Proċedura : 2009/2560(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B6-0154/2009

Testi mressqa :

B6-0154/2009

Dibattiti :

PV 24/03/2009 - 11
CRE 24/03/2009 - 11

Votazzjonijiet :

PV 25/03/2009 - 3.20
CRE 25/03/2009 - 3.20

Testi adottati :

P6_TA(2009)0186

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
PDF 106kWORD 54k
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0152/2009
18.3.2009
PE423.011
 
B6‑0154/2009
imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Jorgo Chatzimarkakis
f isem il-Grupp ALDE
dwar il-futur tal-industrija tal-karozzi

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-futur tal-industrija tal-karozzi 
B6‑0154/2009

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Liżbona tat-23 u l-24 ta' Marzu 2000,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tat-2 ta’ Frar 2005 bl-isem "Naħdmu flimkien għat-tkabbir u għall-impjiegi - Bidu ġdid għall-Istrateġija ta' Liżbona" (COM(2005) 24 finali);

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Grupp ta’ Livell Għoli CARS 21 tat-12 ta' Diċembru 2005 u l-Konklużjonijiet tal-Konferenza ta' Livell Għoli tar-Reviżjoni ta' Nofs it-Terminu tas-26 ta' Ottubru 2008,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar CARS 21: Qafas Regolatorju Kompetittiv tal-Karozzi (A6-0494/2007),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tal-15 u s-16 ta' Ottubru 2008,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ottubru 2008 bl-isem 'Minn kriżi finanzjarja għal irkupru: Qafas Ewropew għall-azzjoni' (COM(2008) 706 finali),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew tas-26 ta' Novembru 2008 bl-isem 'Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku' (COM(2008) 800 finali),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq l-industrija tal-karozzi tal-4 ta’ Frar 2009,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill għall-Kompetittività dwar l-industrija tal-karozzi tal-5 u s-6 ta' Marzu 2009,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Frar 2009 bl-isem “Reazzjoni għall-kriżi fl-industrija awtomobilistika Ewropea” (COM (2009) 104 finali),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Ewropa qed tiffaċċja kriżi finanzjarja u ekonomika eċċezzjonali u profonda,

B.  billi s-suq finanzjarju Ewropew attwalment mhux qed jiffunzjona sew, l-aktar fir-rigward tal-attivitajiet tiegħu ta' self,

C  billi l-industrija awtomobilistika Ewropea u l-industriji tal-katina tal-provvista tagħha huma affettwati b'mod partikolari mill-kriżi attwali, peress li huma settur ewlieni tal-ekonomija Ewropea li jikkontribwixxi għall-impjiegi, l-innovazzjoni u l-kompetittività fl-ekonomija kollha,

D  billi fl-2009 hu mistenni aktar tnaqqis sinifikanti fid-domanda għall-vetturi u minħabba f'hekk tnaqqis fil-produzzjoni tal-vetturi, li inevitabbilment jżid il-pressjoni fuq il-livelli tal-impjiegi u tal-investiment fl-UE,

E.  billi s-settur Ewropew tal-karozzi huwa l-akbar investitur privat fl-R&D fl-Unjoni Ewropea, u billi l-manifatturi Ewropej tal-karozzi tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali jridu jżommu livelli għolja ta' investiment fid-dawl tar-rekwiżiti regolatorji u tas-suq, partikolarment biex tkun garantita t-tranżizzjoni għal flotta b'emissjonijiet baxxi,

F.  billi l-industrija Ewropea tal-karozzi timpjega, direttament jew indirettament, 12-il miljun ħaddiem, jew 6% tal-popolazzjoni tal-impjegati fl-Unjoni Ewropea, u miljuni minn dawn l-impjiegi llum jinsabu f'riskju,

G.  billi l-industrija Ewropea tal-karozzi hi importanti ħafna għall-ekonomija tal-UE minħabba l-effett miltiplikatur tagħha għal setturi u industriji oħra, u b'mod partikolari għall-eżistenza ta' mijiet ta' eluf ta' neozji żgħar u ta' daqs medju,

H.  billi xi Stati Membri bdew jadottaw miżuri nazzjonali biex jappoġġjaw l-industrija tal-karozzi,

I.  billi l-Kummissjoni attwalment qed tinnegozja aktar liberalizzazzjoni tal-kummerċ fil-qafas tar-RAwnd ta' Doha u Ftehima ta' Kummerċ Ħieles mal-Korea t'Isfel,

1.  Jirrikonoxxi li l-kriżi ekonomika u finanzjarja preżenti poġġiet l-industrija tal-karozzi taħt pressjoni kbira, li hija riflessa b'mod partikolari fi tnaqqis kbir fid-domanda għall-karozzi, iżda wkoll fl-eċċess tal-kapaċità ta' produzzjoni, diffikultajiet ta' aċċess għall-kreditu u problemi strutturali li kienu hemm qabel il-kriżi;

2.  Jinnota bi tħassib kbir li s'issa l-miżuri adottati fil-livell Ewropew ma jaqblux adegwatament mal-isfidi li nħolqu mill-kriżi attwali u jitlob li jitfassal qafas reali Ewropew ta' azzjoni li jinkorpora indikazzjonijiet speċifiċi dwar kif l-UE u l-Istati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri deċisivi meħtieġa;

3.  Jinnota bi tħassib li kulma jmur qed jikber li l-miżuri maħsuba għal żmien qasir li l-Istati Membri ħadu fil-livell nazzjonali jistgħu joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq waħdieni, u b'hekk jagħmlu ħsara fuq perjodu ta' żmien twil lill-kompetittività, u għalhekk jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li miżuri oħra li jittieħdu jkunu koerenti, effiċjenti u kkoordinati;

4.  Iħeġġeġ għalhekk lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jikkoordinaw l-azzjonijiet fil-livell Ewropew biex jevitaw passi protezzjonisti u biex jadottaw miżuri li japplikaw fl-UE kollha aktar miżuri nazzjonali;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex timmobilizza r-riżorsi kollha tagħha ħalli tiġġieled il-kriżi u biex tintroduċi strumenti ġodda fejn ikun meħtieġ, u jilqa' b'sodisfazzjon f'dan il-kuntest il-qafas temporanju għall-evalwazzjoni tal-għajnuna mill-Istat stabbilita bħala parti mill-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku;

6.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex iħaffu, jissimplifikaw u jżidu l-appoġġ finanzjarju għall-industrija tal-karozzi, l-aktar permezz tal-Bank Ewropew għall-Investiment u l-Bank Ċentrali Ewropew, u billi jippermettu garanziji Statali għal self b'imgħax baxx; iqis li l-appoġġ finanzjarju, l-aktar permezz ta' self, għandu jgħin biex jistimula d-domanda għal vetturi ġodda, għall-benefiċċju tat-tkabbir ekonomiku, l-ambjent u s-sikurezza fit-toroq;

7.  Itenni li l-politiki, kemm fil-livell tal-UE u kemm f'dak nazzjonali, għandhom jikkontribwixxu biex jindirizzaw il-fażi ta' ristrutturar li qed jiffaċċjaw l-industrija tal-karozzi u l-industriji tal-katina tal-provvista tagħha, minħabba ambjent kompetittiv ħafna, u jinkoraġġixxi għalhekk lis-settur biex jimplimenta bidliet bħal dawn b'mod soċjalment responsabbli, f'koperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali;

8.  Iħeġġeġ f'dan il-kuntest lill-Kummissjoni biex tiffaċilita, ittejjeb u tħaffef l-aċċess għal strumenti eżistenti bħall-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u l-Fondi Strutturali;

9.  Jafferma mill-ġdid li l-industrija tal-karozzi teħtieġ investimenti kontinwi fi programmi tal-R&D li jipprovdu l-aħjar soluzzjonijiet fir-rigward tal-kwalità, is-sikurezza u l-prestazzjoni ambjentali biex jintlaħaq qafas kompetittiv sostenibbli u jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tiffaċilita, ittejjeb u tħaffef f'dan il-kuntest l-aċċess għall-istrumenti ta' appoġġ tal-UE għall-R&D u l-innovazzjoni, bħas-Seba' Programm ta' Qafas;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tfassal linji gwida u rakkommandazzjonijiet għal miżuri biex jiġi inkoraġġat b'mod koordinat it-tiġdid tal-flotta tal-vetturi, bħal skemi ta' skrappjar u inċentivi oħra tas-suq, li għandhom effetti pożittivi u fuq terminu ta' żmien qasir fuq id-domanda għal karozzi ġodda, u jistieden lill-Kummissjoni biex tissorvelja miżuri nazzjonali diġà implimentati f'dan il-kuntest biex ikunu evitati distorsjonijiet fis-suq intern;

11.  Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jaħtfu l-opportunità li jirrevedu t-taxxa attwali fuq il-karozzi biex jikkoordinaw is-sistemi fiskali fl-Unjoni Ewropea kollha;

12.  Jikkonferma l-ħtieġa li jkunu approfonditi d-djalogu u d-diskussjonijiet li għaddejjin ma' pajjiżi terzi u mas-sħab kummerċjali ewlenin tal-UE dwar il-futur tas-settur tal-karozzi u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex tissorvelja mill-qrib l-iżviluppi fil-pajjiżi li mhumiex fl-UE, l-aktar l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Ażja, biex ikunu garantiti kundizzjonijiet ugwali f'livell internazzjonali li bihom il-partijiet kollha jżommu lura mill-protezzjoniżmu u minn miżuri diskriminatorji fis-suq globali tal-karozzi;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipposponi l-konklużjoni tal-Ftehima ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Korea t'Isfel sakemm jintlaħaq ftehim bilanċjat u ġust bejn iż-żewġt isħab;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tapplika b'mod sħiħ il-prinċipji ta' Regolamentazzjoni Aħjar u għalhekk tagħmel evalwazzjoni bir-reqqa tal-impatt tal-leġiżlazzjoni l-ġdida tal-UE dwar il-karozzi, partikolarment fir-rigward tal-effett fuq l-ispiża ta' karozzi ġodda u żmien biżżejjed li hu meħtieġ biex ikunu implimentati l-miżuri, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tadotta approċċ aktar prudenti fir-regolamentazzjoni, f'konformità mar-rakkommandazzjonijiet tal-CARS 21, biex b'hekk tipprovdi ċertezza legali u prevedibilità lis-settur tal-karozzi, u jistieden lill-Kummissjoni biex timplimenta l-proposta tagħha biex jissaħħaħ il-proċess CARS 21 permezz ta' diskussjoni mal-Istati Membri, l-industrija tal-karozzi u l-għaqdiet tal-ħaddiema;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.

Avviż legali - Politika tal-privatezza