Mozzjoni għal riżoluzzjoni - B6-0164/2009Mozzjoni għal riżoluzzjoni
B6-0164/2009

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

25.3.2009

imressqa biex jingħalaq id-dibattitu dwar id-dikjarazzjonijiet mill-Kunsill u mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura
minn Martin Schulz, Hannes Swoboda, Jan Marinus Wiersma, Helmut Kuhne, Miguel Angel Martínez Martínez, Justas Vincas Paleckis u Józef Pinior
f'isem il-Grupp PSE
dwar il-kuxjenza Ewropea u t-totalitarjaniżmu

Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
B6-0164/2009
Testi mressqa :
B6-0164/2009
Dibattiti :
Testi adottati :

B6‑0164/2009

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kuxjenza Ewropea u t-totalitarjaniżmu

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Qafas 2008/913/JHA tat-28 ta’ Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet tar-razziżmu u l-ksenofobija permezz tal-liġi kriminali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-istoriċi jaqblu li interpretazzjonijiet totalment oġġettivi tal-fatti storiċi mhumiex possibbli u narrattivi storiċi oġġettivi ma jeżistux; billi, madankollu, storiċi professjonali jużaw għodod xjentifiċi biex jistudjaw l-imgħoddi, u, b'dan, jippruvaw ikunu imparzjali kemm jista’ jkun,

B.  billi l-ebda korp politiku jew partit politiku m’għandu monopolju fuq l-interpretazzjoni tal-istorja u tali korpi u partiti ma jistgħux jippretendu li huma oġġettivi,

C.  billi interpretazzjonijiet politiċi uffiċjali tal-fatti storiċi m'għandhomx ikunu imposti permezz ta' deċiżjonijiet bil-maġġoranza fil-parlamenti; billi parlament ma jistax jiddetermina kif il-passat jiġi meqjus permezz tal-leġiżlazzjoni,

D.  billi wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea huwa li jiġi żgurat rispett għad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt fil-futur, u billi l-mekkaniżmi adatti għall-kisba ta' dan il-għan ġew ipprovduti bl-Artikoli 6 u 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

E.  billi interpretazzjonijiet ħżiena tal-istorja jistgħu jagħtu lok għal politiki ta’ esklużjoni u b'hekk iqanqlu l-mibegħda u r-razziżmu,

F.  billi miljuni ta' vittmi ġew deportati, mitfugħa l-ħabs, ittorturati u maqtula minn reġimi totalitarji u awtoritarji matul is-seklu 20 fl-Ewropa; billi l-istorja tal-Ewropa tas-seklu 20 hija kumplessa ħafna u ambivalenti, kif huma l-memorji tal-popli dwarha,

G.  billi, għalkemm sar progress enormi fl-unifikazzjoni tal-Lvant u l-Punent f’termini istituzzjonali u ekonomiċi, l-unifikazzjoni tal-memorja għad trid iseħħ,

H.  billi deċiżjonijiet dwar il-kommemorazzjoni ta’ avvenimenti tal-imgħoddi m’għandhomx isiru s-suġġett ta’ argumenti politiċi; billi l-politiċi għandhom jistaqsu lill-istoriċi għal parir indipendenti u għandhom jinkoraġġixxu dibattitu miftuħ dwar interpretazzjonijiet storiċi differenti ta’ ċerti avvenimenti,

I.  billi l-esperjenza storika dominanti tal-Ewropa tal-Punent kienet in-Naziżmu, billi l-pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali kellhom l-esperjenza miżjuda tal-Komuniżmu, u billi għandha tiġi promossa l-komprensjoni għall-wirt doppju ta’ dittatorjat li għandhom dawn il-pajjiżi,

J.  billi l-parti l-kbira tal-istoriċi jaqblu li n-Naziżmu u l-Istaliniżmu kienu essenzjalment differenti, minkejja ċertu xebh, għalkemm mill-perspettiva tal-vittmi ma tagħmilx differenza liema reġim serqilhom il-libertà tagħhom jew ittorturahom jew assassinahom għal kwalunkwe raġuni,

1.  Jitlob għall-proklamazzjoni ta' Jum ta’ Tifkira mal-Ewropa kollha għall-vittmi tar-reġimi totalitarji kollha, speċjalment in-Naziżmu u l-Istaliniżmu, li għandu jiġi ċċelebrat b'dinjità u imparzjalità; Jistieden lill-kumitat ta' esperti għal Dar l-Istorja Ewropea biex iressaq proposti għal data xierqa li sservi biex tfakkar lill-ċittadini tal-Ewropa dwar il-perikli ta' totalitarjaniżmu;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.