Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0152/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0152/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

18.3.2009

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Cristiana Muscardini, Adam Bielan, Roberta Angelilli, Mario Borghezio and Antonio Mussa
f isem il-Grupp UEN
dwar il-futur tal-industrija tal-karozzi

Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0152/2009

Proċedura : 2009/2560(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0152/2009
Testi mressqa :
B6-0152/2009
Testi adottati :

B6‑0152/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-futur tal-industrija tal-karozzi

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal- Grupp ta' Livell Għoli CARS 21 tat-12 ta' Diċembru 2005

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar CARS 21: Qafas Regolatorju Kompetittiv tal-Karozzi (2007/2120 (INI))

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tat-15 u d-16 ta' Ottubru 2008;

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ottubru 2008 bl-isem "Minn kriżi finanzjarja għal irkupru: qafas Ewropew għall-azzjoni” (COM 2008 706 finali),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew tas-26 ta' Novembru 2008 bl-isem "Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku" (COM 2008 800 finali)

–   wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Kompetittività tal-5 u s-6 ta' Marzu dwar l-industrija tal-karozzi

–   wara li kkunsidra r-Regola 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A  billi l-Ewropa qed taffaċċja kriżi finanzjarja u ekonomika eċċezzjonali u billi t-tbassir għall-2009 u l-2010 huwa allarmanti; billi s-swieq finanzjarji, minkejja l-ewwel miżuri adottati, għadhom mhux qed jaħdmu sew;

B  billi l-industrija tal-karoizzi hija ċentrali għall-prosperità tal-Ewropa billi l-UE hija l-akbar produttur tal-karozzi fid-dinja u hija waħda mill-akbar entitajiet li tħaddem, bi 12-il miljun dipendenti fuq l-industrija;

C  billi l-industrija tal-karozzi tħaddem ukoll persuni b'ħiliet tekniċi u hija forza ewlenija wara l-għerf u l-innovazzjoni billi tinvesti aktar minn 20 biljun EURO fis-sena fir-riċerka u l-iżvilupp;

D  billi l-industrija tal-manifattura tal-karozzi qed tiġi affettwata serjament mill-kriżi finanzjarja attwali u r-reġistrazzjoni ta' karozzi ġodda naqset b'20% fl-aħħar kwart tal-2008 u l-bejgħ ta' karozzi ġodda naqas b'1,2 miljun fl-2008,

E  billi l-industrija tal-karozzi hija marbuta mill-qrib ma' ħafna setturi oħrajn tal-industrija - numru kbir ta' sottokuntratturi u fornituri spiss ikun magħmul minn intrapriżi żgħar u medji, li intlaqtu bl-istess mod drammatiku mill-kriżi finanzjarja b'riskju multiplikat għall-impjieg,

F  billi f'ekonomija tas-suq ir-responsabilità primarja biex wieħed jitratta l-kriżi taqa' fuq kumpaniji individwali iżda f'xi każi eċċezzjonali u determinati l-intervent tas-settur pubbliku, skont ir-Regoli dwar l-Għajnuna Statali huwa ġustifikat, u saħansitra indispensabbli għal dak li qabel il-kriżi finanzjarja kien settur vitali għall-ekonomija u s-soċjetà Ewropej,

G  billi xi Stati Membri bdew jadottaw miżuri nazzjonali biex jappoġġjaw l-industrija b'effetti pożittivi fuq it-talba għall-karozzi,

H  billi pjanijiet simili ġew skrutinizzati mis-servizzi tal-Kummissjoni u għadhom kompletament konformi mal-azzjoni korrispendenti f'livell Ewropew u jirrispettaw ir-Regoli tal-Għajnuna Statali,

I  billi l-Kummissjoni Ewropea bħalissa qiegħda tinnegozja aktar liberalizzazzjoni fir-Rawnd ta' Doha fil-Ftehimiet il-ġodda ta' Kummerċ Ħieles, b'mod partikolari l-Ftehima ta' Kummerċ Ħieles mal-Korea t'Isfel li taffettwa s-settur tal-karozzi b'mod dirett,

J  billi pass lura lejn miżuri protezzjonisti mhux l-aħjar risposta għall-kriżi finanzjarja u ekonomika attwali billi dawn jiġġeneraw kontromiżuri mill-kompetituri dinjija u jirriżultaw f'restrizzjonijiet għall-kummerċ dinji,

1.  Jemmen li hija biss azzjoni politika kkordinata f'Livell Ewropew, bl-involviment sħiħ tal-parteċipanti ewlenin tas-settur, kemm min-naħa tal-forniment u kif ukoll min-naħa tat-talba, li tista' tiffaċċja u tegħleb id-diffikultajiet tas-settur tal-karozzi;

2.  iqis li dan il-pjan ekonomiku ta' għajnuna għandu jkun ibbażat fuq:

  • a)l-assigurazzjoni ta' aċċess għall-kreditu għall-produtturi u l-fornituri ta' karozzi, u f'dan il-kuntest, il-Bank Ewropew għall-Investiment jista' jkollu rwol sinifikanti fi proġetti ta' rkupru;
  • b)stimolu tat-talba għal vetturi, li jinkludu l-inċentivi li wieħed jiskrappja l-karozzi l-qodma u jixtri karozzi "hodor";
  • c)l-użu sħiħ tal-Fond Globali ta' Aġġustament u l-Fond Soċjali Ewropew sabiex jitnaqqsu l-effetti soċjali possibbli tar-ristrutturar;
  • d)għajnuna speċjali għar-riċerka u l-investiment;

3.  iqis li l-miżuri attwali ta' għajnuna għall-industrija tal-karrozzi tista' tirrappreżenta opportunità serja u importanti biex jiġu indirizzati, fit-tul, il-kwistjonijiet strutturali li għadhom jeżistu fl-industrija tal-karozzi; f'dan il-kuntest jistieden lill-varji parteċipanti fis-settur sabiex itjebu u jżidu l-effiċjenza fil-produzzjoni tagħhom u l-użu tal-kapaċità;

4.  jisħaq li l-aċċess għall-iffinanzjar u t-tħaddim mill-ġdid ta' sistema bankarja xierqa li fl-aħħar terġa' tirxoxta l-fiduċja tal-konsumaturi huma rekwiżiti bil-quddiem għall-irkupru tas-settur tal-karozzi u li f'dan il-kuntest jistieden lill-Kummissjoni u lill-Bank Ewropew għall-Investiment sabiex flimkien jippreżentaw lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa b'aktar possibilitajiet sabiex jitjieb l-aċċess tal-industrija għall-iffinanzjar u b'mod partikolari l-SMEs tas-settur;

5.  jenfasizza li l-industrija tal-karozzi hija wkoll responsabbli mir-reazzjoni għall-kriżi attwali u għandha tagħmel sforzi sinifikanti sabiex tikkontribwixxi għall-irkupru, filwaqt li jitqies li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-interessi u l-aspettattivi tal-ħaddiema fl-użu ta' intervent ekonomiku mill-Istat;

6.  jisħaq li l-intervent ekonomiku tal-Istat għandu dejjem jikkonforma mar-Regoli tal-UE dwar l-Għajnuna Statli u mal-prinċipji tas-Suq Intern, li l-iffunzjonar sħiħ u effettiv tiegħu huwa rekwiżit bil-quddiem għall-irkupru u t-tkabbir futur tal-kontinent;

7.  jafferma l-ħtieġa li jinżamm livell għoli ta' investiment fir-riċerka u fl-żvilupp, b'mod partikolari fil-qasam ta' teknoloġiji nodfa li jistgħu jsaħħu l-kompetittività tal-Industrija Ewropea u jkunu rispota pożittiva għall-ġlieda kontra l-bidla fil-klima;

8.  jilqa' b'sodisfazzjon il-Konklużjonijiet tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Konferenza ta' Livell għoli tal-CARS 21 bl-involviment tal-industrija u ta' parteċipanti rilevanti li jimmiraw li jippriservaw u jiggarantixxu approċċ integrat meta jipproponu proposta leġiżlattiva ġdida; f'dan il-kuntest jistieden lill-Kummissjoni sabiex tevalwa kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva ġdida possibbli f'konformità ma' dawn il-prinċipji;

9.  jenfasizza li billi l-kriżi globali qed taffettwa parteċipanti dinjija oħrajn fil-qasam tal-karozzi, b'mod partikolari l-Istati Uniti, soluzzjoni globali tenħtieġ djalogu permanenti ma' pajjiżi terzi u mal-imsieħba kummerċjali ewlenin tal-UE fil-livelli multilaterali u bilaterali sabiex jiġi evitat li l-industrija tal-UE tiġi penalizzata b'mod inġust minħabba protezzjoniżmu u miżuri diskriminatorji adottati minn pajjiżi terzi.

10.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipposponi l-konklużjoni tal-Ftehima ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Korea t'Isfel sakemm tinstab soluzzjoni bbilanċjata dwar l-implikazzjonijiet fuq is-settur tal-karozzi;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u l-parlamenti ta' l-Istati Membri.