MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
18.3.2009
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Martin Schulz and Robert Goebbels
f'isem il-Grupp PSE
dwar il-futur tal-industrija tal-karozzi
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0152/2009
B6‑0155/2009
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-futur tal-industrija tal-karozzi
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Liżbona tat-23 u l-24 ta' Marzu 2000,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tat-2 ta’ Frar 2005 intitolata ‘Naħdmu flimkien għat-tkabbir ekonomiku u għall-impjiegi - bidu ġdid għall-Istrateġija ta' Liżbona’ (COM(2005) 24 finali),
– wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Grupp ta’ Livell Għoli bit-titolu ‘CARS 21 - Qafas Regolatorju Kompetittiv tal-Karozzi għas-Seklu 21’,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Frar 2007 bl-isem ‘Qafas Regolatorju Kompetittiv tal-Karozzi għas-Seklu 21 – il-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-Rapport Finali tal-Grupp ta’ Livell Għoli CARS 21’ (COM(2007) 22 finali),
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew ta' Brussell tat-15 u d-16 ta' Ottubru 2008,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Ottubru 2008 bl-isem ‘Minn kriżi finanzjarja għal irkupru: Qafas Ewropew għall-Azzjoni” (COM(2008) 706 finali),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew tas-26 ta' Novembru 2008 bl-isem ‘Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku’ (COM(2008) 800 finali),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa tal-4 ta’ Marzu 2009 intitolata ‘Nidderieġu l-Irkupru Ewropew’ (COM(2009) 114),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew tal-11 u t-12 ta’ Diċembru 2008,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar CARS 21: Qafas Regolatorju Kompetittiv tal-Karozzi (2007/2120(INI))
– wara li kkunsidra l-istqarrijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-impatt tal-kriżi finanzjarja fuq l-industrija tal-karozzi tal-4 ta’ Frar 2009,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2008 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi standards ta' rendiment għall-emissjonijiet minn karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi għall-użu ħafif (COM(2007)0856 – C6-0022/2008 – 2007/0297(COD)),
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni li ġiet adottata mal-ewwel qari fis-17 ta' Diċembru 2008 bil-ħsieb li jiġi adottat ir-Regolament (KE) Nru ../2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi standards ta' rendiment għall-emissjonijiet għal karozzi ġodda tal-passiġġieri bħala parti mill-approċċ integrat tal-Komunità biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi għall-użu ħafif,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni adottata fil-11 ta’ Marzu 2009 rigward il-Pjan Ewropew għall-Irkupru Ekonomiku (A6-0063/2009),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Ministri Ewropej għall-Industrija mal-Viċi President tal-Kummissjoni, is-Sur Mr Günter Verheugen dwar is-sitwazzjoni tal-qasam tal-karozzi li saret fi Brussell fis-16 ta’ Jannar 2009,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Frar 2009 intitolata ‘Inwieġbu għall-kriżi tal-industrija tal-karozzi Ewropea’ COM (2009) 104 finali,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa informali tal-Kunsill Ewropew tal-1 ta’ Marzu 2009,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill għas-Suq Intern, l-Industrija u r-Riċerka tal-5 ta' Marzu 2009
– wara li kkunsidra l-istatistiċi ppubblikati fid-29 ta' Jannar 2009 mill-Assoċjazzjoni tal-Manifatturi tal-Karozzi Ewropej dwar il-bejgħ tal-vetturi li sar fl-2008,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika ta’ dan l-aħħar qiegħda tolqot l-ekonomija Ewropea bil-qawwa kollha, u b'mod partikulari, setturi bħall-industrija tal-karozzi u l-fornituri tagħha, li huma milquta b'mod sever mill-kriżi f’termini ekonomiċi, soċjali u tal-impjiegi, u billi dan qed jikkawża qgħad u sensji fuq skala kbira;
B. billi fis-26 ta’ Novembru 2008 l-Kummissjoni Ewropea nediet pakkett ta' miżuri li jitolbu lill-Istati Membri u lil entitajiet tal-UE oħrajn, b'mod partikulari lill-Bank Ewropew għall-Investiment (EIB) u lill-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (EBRD), biex jappoġġjaw din l-isfida industrijali ġdida għall-ekonomija u għall-UE matul dan iż-żmien diffiċli, bil-għan li tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u li jiġu salvati l-impjiegi eżistenti;
C billi l-pakkett leġiżlattiv dwar is-sorsi ta' enerġija li jiġġeddu u l-klima, li ġie adottat f'Diċembru li għadda matul il-Presidenza Franċiża, ser ikollu sehem fundamentali fl-inkuraġġiment tal-investimenti ħodor li jkollhom l-għan li jiffrankaw l-enerġija fis-settur tal-karozzi kif ukoll f’setturi oħrajn relatati, u billi dan ser iġib vantaġġi indiskutibbli għal dawn is-setturi;
D billi l-industrija tal-karozzi hija waħda mill-iżjed setturi importanti fl-Unjoni Ewropea, li tipproċduċi 19-il miljun vettura fis-sena u tirrappreżenta 2.3 miljun impjieg dirett u iżjed minn 10 miljun impjieg indirett, li essenzjalment huma konnessi mal-SMEs u li ħafna ħafna minnhom jirrikjedu ħiliet kbar u li għalhekk m'għandhomx jintilfu;
E. billi s-settur tal-karozzi Ewropew huwa industrija strateġika għall-ekonomija Ewropea u huwa l-akbar investitur privat fl-R&D fl-Unjoni Ewropea, u billi l-manifatturi Ewropej tal-karozzi tal-passiġġieri u tal-vetturi kummerċjali għandhom iżommu livelli għolja ta' investiment fid-dawl tar-rekwiżiti regolatorji u kummerċjali, partikularment biex tkun żgurata t-tranżizzjoni għal flotta b'emissjonijiet baxxi,
F. billi l-bejgħ tal-karozzi fl-Ewropa naqas b’7.8% fl-2008 u b’19.3% fir-raba’ kwart tas-sena, u billi r-reġistrazzjonijiet ta’ vetturi kummerċjali naqas b’7.7% bejn Jannar u Novembru u bi 30% matul ix-xahar ta’ Novembru biss,
1. Jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza ta’ inizjattivi kkoordinati favur industrija Ewropea tal-karozzi mill-Istati Membri tal-UE; jenfasizza l-fatt li l-kriżi hija fuq livell Ewropew, u li koordinazzjoni xierqa tal-miżuri nazzjonali u gwida u standards ċara mill-UE għandhom għalhekk jevitaw il-kompetizzjoni inġusta u diskriminatorja bejn l-Istati Membri fir-rigward tal-għajnuna statali, sabiex ikun hemm l-aqwa riżultat possibbli għas-settur kollu;
2. Jinsisti li l-inċentivi finanzjarji jew fiskali kollha għandhom jappoġġjaw u jaċċelleraw it-trasformazzjoni teknoloġika neċessarja tas-settur, b’mod partikulari fil-qasam tal-użu effiċjenti tal-enerġija tal-magni u tat-tnaqqis tal-emissjonijiet, b’konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni adottata dan l-aħħar, inkluża ma' dik fil-qasam tar-riċerka fundamentali; jistieden lill-Kummssjoni biex tissorvelja s-sitwazzjoni u biex tgħarraf lill-Parlament rigward jekk dawn il-kundizzonijiet ikunux qegħdin jiġu ssodisfati;
3. Jirrimarka li irrispettivament mill-kriżi, is-settur qiegħed jiffaċċja l-problema ta’ produzzjoni żejda, u li minħabba dan l-industrija għandha tiżviluppa strateġija kummerċjali koerenti b'konsultazzjoni mal-għaqdiet tal-ħaddiema;
4. Jilqa’ b'sodisfazzjon il-proċess CARS 21 li jistabbilixxi politika industrijali għal perjodu twil fuq livell Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni biex timplimenta, tissorvelja u tirrevedi b’mod kontinwu din l-istrateġija bil-ħsieb li tiżgura li fil-ġejjieni l-industrija tal-karozzi Ewropea tibqa' kompetittiva, bil-għan li tinżamm is-sostenibilità tal-impjiegi f'dan il-qasam strateġiku tal-industrija;
5. Jilqa’ b’sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni biex tagħti tweġiba politika effiċjenti għad-diffikultajiet tal-kumpanija General Motors Europe u tal-fornituri tagħha billi tikkoordina l-isforzi tal-Istati Membri kkonċernati, inklużi l-organizzazzjoni tal-laqgħa ministerjali tat-13 ta' Marzu 2009 u s-sejba ta’ soluzzjoni ekwa u ġusta għall-kwistjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;
6. Jenfasizza l-importanza kruċjali tat-taħriġ pro-attiv u tal-iskemi tat-taħriġ mill-ġdid fi stadju bikri għall-ħaddiema li huma mhedda bit-telf tal-impjieg tagħhom f’din l-industrija;
7. Jistaqsi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex tiżgura li r-ristrizzjonijiet potenzjali fuq il-livell tal-produzzjoni u fuq il-pjanijiet tar-ristrutturazzjoni jkunu żviluppati bl-għarfien sħiħ tar-rappreżentanti tal-ħaddiema u b'konsultazzjoni mill-qrib magħhom; għaldaqstant jenfasizza l-ħtieġa li l-għaqdiet tal-ħaddiema jkunu assoċjati bis-sħiħ mad-diskussjonijiet attwali u li jiġu żviluppati pjanijiet ta’ appoġġ fuq livell nazzjonali u Ewropew; jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġja djalogu soċjali Ewropew reali matul il-ġimgħat u x-xhur li ġejjin;
8. Jitlob lill-Kummissjoni biex tressaq proposti b'mod urġenti dwar l-aqwa użu tal-Fondi Ewropej li hemm disponibbli għall-appoġġ tal-impjiegi, fi ħdan il-kuntest ta' implimentazzjoni bilanċjata tal-prijoritajiet kollha ta' Liżbona (il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Strutturali, il-Fond Soċjali u l-Fond tal-Globalizzazzjoni);
9. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, b’mod partikulari, biex tiżgura li l-fondi Ewropej disponibbli, bħall-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Globalizzazzjoni, isiru disponibbli biex jagħtu kontribut fl-iskemi tat-taħriġ u tat-taħriġ mill-ġdid għall-ħaddiema fi stadju bikri, kull fejn u kull meta jkollhom jiġu applikati ristrizzjonijiet fuq il-ħin tax-xogħol;
10. Jitlob lill-EIB biex kemm jista’ jkun malajr iqiegħed disponibbli r-riżorsi neċessarji fi ħdan il-qafas tal-missjoni tiegħu, b'mod speċjali favur impjiegi ħodor u sostenibbli; jinsisti biex l-EIB jagħti attenzjoni biżżejjed lill-SMEs li huma interkonnessi mas-settur tal-karozzi sabiex iżommu l-aċċess tagħom għall-kreditu;
11. Jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex tħaffef, tissimplifika u żżid b’mod sostanzjali l-appoġġ finanzjarju għall-industrija tal-karozzi, l-aktar permezz tal-Bank Ewropew għall-Investiment u l-Banki Ċentrali Ewropew, u billi jkunu possibbli garanziji statali għal self b'interess baxx;
12. Iħeġġeġ lill-Istati Membri, f’dan ir-rigward, biex iżidu l-kapital tal-EIB b’mod li jiżguraw li l-kapaċità ta’ self tiegħu tkun taqbel mal-ħtiġijiet finanzjarji fuq żmien medju tal-industrija tal-karozzi u ta’ industriji oħrajn fejn dan ikun meħtieġ;
13. Jistieden lill-Istati Membri biex skont is-sitwazzjonijiet ekonomiċi tagħhom jieħdu diversi miżuri possibbli u temporanji biex jerġgħu jqajmu l-ekonomija Ewropea fuq saqajha permezz ta’ inċentibi adegwati, bħall-iskemi nazzjonali tal-iskrappjar tal-karozzi, li jistgħu jiġu estiżi b’mod utli għall-UE kollha u li l-prattiki tagħhom għandhom ikunu skambjati, u biex jieħdu miżuri maħsuba biex tingħata spinta mill-ġdid lis-suq tal-kiri tal-karozzi u tat-trakkijiet u lill-aċċess relatat mal-kreditu għall-konsumaturi;
14. Jitlob lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex tħeġġeġ djalogu internazzjonali dwar il-futur tas-settur tal-karozzi globali mal-Istati Uniti u ma' pajjiżi oħrajn li jipproduċu l-karozzi, sabiex jiżguraw li jkun hemm kundizzjonijiet ugwali u kompetizzjoni ġusta fis-swieq globali miftuħin;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.