Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0150/2009/REV1Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0150/2009/REV1

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

17.3.2009

imressqa wara l-mistoqsija/mistoqsijiet li jitolbu tweġiba orali B6‑0020/2009 u B6‑0019/2009
skont l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura minn

   Adam Bielan, f'isem il-Grupp UEN
–   Ona Juknevičienė, f'isem il-Grupp ALDE dwar il-Ftehima Kummerċjali Interim mat-Turkmenistan

Proċedura : 2009/2513(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni

B6‑0150/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Ftehima Kummerċjali Interim mat-Turkmenistan

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (5144/1999),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 133 u l-Artikolu 300(2), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat KE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 300(3), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat KE, skont liema Artikolu l-Kunsill ikkonsulta lill-Parlament (C5‑0338/1999),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A6‑0085/2006),

   wara li kkunsidara r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Frar 2008 dwar Strateġija tal-UE għall-Ażja Ċentrali (2007/2102(INI)),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-relazzjonijiet bejn il-Komunitajiet Ewropej u t-Turkmenistan bħalissa huma mmexxija mill-Ftehima dwar il-Kummerċ u l-Koperazzjoni Kummerċjali u Ekonomika bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Unjoni Sovjetika fl-1989; billi din il-ftehima ma fihiex klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem,

B.  billi l-Ftehima Interim tat-2 ta' Diċembru 1998 dwar il-Kummerċ u dwar Kwistjonijiet marbuta mal-Kummerċ, iffirmata bejn il-Komunità Ewropea, il-Komunità Ewropea tal-Faħam u tal-Azzar u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, min-naħa, u t-Turkmenistan, min-naħa l-oħra (COM(1998) 617 finali, 98/0304(ACC)), bħalissa qed tiġi approvata fil-Kunsill,

C.  billi f'Mejju 1997 beda l-proċess lejn Ftehima ta' Sħubija u Koperazzjoni (PCA) mat-Turkmenistan, li ġiet iffirmata fl-1998; billi minn dak iż-żmien, 11-il Stat Membru rratifikaw il-PCA - Franza, l-Irlanda, ir-Renju Unit u l-Greċja għad iridu jagħmlu dan - u t-12-il Stat Membru ġdid se jirratifikawha permezz ta' protokoll wieħed; billi t-Turkmenistan irratifika l-PCA fl-2004,

D.  billi l-PCA, ladarba tiġi ratifikata b'mod sħiħ, se tiġi ffirmata għal perijodu inizjali ta' 10 snin, imbagħad tiġġedded kull sena, sakemm ebda mill-partijiet ma titterminaha; billi l-partijiet jistgħu jespandu jew jemendaw il-PCA jew ikomplu jelaborawha, sabiex iqisu żviluppi ġodda,

E.  billi t-Turkmenistan għandu rwol importanti fir-reġjun tal-Ażja Ċentrali, u b'hekk il-koperazzjoni mill-qrib bejnu u bejn l-Unjoni Ewropea hija mixtieqa,

F.  billi s-sitwazzjoni fit-Turkmenistan tjiebet minn wara l-bidla tal-president; billi l-gvern wera r-rieda tiegħu biex iwettaq riformi ewlenin; billi għad hemm bżonn ta' progress sostanzjali f'bosta oqsma ewlenin, bħad-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, id-demokrazija u l-libertajiet individwali,

G.  billi l-Ftehima Kummerċjali Interim (ITA) proposta bejn il-Komunitajiet Ewropej u t-Turkmenistan tistipula r-rispett tad-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem bħala kundizzjoni għall-koperazzjoni,

H.  billi l-ITA għalhekk ikollha l-potenzjal li tikkontribwixxi għall-iżvilupp tar-riformi demokratiċi li qed iseħħu fit-Turkmenistan,

I.  billi l-ITA tinkludi mekkaniżmu li jagħti ċ-ċans lil kwalunkwe parti sabiex titterminaha billi tavża lill-parti l-oħra,

1.  Jinnota li wara l-bidla tal-president fit-Turkmenistan, jidher li hemm rieda li jitwettqu riformi f'oqsma ewlenin; jilqa' b'mod partikulari l-ħolqien ta' Istitut Nazzjonali għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem; jinnota l-proċess ta' reviżjoni tal-Kostituzzjoni, li għandu l-għan li jsaħħaħ id-demokrazija, il-libertajiet individwali u l-istat tad-dritt; jinnota, barra minn hekk, ir-reviżjoni tal-liġi elettorali; jilqa' l-adeżjoni tat-Turkmenistan għall-konvenzjonijiet internazzjonali bħat-Tieni Protokoll Opzjonali għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet Politiċi tan-Nisa; jilqa' r-riformi tas-sistema edukattiva, bil-għan li titjieb il-kwalità u tiżdied l-ugwaljanza għall-istudenti;

2.  Jitlob lill-Gvern tat-Turkmenistan biex jimxi malajr lejn id-demokrazija u r-rispett tal-istat tad-dritt; jitlob, b'mod partikulari, li jsiru elezzjonijiet miftuħa u demokratiċi, li tingħata l-libertà tar-reliġjon, li jseħħ l-iżvilupp ta' soċjetà ċivili ġenwina, il-ħelsien tal-priġunieri politiċi u l-priġunieri ta' kuxjenza kollha, it-tneħħija tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, u l-aċċess għal osservaturi indipendenti;

3.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Unjoni Ewropea tkompli tħeġġeġ dawn l-iżviluppi; jenfasizza li l-attivitajiet tal-Gvern tat-Turkmenistan iridu jinflew bir-reqqa u b'mod regolari;

4.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iżommuh informat, b'mod regolari u sostantiv, dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem fit-Turkmenistan;

5.  Jiddeplora l-fatt li, f'bosta oqsma, b'mod partikulari d-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija, il-qagħda għadha mhix soddisfaċenti; jiġbed l-attenzjoni b'mod partikulari għall-ħtieġa li l-priġunieri politiċi kollha jinħelsu bla kundizzjonijiet; jenfasizza l-importanza tat-tneħħija tal-ostakoli għall-ivvjaġġar ħieles u għall-aċċess ħieles għall-osservaturi indipendenti, fosthom is-Salib l-Aħmar Internazzjonali; jitlob għal aktar titjib fil-libertajiet ċivili, inklużi għall-NGOs; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu implimentati riformi fil-livelli kollha u fl-oqsma kollha tal-amministrazzjoni;

6.  Jisħaq fuq l-importanza tar-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali għall-ftuħ tas-soċjetà Turkmena u t-titjib tal-qagħda demokratika, ekonomika u soċjali taċ-ċittadini Turkmeni;

7.  Iqis li l-ITA, filwaqt li tistipula wkoll regoli dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi, tista' tkun pass lejn relazzjonijiet sodi u sostenibbli bejn l-UE u t-Turkmenistan u lieva potenzjali għat-tisħiħ tal-proċess ta' riforma fit-Turkmenistan;

8.  Jenfasizza li l-ITA mhuwiex karta bajda għat-Turkmenistan; jitlob, għalhekk, li jkun hemm monitoraġġ strett u evalwazzjonijiet regolari tal-iżviluppi fl-oqsma ewlenja fit-Turkmenistan u, jekk xieraq, li jiġi sospiż il-ftehim jekk ikun hemm provi li l-kundizzjonijiet mhux qed jiġu sodisfatti; jitlob li jsir aġġornament regolari dwar il-monitoraġġ mill-Kummissjoni u mill-Kunsill;

9.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jinkludu klawżola ċara sospensiva dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-PCA; jenfasizza li d-Dikjarazzjoni Universali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għandha tiġi rrispettata; jitlob lill-Kunsill sabiex jaċċetta kwalunkwe talba mill-Parlament Ewropew biex jisspospendi l-ftehima;

10.  Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jinkludu wkoll klawżola ta' reviżjoni fil-PCA; jitlob li jiġi kkonsultat fuq kwalunkwe reviżjoni tal-PCA;

11.  Jirrimarka li l-PCA tirrekjedi l-kunsens tiegħu sabiex tidħol fis-seħħ; filwaqt li l-ITA sfortunatament ma tirrikjedix il-kunsens tiegħu, jitlob li l-punti msemmija f'din ir-riżoluzzjoni jitqiesu bis-sħiħ, minħabba li, jekk dan ma jsirx, il-kunsens tiegħu għall-PCA jista' jiġi mxekkel; bl-istess mod, għandu l-ħsieb jibbaża l-opinjoni tiegħu dwar l-ITA fuq it-tweġibiet mogħtija mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fl-istqarrijiet tagħhom;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u l-Gvern u l-Parlament tat-Turkmenistan.