MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
25.3.2009
skont l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura, minn
- –Doris Pack, f’isem il-Grupp PPE-DE
- –Christa Prets, f'isem il-Grupp PSE
- –Hannu Takkula u Grażyna Staniszewska, f'isem il-Grupp ALDE
Ara wkoll il-mozzjoni għal riżoluzzjoni komuni RC-B6-0166/2009
B6‑0166/2009
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-irwol tal-kultura fl-iżvilupp tar-reġjuni Ewropej
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 ta’ Mejju 2007 dwar il-kontribut tas-settur kulturali u dak kreattiv għat-temma tal-objettivi ta’ Liżbona,
– wara li kkunsidra l-azzjoni fil-qasam tal-kultura, fil-kuntest tal-programm Kultura 2007 (2007-2013),
– wara li kkunsdra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar aġenda Ewropea tal-kultura fl-era tal-globalizzazzjoni[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' April 2008 dwar l-industriji kulturali fl-Ewropa[2],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-"ruħ" kulturali tal-Ewropa qed issir dejjem aktar importanti bħala mezz biex l-Ewropej jersqu lejn xulxin,
B. billi l-kulturi tal-Ewropa huma fatturi strateġiċi fl-iżvilupp tal-Ewropa fuq il-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali, kif ukoll fil-livell tal-istituzzjonijiet ċentrali Ewropej,
C. billi l-bliet u reġjuni qegħdin isiru atturi Ewropej hekk kif jagħmlu tagħhom l-idea tal-Ewropa u jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea,
D. billi proġetti kulturali msejsa fuq inizjattivi tas-soċjetà ċivili jidhru li huma effettivi fit-tisħiħ u l-iżvilupp tar-reġjuni,
E. billi l-konferenzi reġjonali huma mod eċċellenti li permezz tiegħu gruppi ta' inizjattiva ċivika jistgħu jressqu proġetti u proposti, jaqsmu l-aħjar prattiki u jmexxu djalogu bejn il-partijiet responsabbli,
1. Jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta l-Green Paper b'għażla ta' miżuri possibbli għall-attivitajiet kulturali kontemporanji mmirati biex isaħħu l-iżvilupp fir-reġjuni Ewropej;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex tappoġġa l-konferenzi reġjonali, flimkien mal-awtoritajiet reġjonali u s-soċjetà ċivili lokali;
3. Jitlob azzjoni u kampanji ta' informazzjoni dwar l-irwol tal-proġetti kulturali għall-iżvilupp reġjonali;
4. Jitlob lill-partijiet ikkonċernati sabiex jaħdmu għall-implimentazzjoni bil-ħeffa u effiċjenti ta' proġetti bħal dawn;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni u lill-Kumitat tar-Reġjuni.
- [1] Testi adottati, P6_TA(2008)0124
- [2] Testi adottati, P6_TA(2008)0123.