MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
16.3.2009
skont l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Erika Mann
f'isem il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
dwar il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika Interim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Kosta tal-Avorju, min-naħa l-oħra
B6‑0148/2009
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika Interim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa, u l-Kosta tal-Avorju, min-naħa l-oħra
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Ftehima Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT), b'mod partikulari l-Artikolu XXIV taghha,
– wara li kkunsidra l-Ftehima ta' Partenarjat bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (ACP) fuq naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq in-naħa l-oħra, iffirmata f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000 (il-Ftehima ta' Cotonou),
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti tat-8 ta' Settembru 2000, li tistipula l-Għanijiet tal-Millennju għall-Iżvilupp (l-MDGs) bħala kriterji stabbiliti b'mod kollettiv mill-komunità internazzjonali għall-qerda tal-faqar,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tar-Raba' Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tal-WTO, adottata fl-14 ta' Novembru 2001 f'Doha,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Settembru 2003 dwar il-Ħames Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (id-WTO) f'Cancún[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Mejju 2005 dwar l-evalwazzjoni taċ-Ċiklu ta' Doha wara d-Deċiżjoni tal-Kunsill Ġenerali tad-WTO tal-1 ta' Awwissu 2004[2],
– wara li kkunsidra l-Communiqué ta' Gleneagles, maħruġ fit-8 ta' Lulju 2005 mill-Grupp tat-Tmienja fi Gleneagles,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2005 dwar it-tħejjijiet għas-Sitt Konferenza Ministerjali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ f'Ħong Kong[3],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Ministerjali tas-Sitt Sessjoni tal-Konferenza Ministerjali tal-WTO, adottata fit-18 ta' Diċembru 2005 f'Ħong Kong,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta’ Marzu 2006 dwar l-impatt tal-iżvilupp ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (EPAs)[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ April 2006 dwar l-evalwazzjoni taċ-Ċiklu ta’ Doha wara l-Konferenza Ministerjali tal-WTO f’Ħong Kong[5],
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Ġunju 2006 dwar il-kummerċ u l-faqar: il-politiki tal-kummerċ imfassla biex iżidu kemm jista' jkun il-kontribuzzjoni tal-kummerċ sabiex jitnaqqas il-faqar[6],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2006 dwar is-sospensjoni tan-negozjati dwar l-Aġenda ta' Żvilupp ta' Doha[7],
– wara li kkunsidra r-rapport u r-rakkomandazzjonijiet tat-Task Force dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ, adottati mill-Kunsill Ġenerali tal-WTO fl-10 ta' Ottubru 2006,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tat-23 ta' Mejju 2007[8] u tat-12 ta' Diċembru 2007 dwar il-Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-23 ta' Ottubru 2007 dwar il-Ftehim ta' Partenarjat Ekonomiku (COM(2007)0635),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni ta' April 2006, Ottubru 2006, Mejju 2007, Novembru 2007 kif ukoll Mejju u Ġunju 2008,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Ġunju 2008 dwar il-proposta għal regolament tal-Kunsill li tapplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati għall-perjodu mill-1 ta' Jannar 2009 sal-31 ta' Diċembru 2011 u li temenda r-Regolamenti (KE) Nru 552/97, Nru 1933/2006 u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 964/2007 u Nru 1100/2006[9],
– wara li kkunsidra l-Ftehim għal Sħubija Ekonomika Interim bejn il-Kosta tal-Avorju, min-naħa, u l-Komunità Ewropea, min-naħa l-oħra,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-relazzjoni kummerċjali preċedenti tal-Unjoni Ewropea mal-pajjiżi tal-AKP sal-31 ta' Diċembru 2007 – li tagħtihom aċċess preferenzjali għas-swieq tal-UE fuq bażi mhux reċiproka – kienet ir-raġuni ta' deroga mir-regoli ġenerali tad-WTO,
B. billi l-ftehimiet ekonomiċi (l-EPAS) huma ftehimiet kompatibbli ma' dawk tad-WTO, li għandhom l-għan li jappoġġaw l-integrazzjoni reġjonali u l-promozzjoni ta' integrazzjoni gradwali tal-ekonomiji tal-AKP fl-ekonomiji dinjija, u b'hekk ikattru l-iżvilupp soċjali u ekonomiku sostenibbli tagħhom u jikkontribwixxu għall-isforz ġenerali li jinqered il-faqar u jinħoloq il-ġid fil-pajjiżi tal-AKP,
C. billi l-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika Interim (l-IEPAs) huma ftehimiet kompatibbli mal-WTO, li jinvolvu impenji sostanzjali, dwar il-kummerċ ta' prodotti mmirat biex jevitaw il-waqfien tal-kummerċ tal-AKP mal-Unjoni Ewropea, dawn għandhom ikunu kkunsidrati bħala soluzzjoni temporanja waqt li jkunu għaddejjin in-negozjati biex tkun konkluża EPA komprensiva mar-reġjun tal-Afrika tal-Punent,
D. billi r-regoli tal-kummerċ inklużi fl-IEPA għandhom ikunu akkumpanjati b'żieda fl-appoġġ għal assistenza relatata mal-kummerċ bħall-bini tal-kapaċità amministrattiva u l-miżuri li jippromwovu governanza tajba,
E. billi l-Kosta tal-Avorju tinsab fil-151 post minn 163 fl-Indiċi dwar il-Perċezzjoni tal-Korruzzjoni tat-Transparency International tal-2008,
F. billi l-għan tal-istrateġija tal-UE dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ huwa li jappoġġa l-kapaċitajiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jieħdu vantaġġ minn opportunitajiet ġodda ta’ kummerċ,
G. billi l-klawsola tal-Iktar Nazzjon Preferut (MFN), li tistabbilixxi tariffa normali u mhux diskriminatorja fuq il-merkanzija importata, ġiet imfittxa minn xi stati tal-AKP fin-negozjati tal-EPA, sabiex jiżguraw li l-esportaturi kollha jkunu trattati bl-istess mod kif jiġi trattat l-iktar esportatur preferut,
H. billi hemm kompetizzjoni limitata bejn l-ekonomiji tal-UE u dawk tal-AKP peress li l-maġġoranza vasta tal-esportazzjoni tal-UE tikkonsisti prinċipalment f'oġġetti li l-Istati tal-AKP ma jipproduċux però li għandhom bżonnhom jew għall-konsum dirett jew bħala dħul għall-industrija domestika,
I. billi regoli ta' oriġini ġodda u iktar flessibbli u mtejba kienu nnegozjati bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-ACP, u dawn jistgħu potenzjalment jipprovdu l-pajjiżi tal-ACP b'benefiċċji konsiderevoli jekk ikunu implimentati kif xieraq u bil-kunsiderazzjoni dovuta għal-livelli ta' kapaċità mnaqqsa tagħhom,
1. Jenfasizza l-EPAs ma jistgħux jitqiesu bħala sodisfaċenti sakemm ma jiksbux tliet għanijiet: joffru lill-pajjiżi tal-AKP appoġġ għall-iżvilupp sostenibbli, jippromwovu l-parteċipazzjoni tagħhom fil-kummerċ dinji u jsaħħu l-proċess ta’ reġjonalizzazzjoni;
2. Ifakkar li, filwaqt li l-ftehim interim huwa kompatibbli mal-WTO u jista' jitqies bħala l-ewwel pass fil-proċess, dan jista' ma jwassalx awtomatikament għal EPA "sħiħ";
3. Jirrakkomanda strateġija flessibbli u pragmatika fin-negozjati li għadhom għaddejjin għal Ftehim ta' Sħubija Ekonomika sħiħ; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'dan il-kuntest, tqis b'mod partikolari t-talba tal-Kosta tal-Avorju rigward l-aspetti tal-iżvilupp tal-ftehima; jilqa’ b’sodisfazzjon f’dan ir-rigward il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 u s-17 ta’ Ġunju 2008;
4. Jistieden lill-Kummissjoni biex tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi ekonomiċi relatati mal-ftehima; jappoġġa għalhekk, l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tirrevedi l-aspetti kollha tal-ftehima matul in-negozjati ta' EPA sħiħ; jisħaq li l-EPA sħiħ għandu jinkludi klawsola ta’ reviżjoni u evalwazzjoni tal-impatt, li għandha ssir fi żmien perjodu ta' bejn tlieta u ħames snin wara l-iffirmar tal-ftehima sabiex jiġi determinat l-impatt soċjo-ekonomiku, inklużi l-ispejjeż u l-konsegwenzi tal-implimentazzjoni; jitlob biex il-Parlament ikun involut fi kwalunkwe reviżjoni tal-ftehima;
5. Iqis li EPA sħiħ għandu jinkludi taqsima dwar djalogu politiku u d-difiża tad-Drittijiet tal-Bniedem;
6. Ifaħħar lill-firmatarji tal-ftehim talli ffaċilitaw l-avvanz tar-riformi doganali fi ħdan ir-reġjun tal-Afrika tal-Punent, speċjalment meta wieħed iqis il-pożizzjoni li l-Kosta tal-Avorju għandha fir-reġjun tal-Afrika tal-Punent bħala waħda mill-iktar ekonomiji avvanzati u għanja, u wkoll bħala mexxej fl-iżvilupp kummerċjali u ekonomiku;
7. Jilqa' b'sodisfazzjon l-iżvilupp ta' unjoni doganali fil-grupp reġjonali tal-Afrika tal-Punent u, b'mod partikolari, il-benefiċċji għall-Kosta tal-Avorju li għandhom ikunu disponibbli permezz ta' sinkronizzazzjoni tar-reġjun tal-Afrika tal-Punent, li jwasslu għal suq ikbar, żieda fil-kummerċ kif ukoll żieda fl-opportunitajiet għall-ħolqien ta' ekonomiji ta' skala;
8. Ifakkar li l-kummerċ intrareġjonali jammonta għal porzjon żgħir tal-kummerċ tal-Kosta tal-Avorju u jenfasizza l-bżonn għal żieda fir-rabtiet tal-kummerċ reġjonali sabiex it-tkabbir sostenibbli jkun żgurat fir-reġjun; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tqis kif xieraq il-politiki tal-grupp reġjonali tal-Komunità Ekonomika tal-Istati Afrikani tal-Punent (l-ECOWAS);
9. Jenfasizza l-fatt li EPA tal-futur mal-Afrika Ċentrali taħt l-ebda ċirkustanza m'għandu jipperikola l-koeżjoni jew idgħajjef l-integrazzjoni reġjonali ta' dawn il-pajjiż;
10. Iqis li l-Ftehima finali ta’ Partenarjat Ekonomiku għandha tinkoraġġixxi l-esportazzjonijiet ta’ prodotti pproċessati permezz ta’ regoli dwar l-oriġini aktar sempliċi u mtejba, partikolarment f’setturi prinċipali bħat-tessuti, is-sajd u l-agrikoltura;
11. Jistieden lill-Unjoni Ewropea biex tipprovdi żieda u assistenza teknika u amministrattiva adegwata lill-Kosta tal-Avorju, inkluż lis-settur privat u lis-soċjetà ċivili, sabiex ikun iffaċilitat l-adattament tal-ekonomija ta' dan il-pajjiż wara l-iffirmar tal-Ftehim ta' Sħubija Ekonomika Interim;
12. Ifakkar fl-adozzjoni, f'Ottubru 2007, tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Għajnuna għall-Kummerċ, bl-impenn li l-għajnuna kollettiva tal-UE relatata mal-kummerċ tiżdied għal EUR 2,000 miljun fis-sena sal-2010 (EUR 1,000 miljun mill-Komunità, EUR 1,000 miljun mill-Istati Membri); jinsisti li l-Kosta tal-Avorju għandha tirċievi sehem xieraq u ekwitabbli; jitlob li jkun deċiż minn kmieni u jkun provdut is-sehem tar-riżorsi ta’ Għajnuna għall-Kummerċ; jenfasizza li dawn il-fondi għandhom jirrappreżentaw riżorsi addizzjonali u ma għandhomx ikunu fondi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (EDF) ippreżentati f’pakkett ġdid li għandhom jikkonformaw mal-prijoritajiet tal-Kosta tal-Avorju u li l-infiq tagħhom għandu jkun f'waqtu, jista' jitbassar u jkun konformi mal-iskedi ta' twettiq tal-pjanijiet ta' żvilupp strateġiku nazzjonali u reġjonali; jopponi kull xorta ta’ kundizzjonalità b’rabta mar-ratifikazzjoni ta' dan l-EPA fil-kwistjoni tal-għoti ta’ għajnuna Ewropea u jistieden lill-Kummissjoni biex tiggarantixxi li l-aċċess għall-fondi tal-Għaxar EDF jinżamm separat mir-riżultati u r-ritmu tan-negozjati;
13. Jenfasizza l-perikli li l-abbundanza ta' riżorsi naturali jistgħu joħolqu lill-ekonomiji emerġenti, billi jitħeġġu atti ta' korruzzjoni, ġestjoni ħażina tad-dħul u, f'ċerti każi, kunflitt armat; iħeġġeġ, għalhekk, il-promozzjoni tal-aħjar prattiki sabiex il-Kosta tal-Avorju tkun tista' tagħmel l-akbar dħul minn dawn it-tip ta' riżorsi;
14. Jitlob lill-awtoritajiet tal-Kosta tal-Avorju biex iħeġġu u jipproteġu lill-impriżi ta' daqs żgħir u medju fid-dawl tal-iffirmar ta' din il-ftehima Interim; Ifaħħar lill-IEPA talli tat lil dawn l-impriżi perjodu ta' 15-il sena sabiex jadattaw ruħhom għall-bidliet;
15. Jemmen li l-iżvilupp tar-riżorsi umani tar-reġjun huwa essenzjali biex ikun żgurat id-dħul minn sistema ta' kummerċ riveduta, u jħeġġeġ l-iżvilupp ta' inċentivi biex jinżammu u jiġu attirati ħaddiema kwalifikati u b'kapaċitajiet għall-forza tax-xogħol tal-Kosta tal-Avorju;
16. Jesprimi l-appoġġ kontinwu tiegħu għal EPA sħiħ bejn il-Komunità Ewropea u l-Kosta tal-Avorju; iqis li l-kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu nnegozjati jinkludu:
- (i)“industriji ġodda” għandhom ikunu definiti hekk meta jkun hemm preżenza lokali sinifikanti;
- (ii)negozjati dwar id-dritt tal-proprjetà intellettwali li jkopru mhux biss prodotti teknoloġiċi tal-Punent iżda ukoll l-għarfien tradizzjonali;
(iii) it-trasparenza tax-xiri pubbliku bi ftuħ għal kuntratturi tal-UE maħluqa f'mument ideali għall-bżonnijiet tal-Kosta tal-Avorju;
- (iv)viżas tax-xogħol, li għandhom ikunu disponibbli għaċ-ċittadini tal-Kosta tal-Avorju għal perjodi ta' mhux anqas minn 24 xahar biex ikunu jistgħu jaħdmu bħala 'carers' u xogħlijiet simili;
17. Jiddispjaċih li ħafna prodotti, inklużi s-siment, il-petrol u l-karozzi, li n-nefqa inqas għall-importazzjoni tagħhom tista' tkun essenzjali għall-imprendituri lokali u għall-industriji żgħar li jinsabu iktar ‘il fuq fil-katina tal-valur, kienu esklużi mil-liberalizzazzjoni;
18. Jiddispjaċih li l-''EC Party'' tista', matul il-perjodu bejn l-1 ta' Ottubru 2009 u t-30 ta' Settembru 2015, timponi d-dazju applikat tal-Aktar Pajjiż Favorit fuq il-prodotti li joriġinaw mill-Kosta tal-Avorju tal-intestatura tariffarja 1701, impurtati f'ammonti ikbar mil-livelli espressi f'ekwivalenza ta' zokkor abjad, li jitqiesu li jikkawżaw xkiel fis-suq taz-zokkor tal-“EC Party”;
19. Jinsisti li kull EPA sħiħ għandu jinkludi dispożizzjonijiet dwar standards bażiċi relatati ma' tmexxija tajba, trasparenza u rispett għad-drittijiet tal-bniedem;
20. Jemmen li EPA sħiħ se jestendi bis-sħiħ il-benefiċċji tiegħu għaċ-ċittadini tal-Kosta tal-Avorju jekk jiġi elett gvern responsabbli u demokratiku f'dan il-pajjiż; jesprimi tama li, f'waqtu, gvern bħal dan jieħu l-poter fil-Kosta tal-Avorju;
21. Iqis importanti li fl-implimentazzjoni tal-EPAs, għandha tkun stabbilita sistema ta’ monitoraġġ xierqa, ikkoordinata mill-kumitat parlamentari rilevanti u li tkun tinvolvi l-membri tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u tal-Kumitat għall-Iżvilupp, li b'mod li tiżgura bilanċ adegwat bejn iż-żamma tal-irwol ewlieni tal-Kumitat INTA u l-konsistenza ġenerali fil-politiki għall-iżvilupp u dawk kummerċjali; iqis li dan il-kumitat parlamentari għandu jopera b’mod flessibbli u għandu jikkoordina b’mod attiv il-ħidma tiegħu mal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE (JPA); iqis li dan il-monitoraġġ għandu jibda wara l-adozzjoni ta’ kull EPA interim;
22. Jitlob lill-Kummissjoni biex tipprovdi alternattivi vijabbli li jiggarantixxu aċċess għas-suq għal dawk il-pajjiżi li jkunu jixtiequ jieħu l-impenn lejn EPA sħiħ;
23. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tal-pajjiżi tal-AKP, lill-Kunsill AKP-UE u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.
- [1] ĠU C 77 E, 26.3.2004, p. 393.
- [2] ĠU C 92E, 20.4.2006, p. 397.
- [3] ĠU C285 E, 22.11.2006, p.126.
- [4] ĠU C 292 E, 1.12.2006, p. 121.
- [5] ĠU C 293 E, 2.12.2006, p. 155.
- [6] ĠU C 298 E, 8.12.2006, p. 261.
- [7] ĠU C 305 E, 14.12.2006, p. 244.
- [8] ĠU C 102 E, 24.4.2008, p. 301.
- [9] Testi addottati, P6_TA(2008)0252.