jieħdu kull miżura sabiex ikunu jistgħu jiffinalizzaw l-EPA komprensiva bejn il-pajjiżi AKP u l-Unjoni Ewropea qabel tmiem l-2009, kif ippjanat;

5.  Jirrikonoxxi l-benefiċċji li kellu l-iffirmar tal-IEPA għall-esportaturi, billi żied il-possibilitajiet għall-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni Ewropea wara li skada r-reġim kummerċjali ta' Cotonou fl-1 ta' Jannar 2008, u b'hekk evita l-ħsara li setgħet saret lill-esportaturi tal-AKP li kieku kellhom ikunu obbligati li joperaw skont sistemi kummerċjali anqas favorevoli;

6.   Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li l-Unjoni Ewropea qed toffri lill-pajjiżi tal-AKP aċċess sħiħ għas-suq mingħajr dazju u mingħajr kwoti fl-Unjoni Ewropea għall-maġġoranza tal-prodotti;

7.  Jenfasizza li l-IEPA hija ftehima dwar il-kummerċ tal-merkanzija li għandha l-għan li tippreżerva u tespandi b'mod sostanzjali l-opportunitajiet ta' esportazzjoni għall-Unjoni Ewropea għall-Istati Imsieħba tal-EAC, kemm permezz tal-aċċess għas-suq sħiħ kif ukoll tar-regoli ta' oriġini mtejba;

8.  Jenfasizza li l-iffirmar tal-IEPA huwa pass neċessarju lejn it-tkabbir sostenibbli f'dan ir-reġjun kollu kemm hu, u jenfasizza l-importanza tal-kontinwità fin-negozjati lejn ftehim komprensiv li jinkoraġġixxi iktar kummerċ, investiment u integrazzjoni reġjonali;

9.  Ifakkar li suq reġjonali ġenwin huwa bażi essenzjali għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-IEPA u li l-integrazzjoni u l-koperazzjoni reġjonali huma essenzjali għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku tal-Istati Msieħba tal-EAC;

10.  Jitlob li kwalunkwe ftehimiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tar-reġjun tal-Afrika tal-Lvant u tan-Nofsinhar ma għandhomx jikkontradixxu lil xulxin jew iwaqqfu l-integrazzjoni reġjonali f’dan ir-reġjun ikbar;

11.  Jirrikonoxxi l-istabbiliement ta’ perjodi ta’ tranżizzjoni fl-IEPA għal intrapriżi żgħar u medji (SMEs) sabiex ikunu jistgħu jadattaw għal bidliet stipulati mill-ftehima, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Istati Msieħba tal-EAC ikkonċernati biex ikomplu jappoġġjaw l-interessi tal-SMEs fin-negozjati tagħhom lejn EPA komprensiva;

12.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tipprovdi iktar għajnuna tat-tip adegwat lill-awtoritajiet fil-pajjiżi tal-AKP, kif ukoll lis-settur privat sabiex tkun iffaċilitata t-tranżizzjoni tal-ekonomiji tagħhom wara l-iffirmar tal-IEPA;

13.  Jappoġġja għaldaqstant l-esklużjonijiet miftiehma ta' linji ta' tariffi li jiffukaw fuq prodotti agrikoli u xi prodotti agrikoli pproċessati ladarba dawn huma msejsa prinċipalment fuq il-ħtieġa tal-ħarsien ta' industriji li għadhom ġodda jew prodotti sensittivi f'dawn il-pajjiżi;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiċċara kif fil-fatt issir id-distribuzzjoni madwar ir-reġjun tal-AKP tal-fondi li ġejjin mill-wegħda ta' nfiq prijoritarju fil-kuntest tal-baġit imkabbar tal-Għajnuna għall-Kummerċ;

15.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi rilevanti biex jipprovdu informazzjoni ċara u trasparenti dwar is-sitwazzjoni ekonomika u politika u l-iżvilupp f'dawn il-pajjiżi sabiex tittejjeb il-koperazzjoni mal-Kummissjoni;

16.  Jirrkonoxxi l-inklużjoni ta' kapitlu ta' koperazzjoni fl-iżvilupp fl-EPA komprensiva li tkopri l-koperazzjoni fil-kummerċ tal-merkanzija, il-kompetittività fil-forniment, infrastruttura ta' titjib fil-kummerċ, il-kummerċ fis-servizzi, kwistjonijiet marbuta mal-kummerċ, il-bini ta' kapaċità istituzzjonali, u aġġustamenti fiskali; jistieden liż-żewġ naħat biex iżommu l-impenn miftiehem tagħhom li jikkonkludu n-negozjati dwar il-kompetizzjoni u l-akkwist pubbliku biss meta jkun inbena livell ta' kapaċità adegwat;

17.  Ifakkar li l-EPA għandha tappoġġa l-objettivi, il-politiki u l-prijoritajiet ta' żvilupp tal-Istati Msieħba tal-EAC, mhux biss fl-istruttura u l-kontenut, iżda wkoll fil-mod u l-ispirtu tal-implimentazzjoni tagħha;

18.  Ifakkar fl-adozzjoni, f'Ottubru 2007, tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ, bl-impenn li l-għajnuna kollettiva tal-UE relatata mal-kummerċ tiżdied għal EUR 2,000 miljun fis-sena sal-2010 (EUR 1,000 miljun mill-Komunità, EUR 1,000 miljun mill-Istati Membri); jinsisti li l-Istati Msieħba tal-EAC għandhom jirċievi sehem xieraq u ġust;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkjarifika d-distribuzzjoni tal-fondi fir-reġjun kollu, jistieden lill-Istati Membri tal-UE biex jispjegaw l-iffinanzjar addizzjonali lil hinn mill-impenji baġitarji tal-2008-2013;

20.  Iħeġġeġ lin-negozjaturi ta' kull EPA sħiħa biex jiggarantixxu l-ġestjoni trasparenti tar-riżorsi naturali u biex iħejju profil tal-aħjar prattiki meħtieġa biex il-pajjiżi tal-AKP jaqalgħu kemm jistgħu minn riżorsi bħal dawn;

21.  Jenfasizza li kwalunkwe EPA sħiħa għandha tinkludi wkoll dispożizzjonijiet rigward tmexxija tajba, trasparenza fil-karigi politiċi, u d-drittijiet tal-bniedem;

22.  Jenfasizza l-importanza tal-kummerċ intrareġjonali u l-ħtieġa ta' iktar rabtiet kummerċjali fir-reġjun sabiex ikun żgurat it-tkabbir sostenibbli fir-reġjun; jenfasizza l-importanza tal-koperazzjoni u l-qbil bejn l-entitajiet reġjonali differenti;

23.  Jinkoraġġixxi iktar tnaqqis fit-tariffi bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-gruppi reġjonali, li llum jammontaw għal bejn 15% u 25% tal-valur tal-kummerċ, sabiex ikunu inkoraġġuti l-kummerċ bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, it-tkabbir ekonomiku u l-integrazzjoni reġjonali;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel kulma tista' sabiex terġa' tibda n-negozjati dwar id-DDA u sabiex tiżgura li l-ftehimiet ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ ikomplu jippromwovu l-iżvilupp fil-pajjiżi l-fqar;

25.  Huwa konvint li l-EPAs sħaħ għandhom ikunu komplementari għall-ftehima dwar id-DDA u mhux alternattiva għall-pajjiżi AKP;

26.  Jirrispetta l-ħtieġa għal kapitolu dwar id-difiża tal-kummerċ b'salvagwardji bilaterali; jistieden liż-żewġ naħat biex jevitaw użu mhux meħtieġ ta' dawn is-salvagwardji;

27.  Jitlob proċedura ta' ratifika immedjata bl-għan li l-profitti tal-IEPA jkunu disponibbli għall-pajjiżi msieħba mingħajr dewmien mhux meħtieġ;

28.  Ifakkar li, waqt li l-IEPA tista' titqies bħala l-ewwel step fil-proċess, f'termini legali din hija ftehima internazzjonali kompletament indipendenti li tista' ma twassalx awtomatikament għal EPA sħiħa;

29.  Jenfasizza li l-kunsens possibbli mill-Parlament għall-IEPA ma jiddeterminax minn qabel il-pożizzjoni tal-Parlament rigward il-kunsens tiegħu għall-EPA sħiħa, ladarba l-proċedura tal-konklużjoni hija relatata ma' żewġ ftehimiet internazzjonali differenti;

30.  Ifakkar li l-EAC hija l-uniku reġjun li l-membri kollha tagħha aderew għall-IEPA u li offrew skedi ta' liberalizzazzjoni identiċi; jirrimarka li dawn iridu jkunu evalwati regolarment u riveduti jekk l-implimentazzjoni tagħhom tkun tqila wisq;

31.  Ifakkar li l-IEPA probabbli se tinfluwenza r-relazzjonijiet bejn ir-reġjun u l-eqreb imsieħba kummerċjali tiegħu u għandu jkun żgurat li d-dispożizzjonijiet tal-ftehima attwali għandhom jgħinu biex jiffaċilitaw il-ftehimiet kummerjali tal-ġejjieni;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrispondi b'mod flessibbli għat-talbiet mill-Istati Msieħba tal-EAC għar-reviżjoni ta' numru ta' kwistjonijiet fl-IEPA, li jinkludu: id-definizzjoni ta' ''sostanzjalment kull kummerċ'', l-iskedi ta' liberalizzazzjoni, il-Klawżola tan-Nazzjon l-Aktar Favorit (MFN), l-eliminazzjoni tat-taxxi fuq l-esportazzjoni, it-trattament nazzjonali, is-salvagwardji bilaterali, it-tul ta’ żmien tal-applikazzjoni tas-salvagwardji għall-industriji l-ġodda, is-sussidji għall-agrikoltura u l-Mekkaniżmu Speċjali ta' Salvagwardja (SSM) kif ukoll il-klawsola tal-istatus quo (standstill);

33.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi AKP biex ikomplu l-proċess ta' liberalizzazzjoni u jinkoraġġixxi l-estensjoni ta' riformi bħal dawn lil hinn mill-kummerċ u l-merkanzija, u sabiex tiżdied il-liberalizzazzjoni tal-kummerċ u tas-servizzi;

34.  Jindika li l-EPA għandha tikkontribwixxi għall-ksib tal-MDGs;

35.  Jinnota li fi ħdan in-negozjati tal-EPA xi stati tal-AKP, bi għan li jiżguraw li l-esportaturi kollha jiġu ttrattati tajjeb bħall-imsieħeb l-aktar favorit, fittxew il-klawżola tal-Istat l-Aktar Fovorit (MFN), li normalment toħloq tariffi mhux diskriminatorji dwar l-importazzjoni tal-prodotti;

36.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li regoli ta' oriġini ġodda flessibbli u mtejba qed ikunu negozjati bejn l-UE u l-pajjiżi tal-AKP, u dawn jistgħu potenzjalment jipprovdu l-pajjiżi tal-AKP b'benefiċċji konsiderevoli jekk ikunu implimentati kif xieraq u bil-kunsiderazzjoni dovuta għal-livelli ta' kapaċità mnaqqsa tagħhom,

37.  Jenfasizza li l-esportazzjonijiet ta' prodotti tal-mijieri jew tal-injam ma jridux jikkompromettu l-fraġilità ta' ekosistema li l-irwol kontinentali tagħha huwa fundamentali u li l-mekkaniżmi ta' remunerazzjoni tas-servizzi ambjentali forniti mill-Istati Msieħba tal-EAC għandhom ikunu inklużi fl-EPA;

38.  Jenfasizza l-importanza ta' mekkaniżmu ta' monitoraġġ xieraq u trasparenti b'kontroll effettiv mill-Kumitat responsabbli fi ħdan il-Parlament Ewropew biex jiżgura konsistenza ġenerali fil-politiki kummerċjali u dawk marbuta mal-iżvilupp;

39.  Iqis importanti li fl-implimentazzjoni ta’ EPAs, għandha tkun stabbilita sistema ta’ monitoraġġ ċara, koordinata mill-kumitat parlamentari relevanti bl-involviment ta' Membri tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Iżvilupp, li tiżgura bilanċ bejn iż-żamma tal-irwol ewlieni tal-Kumitat INTA u l-konsistenza ġenerali fil-politiki kummerċjali u għall-iżvilupp; dan il-kumitat parlamentari għandu jopera b’mod flessibbli u għandu jikkoordina b’mod attiv mal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE (JPA); iqis li dan il-monitoraġġ għandu jibda wara l-adozzjoni ta’ kull EPA interim;

40.  Jitlob li jkun hemm mekkaniżmi ta' monitoraġġ xierqa u trasparenti – bi rwol u influwenza ċari – biex jiġi segwit l-impatt tal-EPAs, b'iktar sjieda min-naħa tal-AKP u b'konsultazzjoni wiesgħa tal-partijiet interessati;

41.  Jilqa' l-inklużjoni ta' klawsola ta' reviżjoni fi ħdan l-IEPA, li tafferma li għandha ssir reviżjoni komprensiva tal-Ftehima mhux aktar tard minn ħames snin wara d-data tal-iffirmar, u sussegwentement f'intervalli ta' ħames snin, inkluża analiżi tal-ispejjeż u l-konsegwenzi tal-implimentazzjoni tal-obbligi kummerċjali; jekk ikun hemm bżonn, iridu jsiru l-emendi għad-dispożizzjonijiet tal-Ftehima u l-aġġustamenti għall-applikazzjoni tagħhom, fir-rigward u f'konformità mar-regoli u l-proċeduri tad-WTO;

42.  Jistieden lill-Kunsill biex jikkonsulta mal-Parlament qabel tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni proviżorja tal-ftehimiet internazzjonali - kif inhu l-każ għall-EPAs - meta tkun meħtieġa l-proċedura ta' kunsens, minħabba l-possibilità li l-Parlament sussegwentement ikun jista' jirrifjuta l-ftehima internazzjonali, bil-konsegwenza li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tiegħu jkollhom jispiċċaw;

43.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi tal-AKP, lill-Kunsill AKP-UE u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.