Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0158/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0158/2009

PROPOSTA GĦAL RAKKOMANDAZZJONI LILL-KUNSILL

19.3.2009

imressqa skont l-Artikolu 114(1) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Brian Crowley
f'isem il-Grupp UEN
dwar il-kundanna tar-reati Sovjetiċi kontra l-priġunieri militari u ċivili

B6‑0158/2009

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kundanna tar-reati Sovjetiċi kontra l-priġunieri militari u ċivili

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1948 dwar il-Prevenzjoni u l-Kastig tar-Reat tal-Ġenoċidju,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni għall-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 114(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  wara li kkunsidra s-sittin anniversarju ta' meta faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija,

B.  billi l-Patt bejn il-Ġermanja u l-Unjoni Sovjetika ta' Awwissu tal-1939 kien pass lejn il-kollaborazzjoni bejn il-Ġermanja u l-Unjoni Sovjetika bejn l-1939 u l-1941, u billi protokoll sigriet, addizzjonali għall-Patt iddetermina 'trasformazzjoni politika u territorjali' komuni tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant,

C.  wara li kkunsidra l-aggressjoni mhux ipprovokata tal-Unjoni Sovjetika kontra l-Polonja (17 ta' Settembru 1939), il-Litwanja, il-Latvja u l-Estonja (16 ta' Ġunju 1940), u r-Rumanija (Ġunju 1940),

D.  billi l-Unjoni Sovjetika ma rrispettatx il-konvenzjonijiet internazzjonali rigward it-trattament tal-priġunieri tal-gwerra ffirmati fl-Aja fl-1899 u fl-1907, u f'Ġinevra fl-1929,

E.  billi, bħala konsegwenza tal-aggressjoni msemmija hawn fuq, l-Unjoni Sovjetika okkupat it-territorji tal-Polonja, il-Litwanja, il-Latvja, l-Estonja u r-Rumanija u organizzat deportazzjonijiet tal-massa taċ-ċittadini tagħhom għall-kampijiet ta' konċentrament Sovjetiċi, u minħabba f'hekk miljuni minn dawn iċ-ċittadini mietu f'kundizzjonijiet tal-biża' jew ġarrbu tbatija inimmaġinabbli minħabba x-xogħol sfurzat, il-ġuħ, il-bard u l-mard,

F.  billi l-priġunieri tal-gwerra tal-pajjiżi alleati (il-Ġermanja u l-Italja) u l-priġunieri mill-koalizzjoni kontra Hitler (i.e. il-Polonja, ir-Repubblika Ċeka u s-Slovakja) kienu ttrattati b'mod simili,

1.  Jikkundanna l-aggressjoni msemmija hawn fuq u r-reati Sovjetiċi kontra l-priġunieri militari u ċivili, minn pajjiżi li llum huma Stati Membri tal-Unjoni Ewropea;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa, f'isem il-valuri tal-bniedem u fl-interess tal-kollaborazzjoni tajba mal-UE, biex jikkundannaw ir-reati u l-aggressjoni tal-Unjoni Sovjetika;

3.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Federazzjoni Russa biex jiftħu l-arkivji għall-istudjużi tal-istorja li jagħmlu r-riċerka, b'mod partikulari dwar il-kundizzjonijiet tal-priġunieri militari u ċivili fil-kampijiet ta' konċentrament Sovjetiċi;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-rakkomandazzjoni lill-Federazzjoni Russa, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kummissjoni.