MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
18.3.2009
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Werner Langen, Giles Chichester, Stefano Zappalà, Amalia Sartori u Ivo Belet
f’isem il-Grupp PPE-DE
dwar il-futur tal-industrija tal-karozzi
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0152/2009
B6‑0153
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-futur tal-industrija tal-karozzi
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Liżbona tat-23 u l-24 ta' Marzu 2000,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tat-2 ta’ Frar 2005 intitolata "Naħdmu flimkien għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi - bidu ġdid għall-Istrateġija ta' Liżbona" (COM(2005) 24 finali),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Grupp ta’ Livell Għoli CARS 21 tat-12 ta' Diċembru 2005 u l-konklużjonijiet tal-Konferenza ta' Livell Għoli ta' reviżjoni ta' nofs iż-żmien tas-26 ta' Ottubru 2008,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar CARS 21: Qafas Regolatorju Kompetittiv tal-Karozzi (2007/2120(INI)),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tat-15 u s-16 ta' Ottubru 2008,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-29 ta' Ottubru 2008 bl-isem ‘Minn kriżi finanzjarja għal irkupru: Qafas Ewropew għall-Azzjoni” (COM(2008) 706 finali),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew tas-26 ta' Novembru 2008 bl-isem "Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku" (COM(2008) 0800 finali),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Frar 2009 dwar l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq l-industrija tal-karozzi,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Kompetittività tal-5 u 6 ta' Marzu 2009 dwar l-industrija tal-karozzi,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-25 ta’ Frar 2009 intitolata ‘Reazzjoni għall-kriżi fl-industrija awtomobilistika Ewropea' (COM (2009) 104 finali),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Ewropa għaddejja minn kriżi finanzjarja u ekonomika profonda mingħajr preċedenti,
B. billi s-suq finanzjarju Ewropew attwalment mhux qed jiffunzjona sew, l-aktar fir-rigward ta' tranzazzjonijiet ta' self,
C. billi l-industrija Ewropea tal-korozzi hi partikolarment milquta mill-impatt tal-kriżi attwali, u hi settur ewlieni tal-ekonomija Ewropea li jikkontribwixxi għall-impjiegi, l-innovazzjoni u l-kompetittività tal-ekonomija kollha,
D billi fl-2009 hu mistenni aktar tnaqqis sinifikanti fid-domanda għal vetturi u minħabba f'hekk tnaqqis fil-produzzjoni, li inevitabilment joħloq pressjoni fuq il-livelli tal-impjiegi u tal-investiment fl-UE,
E. billi s-settur Ewropew tal-karozzi hu l-akbar investitur privat fl-R&D fl-Unjoni Ewropea u l-produtturi Ewropej tal-karozzi tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali jridu jżommu livelli għolja ta' investiment fid-dawl tar-rekwiżiti regolatorji u tas-suq, partikolarment biex tkun garantita t-tranżizzjoni għal flotta b'emissjonijiet baxxi,
F. billi l-industrija Ewropea tal-karozzi timpjega, direttament jew indirettament, 12-il miljun ħaddiem, li jammontaw għal 6% tal-popolazzjoni tal-impjegati fl-Unjoni Ewropea, u miljuni minn dawn l-impjiegi jinsabu f'riskju,
G. billi l-industrija Ewropea tal-karozzi hi ferm importanti għall-ekonomija tal-UE minħabba l-effett miltiplikatur għal setturi u industriji oħra, u b'mod partikolari fuq għall-eżistenza ta' mijiet ta' eluf ta' negozji żgħar u ta' daqs medju,
I. billi xi Stati Membri bdew jadottaw miżuri nazzjonali biex jappoġġjaw l-industrija tal-karozzi,
J. billi l-Kummissjoni Ewropea attwalment qed tinnegozja aktar liberalizzazzjoni tal-kummerċ fil-qafas tad-Doha Round u tal-ftehima ta' kummerċ ħieles mal-Korea tan-Nofsinhar,
1. Jirrikonoxxi li l-kriżi ekonomika u finanzjarja preżenti poġġiet l-industrija tal-karozzi taħt pressjoni, li, b'mod partikolari, qed tirreġistra tnaqqis kbir fid-domanda għall-karozzi, kif ukoll diffikultajiet ta' aċċess għall-kreditu u problemi strutturali li kienu hemm qabel il-kriżi;
2. Jinnota bi tħassib kbir li s'issa l-miżuri adottati fuq livell Ewropew ma joffrux risposta adegwata għall-isfidi li nħolqu mill-kriżi attwali u jitlob biex jitfassal qafas Ewropew ta' azzjoni li jiġbor fih indikazzjonijiet konkreti dwar kif l-UE u l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri deċisivi meħtieġa;
3. Jinnota bi tħassib kbir li l-miżuri għal żmien qasir li l-Istati Membru ħadu fuq livell nazzjonali jistgħu jikkontribwixxu biex joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq waħdieni, b'hekk jagħmlu ħsara fuq perjodu ta' żmien twil lill-kompetittività, u, għalhekk, jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li miżuri oħra li jittieħdu jkunu koerenti, effiċjenti u kkoordinati;
4. Iħeġġeġ għalhekk lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jikkoordinaw l-azzjonijiet fuq livell Ewropew biex jevitaw passi protezzjonisti u biex jiżguraw li jkunu adottati miżuri fuq livell Ewropew aktar milli fuq bażi nazzjonali;
5. Jistieden lill-Kummissjoni biex timmobilizza r-riżorsi kollha tagħha ħalli tegħleb il-kriżi u, fejn meħtieġ, tistabbilixxi strumenti ġodda, u f'dan il-kuntest, jilqa' b'sodisfazzjon, il-qafas temporanju għall-evalwazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat imwaqqfa mill-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku;
6. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iħaffu, jissimplifikaw u jżidu l-appoġġ finanzjarju għall-industrija tal-karozzi, l-aktar permezz tal-Bank Ewropew għall-Investiment u l-Bank Ċentrali Ewropew, u billi jagħmlu possibbli garanziji statali għal self b'imgħax baxx; iqis li l-appoġġ finanzjarju, l-aktar permezz ta' self, għandu jgħin biex jistimula d-domanda għal vetturi ġodda, għall-benefiċċju tat-tkabbir ekonomiku, l-ambjent u s-sikurezza fit-toroq;
7. Itenni li l-politiki, kemm f'livell tal-UE u kemm dak nazzjonali, għandhom jikkontribwixxu biex jindirizzaw il-fażi ta' ristrutturar li qed tiffaċċja l-industrija tal-karozzi minħabba ambjent kummerċjali ferm kompetittiv, u għalhekk, jinkoraġġixxi lis-settur biex jimplimenta bidliet bħal dawn b'mod soċjalment responsabbli, f'koperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali;
8. Iħeġġeġ, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni biex tiffaċilita, ittejjeb u tħaffef l-aċċess għal strumenti eżistenti bħall-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u l-Fondi Strutturali;
9. Jafferma mill-ġdid li l-industrija tal-karozzi teħtieġ investimenti kontinwi fi programmi tal-R&D biex jinkisbu l-aħjar soluzzjonijiet fil-kwalità, fis-sikurezza u fit-titjib ambjentali sabiex jinkiseb qafas kompetittiv sostenibbli, u għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex, f'dak il-kuntest, tiffaċilita, ittejjeb u tħaffef l-aċċess għall-istrumenti ta' appoġġ tal-UE għall-R&D u l-innovazzjoni, bħalma hu s-Seba' Programm ta' Qafas;
10. Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal linji gwida u rakkommandazzjonijiet għal miżuri li jinkoraġġixxu metodu koordinat għat-tiġdid tal-flotta tal-vetturi li jifilħu ftit u dawk li jifilħu ħafna, u ta' mezzi tat-trasport pubbliku, bħal skemi ta' skrappjar u inċentivi oħra tas-suq, li għandhom effetti pożittivi u fuq terminu ta' żmien qasir fuq id-domanda għal karozzi ġodda, u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tissorvelja miżuri nazzjonali diġà implimentati f'dan il-kuntest biex ikunu evitati distorsjonijiet fis-suq intern;
11. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jieħdu l-opportunità li jirrevedu t-taxxa attwali fuq il-karozzi u biex jikkoordinaw is-sistemi fiskali fl-Unjoni Ewropea kollha;
12. Jikkonferma l-ħtieġa li jkunu approfonditi d-djalogu u d-diskussjonijiet li għaddejjin ma' pajjiżi terzi u ma' sħab kummerċjali ewlenin tal-UE dwar il-futur tas-settur tal-karozzi u għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni biex tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi fil-pajjiżi li mhumiex fl-UE, l-aktar l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Ażja, biex ikunu garantiti kundizzjonijiet ugwali f'livell internazzjonali waqt li jkun evitat li jiġu adottati miżuri protezzjonisti u diskriminatorji fis-suq globali tal-karozzi;
13. Jistieden lill-Kummissjoni biex tipposponi l-konklużjoni tal-ftehima ta' kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Korea tan-Nofsinhar sakemm jinstab ftehim bilanċjat u ġust bejn iż-żewt isħab;
14. Jistieden lill-Kummissjoni biex tapplika b'mod sħiħ il-prinċipji ta' Regolamentazzjoni Aħjar u għalhekk tagħmel evalwazzjoni sew tal-impatt tal-leġiżlazzjoni ġdida tal-UE fuq il-karozzi, partikolarment fir-rigward tal-effett fuq l-ispiża ta' karozzi ġodda u żmien biżżejjed li hu meħtieġ biex ikunu implimentati l-miżuri, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tadotta approċċ aktar prudenti fir-regolamentazzjoni, f'konformità mar-rakkommandazzjonijiet tal-CARS21, filwaqt li tipprovdi b'dan il-mod ċertezza legali u prevedibilità lis-settur tal-karozzi;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.